Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fit-18 ta’ Diċembru 2019 – ‘Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras’ UAB, partijiet oħra: ‘Ecoservice Klaipėda’ UAB, ‘Klaipėdos autobusų parkas’ UAB, ‘Parsekas’ UAB, ‘Klaipėdos transportas’ UAB

(Kawża C-927/19)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti fuq punt ta’ liġi: ‘Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras’ UAB

Partijiet oħra fil-proċedura: ‘Ecoservice Klaipėda’ UAB, ‘Klaipėdos autobusų parkas’ UAB, ‘Parsekas’ UAB, ‘Klaipėdos transportas’ UAB

Domandi preliminari

Kundizzjoni ta’ offerta li abbażi tagħha fornituri għandhom juru ċertu livell ta’ dħul annwali operattiv medju ġġenerat mit-twettiq ta’ attivitajiet relatati biss ma’ servizzi speċifiċi (ġestjoni tal-iskart muniċipali mħallat) taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 58(3) jew (4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE? 1

Il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità tal-fornitur, li huwa stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Mejju 2017, Esaprojekt (C-387/14), 2 jiddependi fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?

Kundizzjoni ta’ offerta li abbażi tagħha fornituri għandhom juru li l-vetturi neċessarji għall-provvisti ta’ servizzi (ta’ ġestjoni tal-iskart) jikkonformaw ma’ rekwiżiti tekniċi speċifiċi, li jinkludu l-emissjonijiet li jniġġsu (EUR 5), l-installazzjoni ta’ trażmettitur GPS, kapaċità xierqa u oħrajn, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni (a) tal-Artikolu 58(4), (b) tal-Artikolu 42 flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VII, (ċ) tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24?

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, 3 li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ effettività tal-proċeduri ta’ reviżjoni, l-Artikolu 1(3) u (5) tagħha, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 u d-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom, 4 b’mod partikolari l-premessa 18 u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tagħha (flimkien jew separatament, iżda mhux limitatament għalihom), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta tkun ġiet stabbilita proċedura prekontenzjuża tar-riżoluzzjoni ta’ tilwim fir-regoli nazzjonali interni li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi:

(a) l-awtorità kontraenti għandha tipprovdi lill-fornitur li jkun beda’ l-proċedura ta’ reviżjoni d-dettalji kollha tal-offerta ta’ fornitur ieħor (indipendentement min-natura kunfidenzjali tagħhom), jekk is-suġġett ta’ din il-proċedura jkun speċifikatament il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-fornitur l-ieħor u l-fornitur li jkun beda’ l-proċedura jkun talab b’mod espliċitu lill-awtorità kontraenti sabiex tipprovdihom qabel dan;

(b) indipendentement mir-risposta li tingħata għad-domanda preċedenti, l-awtorità kontraenti, meta tiċħad it-talba mressqa mill-fornitur dwar il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-kompetitur tiegħu, għandha xorta waħda tagħti risposta ċara, komprensiva u speċifika, irrispettivament mir-riskju li tiġi żvelata informazzjoni kunfidenzjali ta’ offerta fdata lilha?

5)    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 1(3) u (5) u l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 u d-Direttiva 2016/943, b’mod partikolari l-premessa 18 (flimkien jew separatament, iżda mhux limitatament għalihom) għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li ma tagħtix aċċess lil fornitur għad-dettalji kunfidenzjali ta’ offerta ta’ parteċipant ieħor tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata separatement quddiem il-qrati?

6)    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fornitur għandu jressaq talba mal-awtorità kontraenti fir-rigward ta’ tali deċiżjoni meħudha minnha u, jekk ikun il-każ, jippreżenta kawża quddiem il-qorti?

7)    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu interpretati fis-sens li skont il-firxa tal-informazzjoni disponibbli dwar il-kontenut tal-offerta tal-fornitur l-ieħor, il-fornitur jista’ jippreżenta kawża quddiem il-qrati fir-rigward biss tar-rifjut li tiġi pprovduta lilu informazzjoni, mingħajr ma jikkontesta separatament il-legalità ta’ deċiżjonijiet oħra tal-awtorità kontraenti?

8)    Indipendentement mir-risposti għad-domandi preċedenti, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2016/943 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti, wara li tkun irċeviet it-talba tar-rikorrenti li l-parti l-oħra fit-tilwima tiġi ordnata tipproduċi evidenza u li l-qorti tagħmilha disponibbli għar-rikorrenti, għandha tilqa’ tali talba, irrispettivament mill-azzjonijiet tal-awtorità kontraenti matul il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ reviżjoni?

9)    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2016/943 għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara ċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti għall-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali tal-parti l-oħra għat-tilwima, il-qorti għandha ex officio tevalwa l-importanza tad-data li qiegħed jintalab l-iżvelar tagħha u l-effett tad-data fuq il-legalità tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi?

10)    Il-motiv għal esklużjoni ta’ fornituri indikat fl-Artikolu 57(4)(h) tad-Direttiva 2014/24, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 935 jista’ jiġi applikat b’tali mod li l-qorti, meta teżamina tilwima bejn fornitur u l-awtorità kontraenti, tista’ tiddeċiedi ex officio, irrispettivament mill-evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti, li l-offerent ikkonċernat, b’mod intenzjonali jew negliġenti, issottometta informazzjoni qarrieqa, fattwalment ineżatta lill-awtorità kontraenti u, għalhekk, kellu jiġi eskluż mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi?

11)    L-Artikolu 57(4)(h) tad-Direttiva 2014/24, applikat flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat u applikat b’tali mod li, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tipprovdi għal sanzjonijiet addizzjonali (minbarra l-esklużjoni mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi) minħabba s-sottomissjoni ta’ informazzjoni falza, dawn is-sanzjonijiet jistgħu jiġu applikati biss fuq il-bażi ta’ responsabbiltà personali, b’mod partikolari meta informazzjoni fattwalment ineżatta tkun ġiet sottomessa biss minn proporzjoni tal-koparteċipanti fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (pereżempju, wieħed minn diversi sħab)?

____________

1 Direttiva 2014/24 (ĠU 2014 L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

2 ECLI:EU:C:2017:338.

3 Direttiva 89/665 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44).

4 Direttiva 2016/943(ĠU 2016, L 157, p. 1).

5 C-267/18, ECLI:EU:C:2019:826.