Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fl-4 ta’ Settembru 2020 – Proċeduri kriminali kontra MM

(Kawża C-414/20 PPU)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Proċeduri kriminali kontra:

MM

Domandi preliminari

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-mandat ta’ arrest Ewropew u l-att nazzjonali li fuq il-bażi tiegħu jinħareġ dan il-mandat għandhom jinħarġu biss mill-prosekutur pubbliku, mingħajr ma huwa possibbli li l-qorti tipparteċipa fil-ħruġ jew teżerċita stħarriġ qabel jew wara l-ħruġ tiegħu, hija konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45)?

Mandat ta’ arrest Ewropew li jkun inħareġ fuq il-bażi ta’ att ta’ tqegħid taħt investigazzjoni fil-konfront tal-persuna mfittxija, fejn dan l-att ma jkunx jikkonċerna ż-żamma ta’ din il-persuna taħt detenzjoni, huwa konformi mal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: f’sitwazzjoni fejn, minkejja li l-qorti ma tkunx ipparteċipat fil-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u lanqas ma tkun stħarrġet il-legalità tiegħu u minkejja li dan il-mandat ikun inħareġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali li ma jipprevedix iż-żamma taħt detenzjoni tal-persuna mfittxija, dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun effettivament implimentat u l-persuna mfittxija tkun ikkonsenjata, il-persuna mfittxija għandha tingħata dritt għal rimedju effettiv fil-kuntest tal-istess proċedura kriminali bħal dik li matulha jkun inħareġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew? Id-dritt għal rimedju effettiv jimplika li l-persuna mfittxija għandha titqiegħed fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha li kienu ma kienx hemm ksur?

____________