Language of document : ECLI:EU:F:2011:56

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Mejju 2011

Kawża F-66/10

AQ

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rapport ta’ evalwazzjoni — Proċedura ta’ evalwazzjoni 2009 — Grad tal-evalwatur inferjuri għal dak tal-persuna li tokkupa l-pożizzjoni — Evalwazzjoni tal-effiċjenza fuq parti mill-perijodu ta’ referenza — Nuqqas ta’ stabbiliment ta’ objettivi għall-persuna li tokkupa l-pożizzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106 a tiegħu, li permezz tiegħu AQ jitlob, minn naħa waħda, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2008, tad-deċiżjoni li attribwit lil AQ żewġ punti ta’ promozzjoni fil-kuntest tal-proċedura 2009, u tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tat-12 ta’ Mejju 2010, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra dan ir-rapport u, min-naħa l-oħra, il-kundanna lill-Kummissjoni tħallsu s-somma ta’ EUR 25 000 bħala kumpens għad-danni morali u pekunjarji li huwa jikkunsidra li ġarrab minħabba dawn id-deċiżjonijiet.

Deċiżjoni:      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għall-proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni 2009 kif ukoll id-deċiżjoni li attribwit lil AQ żewġ punti ta’ promozzjoni fil-kuntest tal-istess proċedura huma annullati. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 2 000. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huma miċħuda. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Grad tal-evalwatur inferjuri għal dak tal-uffiċjal evalwat — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Evalwatur li jeżerċita l-poter tiegħu fil-kuntest ta’ sostituzzjoni — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Uffiċjal li l-assenjazzjoni tiegħu nbidlet matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Obbligu li jiġu stabbiliti l-objettivi li għandhom jintlaħqu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Stabbiliment tal-obbjettivi li għandhom jintlaħqu — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

6.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat għad-dannu morali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 91)

1.      Ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas minn xi prinċipju tad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni li uffiċjal jista’ jiġi evalwat biss minn uffiċjal bi grad superjuri għal tiegħu. B’mod kuntrarju, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxux korrispondenza fissa bejn funzjoni determinata u grad determinat.

Barra minn hekk, il-fatt li l-evalwatur ikollu grad inferjuri għal dak tal-persuna li tiġi evalwata ma jikkostitwixxix sitwazzjoni ta’ kunflitt tal-interessi. Fil-fatt, meta l-uffiċjal li qiegħed jiġi evalwat u l-evalwatur tiegħu ma jkunux kandidati għal promozzjoni fl-istess grad u għalhekk ma jkunux f’kompetizzjoni f’dan ir-rigward, l-evalwatur ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikollu tentazzjoni li jiżvaluta l-merti tal-uffiċjal li qiegħed jiġi evalwat, minħabba li l-possibbiltajiet għall-promozzjoni tal-evalwatur fil-grad superjuri ma humiex konnessi direttament mal-evalwazzjoni tal-valur professjonali tal-uffiċjal li qiegħed jiġi evalwat.

(ara l-punti 45 u 46)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Economidis, T‑56/07 P, punti 59 u 60; 18 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Traoré, T‑572/08 P, punt 41; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill, F‑53/08, punt 80

2.      Imur kontra l-eżiġenzi ta’ kontinwità tas-servizz u ta’ amministrazzjoni tajba li kap ta’ unità ma jkunx jista’ jeżerċita funzjonijiet ta’ evalwatur minħabba r-raġuni unika li huwa jkun qed jeżerċita l-poter tiegħu fil-kuntest ta’ sostituzzjoni.

(ara l-punt 50)

3.      Ir-rapport tal-iżvilupp ta’ evalwazzjoni għandu bħala l-ewwel funzjoni tiegħu li jipprovdi lill-amministrazzjoni b’informazzjoni perijodika kompluta kemm jista’ jkun possibbli dwar il-kundizzjonijiet ta’ twettiq tas-servizz tagħhom mill-uffiċjali tagħha. Tali rapport ma jistax fil-verità jissodisfa dan ir-rwol jekk is-superjuri diretti li skont l-ordnijiet tagħhom il-persuna kkonċernata eżerċitat il-funzjonijiet tagħha waqt il-perijodu ta’ evalwazzjoni ma jiġux ikkonsultati minn qabel mill-evalwatur u jekk ma jitpoġġewx fil-pożizzjoni li jittrażmettu l-kummenti eventwali tagħhom. In-nuqqas ta’ tali konsultazzjoni tikkostitwixxi irregolarità sostanzjali fil-proċedura ta’ natura li tivvizzja l-validità tar-rapport.

Barra minn hekk, għalkemm ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jirrigwarda t-totalità tal-perijodu ta’ referenza, il-fatt li l-evalwatur wettaq żball manifest meta llimita l-evalwazzjoni tiegħu dwar l-effiċjenza tal-persuna kkonċernata għal parti mill-perijodu ma jistax iwassal għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni ħlief sa fejn din l-irregolarità ma setgħetx tiġi rrettifikata mill-validatur jew mill-evalwatur fl-appell, peress li dawn tal-aħħar huma evalwaturi li jeżerċitaw funzjonijiet sħiħa.

