Language of document : ECLI:EU:F:2007:237

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-84/06

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Responsabbiltà għall-ħlas ta’ spejjeż mediċi – Ċaħda espliċita tat-talba”

Suġġett: Rikors, imressaq skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih L. Marcuccio, ex uffiċjal tal-Kummissjoni, jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad it-talbiet tiegħu ta’ l-20 ta’ Ġunju u tat-18 ta’ Lulju 2005 sabiex jikseb kumpens ta’ 100 % għal diversi spejjeż mediċi, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ir-rikorrent jitlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu d-differenza bejn l-ammont totali ta’ l‑ispejjeż mediċi in kwistjoni u l-ammont li diġà tħallas lura lilu għal dan il-għan, jiġifieri s-somma ta’ EUR 89.56. Fl-aħħar nett, ir‑rikorrent jitlob li dan l-ammont jiżdied bl-imgħaxijiet ta’ dewmien ta’ 10 %, bil-kapitalizzazzjoni annwali li għandha tgħodd mill‑21 ta’ Ġunju 2005.

Deċiżjoni: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jastjeni milli jassumi l‑kompetenza tiegħu fil-kawża F‑84/06, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, sabiex il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tkun tista’ tiddeċiedi din il-kawża. L‑ispejjeż huma riżervati.

Sommarju

Proċedura – Qsim tal-kompetenzi bejn il-qrati Komunitarji differenti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 8(3); Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 72)

Meta jitressaq rikors kontra r-rifjut li uffiċjal jitħallas lura 100 % ta’ l-ispejjeż mediċi li l-interessat jallega li għandu dritt għalihom minħabba l-marda mentali li jallega li għandu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa obbligat, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja, li jastjeni milli jassumi l‑kompetenza tiegħu favur il-Qorti tal‑Prim’Istanza, meta jkun hemm pendenti quddiem din ta’ l-aħħar rikorsi oħrajn, bejn l-istess partijiet, ibbażati fuq l-istess kawża ġuridika u li jirrigwardaw ukoll id-dritt għall-ħlas lura 100 % ta’ spejjeż mediċi. Dawn id-diversi rikorsi jikkorrispondu għal kawża waħda li hija l‑istess, u jidher li huwa konformi ma’ l‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li d‑dispożizzjonijiet ta’ l‑Artikolu 8(1) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja huwa intiż li jiggarantixxi, li s‑soluzzjoni tal-kwistjoni kollha titħalla f’idejn qorti waħda.

(ara l-punti 8 sa 16)