Language of document : ECLI:EU:F:2011:22

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Marzu 2011 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Trasferiment tal-jiem tal-leave annwali — Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti — Raġunijiet dovuti għall-bżonnijiet tas-servizz — Artikolu 73 tar-Regolamenti — Direttiva 2003/88/KE — Dritt għal-leave annwali mħallas — Leave tal-mard”

Fil-Kawża F‑120/07,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Guido Strack, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentat minn H. Tettenborn, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u B. Eggers, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

komposta minn H. Tagaras, President, S. Van Raepenbusch (Relatur) u M. I. Rofes i Pujol, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-22 ta’ Ottubru 2007 permezz ta’ faks (filwaqt li l-oriġinal wasal fit-30 ta’ Ottubru ta’ wara) G. Strack jitlob:

–        l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Mejju 2005, tal-25 ta’ Ottubru 2005, tal-15 ta’ Marzu 2007 u tal-20 ta’ Lulju 2007, sa fejn jillimitaw għal tnax-il jum it-trasferiment tal-leave annwali tal-jiem li ma ttiħdux fl-2004, u jillimitaw ukoll is-somma mħallsa bħala kumpens, fit-tmiem tas-servizz, u

–        il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens li jikkorrispondi għal 26.5 jum ta’ leave annwali flimkien mal-interessi moratorji mill-1 ta’ April 2005.

 Il-kuntest ġuridiku

 Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

2        Skont l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“L-uffiċjali f’impieġ [...] għandhom jingħataw l-kondizzjonijiet tax-xogħol, konformi ma’ l-istandards xierqa tas-saħħa u tas-sigurtà, mill-anqas ekwivalenti għall-ħtiġijiet minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati f’dawn l-oqsma skond it-Trattati.”

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“L-uffiċjali għandhom ikunu intitolati għal leave fis-sena ta’ mhux anqas minn 24 jiem utli lanqas aktar minn 30 jiem utli għal kull sena kalendarja, skond ir-regoli mniżżla bil-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet, wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.”

4        Skont l-Artikolu 1 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Fis-sena li fiha l-uffiċjal jidħol jew jitlaq mis-servizz, għandu jkun intitolat għal leave daqs jumejn xogħol għal kull xahar sħiħ ta’ servizz, għal jumejn xogħol għal xahar mhux komplut li jikkonsisti f’aktar minn 15-il ġurnata u għal ġurnata xogħol għal xahar mhux komplut ta’ 15-il ġurnata jew anqas.”

5        L-Artikolu 3 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża:

“Jekk, matul il-leave, uffiċjal ilaqqat marda li kieku ma kenitx tħallih jattedi għax-xogħol kieku ma kienx bil-leave, il-leave fis-sena tiegħu jittawwlu bil-perjodu ta’ l-inkapaċità tiegħu, suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat mediku.”

6        L-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, li fil-verżjoni Ġermaniża tiegħu ġie emendat (ĠU 2007 L 248, p. 26), jipprovdi:

“Meta uffiċjal, għal raġunijiet barra l-ħtiġiet [bżonnijiet] tas-servizz, m’użax il-leave kollha tas-sena tiegħu qabel l-aħħar tas-sena kalendarja kurrenti, l-ammont ta’ leave li jista’ jinġarr għas-sena ta’ wara m’għandux jaqbeż it-12-il ġurnata.

Meta uffiċjal fil-mument li jitlaq mis-servizz m’użax il-leave tas-sena kollha tiegħu, għandu jitħallas kumpens daqs wieħed minn tletin tar-remunerazzjoni fix-xahar tiegħu fil-mument li jitlaq mis-servizz għal kull ġurnata ta' leavedovuta lilu.

Somma maħduma fil-mod ipprovdut fil-paragrafu ta’ qabel għandha titnaqqas mill-pagament dovut lil uffiċjal li fil-mument meta jitlaq mis-servizz ħa leave tas-sena aktar mill-intitolament tiegħu sa dik id-data.”

7        Ċirkulari tad-direttorat ġenerali (DG) “Persunal u amministrazzjoni”, ippubblikata f’“Informazzjoni amministrattiva Nru 66-2002, tat-2 ta’ Awwissu 2002, tipprovdi:

“Jekk in-numru ta’ jiem ta’ leave mhux meħud jaqbeż it-tnax, il-jiem ta’ leave li jaqbzu t-tnax-il jum jistgħu jiġu trasferiti biss jekk jiġi stabbilit li l-uffiċjal ma setax jeħodhom matul is-sena kalendarja li tkun għaddejja, minħabba raġunijiet dovuti għall-bżonnijiet tas-servizz.”