(ara l-punti 59 u 61)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑63/89, punt 27; 5 ta’ Novembru 2003, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑326/01, punt 61; 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il‑Kummissjoni, T‑43/04, punt 90; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 25 ta’ April 2007, Lebedef-Caponi vs Il‑Kummissjoni, F‑71/06, punt 48; 13 ta’ Diċembru 2007, Sequeira Wandschneider vs Il‑Kummissjoni, F‑28/06, punti 43 u 49

4.      In-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli li jippreskrivu l-istabbiliment tal-obbjettivi lil uffiċjal fil-bidu ta’ kull perijodu ta’ evalwazzjoni għandu natura sostanzjali u jiġġustifika ċ-ċensura tar-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat.

Fil-fatt, l-istabbiliment tal-obbjettivi jikkostitwixxi element ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tal-uffiċjal u għar-redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, l-istabbiliment tal-obbjettivi huwa meħtieġ a fortiori fir-rigward ta’ uffiċjal li ngħatawlu kompiti ġodda f’unità oħra, li fiha huwa għandu jintegra ruħu fl-iqsar żmien. Konsegwentement, l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tistabbilixxi formalment objettivi lill-uffiċjal matul il-bidla fl-assenjazzjoni tiegħu, fil-kuntest ta’ djalogu mal-evalwatur tiegħu.

(ara l-punti 68, 84 u 85)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Settembru 2009, Skareby vs Il‑Kummissjoni, T‑193/08 P, punti 71 sa 75; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Diċembru 2007, Sundholm vs Il‑Kummissjoni, F‑42/06, punti 39 sa 41; 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il‑Parlament, F‑71/08, punti 54 sa 60

5.      Id-dokument tad-deskrizzjoni ta’ impjieg ma jistax, bħala tali, jiġi kkunsidrat bħala dokument li jistabbilixxi l-obbjettivi ta’ uffiċjal għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dokumenti għandhom għanijiet u karatteristiċi differenti. Fil-fatt, il-fatt li uffiċjal ikollu għarfien tal-kompiti li jkunu ġew fdati lilu bl-ebda mod ma jimplika li objettivi fir-rigward tagħhom kienu ġew stabbiliti kif suppost.

Bl-istess mod, l-aġġornament tal-obbjettivi tal-uffiċjal f’sistema informatika tal-amministrazzjoni tal-persunal ma jistax ikun ifisser l-istabbiliment formali tal-obbjettivi, peress li tali iskrizzjoni informatika ma tistax tissostitwixxi djalogu formali bejn l-evalwatur u l-persuna li tokkupa l-pożizzjoni.

Fl-aħħar lok, l-awtoevalwazzjoni tal-uffiċjal ma turix l-għarfien tiegħu tal-kompiti u tal-obbjettivi li huma assenjati lilu. Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ objettivi huwa r-responsabbiltà tal-evalwatur u huwa xieraq, għall-finijiet tal-oġġettività tal-evalwazzjoni u tal-ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali, li tiġi żgurata separazzjoni bejn il-funzjonijiet tal-evalwatur u dawk tal-persuna li qiegħda tiġi evalwata.

(ara l-punti 88 sa 90)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Novembru 2007, Vounakis vs Il‑Kummissjoni, T‑214/05, punt 43; iċċitata iktar ’il fuq, Skareby vs Il‑Kummissjoni, punt 83; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku N vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57

6.      L-annullament ta’ att amministrattiv ikkontestat minn uffiċjal jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għad-dannu morali kollu li dan tal-aħħar seta’ ġarrab.

Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ illegalità relatata mal-assenza ta’ stabbiliment formali ta’ objettivi għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ uffiċjal, liema evalwazzjoni ma tistax tkun faċilment irriveduta. Fil-fatt, fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-res judicata, huwa impossibbli li jiġu assenjati retroattivament objettivi lil uffiċjal u huwa diffiċli li jiġi żgurat li l-prestazzjonijiet tal-persuna kkonċernata jkunu jistgħu jiġu evalwati bl-istess mod bħal fil-każ kieku l-obbjettivi ġew stabbiliti ab initio. Għaldaqstant, u jkun xi jkun il-livell ta’ eżekuzzjoni ddeterminata mir-rapport ta’ evalwazzjoni l-ġdid li l-istituzzjoni għandha tistabbilixxi, jibqa’ dubju fir-rigward tal-eżekuzzjoni li l-uffiċjal seta’ jwettaq li kieku l-obbjettivi kienu ġew stabbiliti mill-bidu. Issa, dan id-dubju jikkostitwixxi dannu.

(ara l-punti 103 u 110)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Jannar 1995, Pierrat vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T­60/94, punt 62; 21 ta’ Jannar 2004, Robinson vs Il‑Parlament, T‑328/01, punt 79; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Sundholm vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44