Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fl-20 ta’ Frar 2019 – Pensionsversicherungsanstalt vs CW

(Kawża C-135/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pensionsversicherungsanstalt

Konvenuta: CW

Domandi preliminari

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 1 , l-allowance Awstrijaka għar-riabilitazzjoni għandha titqies

bħala benefiċċju marbut mal-mard skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament, jew

bħala benefiċċju marbut mal-invalidità skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament, jew

bħala benefiċċju tal-qgħad skont l-Artikolu 3(1)(h) tar-Regolament?

Fid-dawl tad-dritt primarju, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala l-Istat ta’ residenza preċedenti u l-Istat ta’ impjieg preċedenti, Stat Membru huwa obbligat iħallas benefiċċji bħall-allowance Awstrijaka għar-riabilitazzjoni lil persuna li hija residenti fi Stat Membru ieħor jekk dik il-persuna tkun ikkompletat il-parti l-kbira tal-perijodi ta’ assigurazzjoni marbuta mal-fergħat tal-mard u tal-pensjoni bħala impjegat fl-Istat Membru l-ieħor (wara t-trasferiment ta’ residenza lejn dak il-pajjiż snin qabel) u li minn dakinhar ma rċeviet l-ebda benefiċċju mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard u għall-pensjoni tal-Istat preċedenti ta’ residenza u ta’ impjieg?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.