Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ottubru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija
(Kawża C-638/18)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Nicolae u K. Petersen, aġenti)
Konvenuta: Ir-Rumanija
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tikkonstata li, minħabba l-inosservanza sistematika u kostanti, sa mill-2007, tal-valuri ta’ limitu ta’ kuljum għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10, kif ukoll minħabba l-inosservanza sistematika u kostanti, mill-2007 sal-2014 inkluża din tal-aħħar imsemmija sena, bl-eċċezzjoni tas-sena 2013, tal-valuri ta’ limitu ta’ kuljum għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10, fiż-żona RO32101 Bukarest, ir-Rumanija naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13(1), moqri flimkien tal-Anness XI, tad-Direttiva 2008/50/KE 1 ;
tikkonstata li, fir-rigward taż-żona RO32101 Bukarest, ir-Rumanija naqset, sa mill-11 ta’ Ġunju 2010, mill-obbligi tagħha previsti mill-Artikolu 23(1), moqri flimkien mal-Anness XV, Taqsima A, tad-Direttiva 2008/50/KE, b’mod partikolari mill-obbligu previst fit-tieni paragrafu, li tiżgura li l-perijodu li fih jiġu eċċeduti l-valuri ta’ limitu ta’ PM10 ikun l-iqsar wieħed possibbli;
tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Sa mill-2007, il-valuri ta’ limitu ta’ kuljum għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 ġew eċċeduti b’mod sistematiku u kostanti fiż-żona RO32101 Bukarest. Barra minn hekk, mill-2007 sal-2014 inkluża din tal-aħħar imsemmija sena, bl-eċċezzjoni tas-sena 2013, ġew eċċeduti l-valuri ta’ limitu annwali għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 f’din l-istess żona. Dawn l-eċċessi huma suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 13(1), moqri flimkien mal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE.
Minkejja dawn l-eċċessi, ir-Rumanija ma stabbilixxietx pjanijiet għal din iż-żona konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artickolu 23(1) tad-direttiva, b’mod iktar partikolari mal-obbligu li jiġu adottati miżuri adatti sabiex il-perijodu ta’ eċċess tal-limiti massimi ta’ PM10 ikun l-iqsar possibbli. Dan in-nuqqas jirriżulta mill-perijodu estiż li matulu ġew ikkonstatati eċċessi, mit-termini twal previsti sabiex jiġu tterminati dawn l-eċċessi, mill-assenza ta’ ċerti elementi previsti fl-Anness XV, Taqsima A, tad-direttiva, kif ukoll mill-fatt li l-pjanijiet ma jindirizzawx il-kawżi prinċipali kollha tal-eċċess tal-valuri ta’ limitu massimi u lanqas ma jipprevedu miżuri obbligatorji suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-valuri ta’ limitu.
____________
1 ĠU 2008, L 152, p. 1.