8        L-imsemmija ċirkulari tbiddlet, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 1597, tat-28 ta’ April 2004, li tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni fil-qasam tal-leave, li fost affarijiet oħra jistabbilixxu:

“It-trasferiment ta’ iktar minn tnax-il jum huwa awtorizzat biss jekk jiġi stabbilit li l-persuna interessata ma setgħetx toħodhom matul is-sena kalendarja li tkun għaddejja għal raġunijiet dovuti għall-bżonnijiet tas-servizz (li għandhom jiġu ġġustifikati espliċitament) u għandhom jiżdiedu mad-drittijiet tas-sena kalendarja segwenti wara deċiżjoni tar-[responsabbli mir-riżorsi umani];

[…]

L-ebda trasferiment ta’ iktar minn tnax-il jum ma huwa awtorizzat jekk il-jiem ma jkunux ittieħdu għal raġunijiet differenti mill-bżonnijiet tas-servizz (pereżempju għal raġunijiet ta’ saħħa: mard, inċident, irkupru ta’ leave annwali wara inċident jew mard li jkun seħħ waqt leave annwali, leave għall-maternità, leave għal adozzjoni, leave parentali, leave familjari, leave ta’ konvenjenza personali, leave mingħajr ħlas, leave għal servizz militari, eċċ.);

[…]”

9        Mill-konklużjoni Nru 53A/70 tal-kapijiet tal-amministrazzjoni, tad-9 ta’ Jannar 1970, jirriżulta wkoll li t-trasferiment ta’ leave għandu jkun limitat għal tnax-il jum anki f’każ ta’ mard prolongat.

10      L-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol u ta’ aċċident suġġett għar-regoli mħejjija mill-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni Ewropea] wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. [...]

It-tali regoli għandhom jispeċifikaw liema riskji mhux koperti.”

 Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol

11      Skont il-premessa 6 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381):

“Akkont għandu jittieħed tal-prinċipji ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inklużi dawk relatati max-xogħol ta’ bil-lejl.”

12      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi dan li ġej:

“Għan u skop

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2. Din id-Diretiva tapplika għal:

a) il-perjodi minimi ta’ [...] leave annwali, […]”

13      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Leave annwali

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

14      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma huwiex fost id-dispożizzjonijiet li minnhom tista’ ssir deroga skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Ir-rikorrent daħal fis-servizz tal-Kummissjoni fl-1 ta’ Settembru 1995. Sa minn din id-data u sal-31 ta’ Marzu 2002, huwa eżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej (OPOCE). Fl-1 ta’ Jannar 2001, ġie promoss għall-grad A 6. Mill-1 ta’ April 2002 sal-15 ta’ Frar 2003, ħadem, fid-DG “Impriżi” tal-Kummissjoni, qabel ma ġie ttrasferit għall-Eurostat sa mis-16 ta’ Frar 2003. Mill-1 ta’ Marzu 2004 sa ma rtira minħabba invalidità b’effett mill-1 ta’ April 2005, kien fuq leave għall-mard.

16      Fis-27 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrent talab it-trasferiment għas-sena 2005 ta’ 38.5 jum ta’ leave mhux meħuda fl-2004, filwaqt li indika li ma setax jieħu dawn il-ġranet ta’ leave minħabba b’mod partikolari l-marda professjonali tiegħu. It-talba ġiet irrifjutata fit-30 ta’ Mejju 2005 mill-kap tad-diviżjoni responsabbli għall-kwistjonijiet amministrattivi u għall-persunal fid-direttorat “Riżorsi” tad-DG “Eurostat” għal dak li jikkonċerna s-26.5 jum li jaqbżu t-12 il-jum li jiġu ttrasferiti bi dritt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2005”).

17      Fl-4 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrent ressaq, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2005, fejn talab, sussidjarjament, is-sospensjoni ta’ din tal-aħħar deċiżjoni sal-adozzjoni ta’ dik dwar ir-rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-marda tiegħu skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

18      Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra (iktar ’il quddiem l-“AIPN”) tal-25 ta’ Ottubru 2005. Din l-aħħar deċiżjoni madankollu tippreċiża dan li ġej:

“Kieku l-AIPN kellha tilqa’ b’mod favorevoli talba ulterjuri għar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-marda tiegħu, [ir-rikorrent] ikun jista’ jressaq talba ġdida għat-trasferiment tal-leave li kien baqagħlu fl-2004. Huwa biss f’din l-ipoteżi li jaqbel li l-kwistjoni tiġi deċiża mill-perspettiva ta’ jekk l-oriġini professjonali ta’ marda timplikax li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ raġunijiet imputabbli għall-bżonnijiet tas-servizz, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, meta n-nuqqas ta’ użu tal-leave annwali jiġi spjegat minħabba tali marda.”

19      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li kienet tirrikonoxxi li, minn meta saru l-eżamijiet mediċi li kien ġie suġġett għalihom, l-istat ta’ saħħtu kien iggrava u li konsegwentement l-ispejjeż tat-trattamenti mediċi direttament relatati ma’ dan l-aggravar kienu se jiġu rrimbursati lilu sal-istabilizzazzjoni tal-mard, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Mill-konklużjonijiet tat-tabib maħtur mill-istituzzjoni, annessi ma’ din l-ittra, jirriżulta wkoll, li ma kinitx għadha seħħet l-istabilizzazzjoni u li kellha ssir evalwazzjoni ġdida f’dan ir-rigward wara li jiskadi terminu ta’ sentejn.

20      Wara din l-ittra, ir-rikorrent, fit-22 ta’ Novembru 2006, introduċa mill-ġdid, talba ġdida għat-trasferiment tal-ġranet tal-leave tal-2004, li ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2007 tal-kap tad-diviżjoni responsabbli għall-kundizzjonijiet tal-impjieg u għad-drittijiet u l-obbligi mhux pekunjarji fid-direttorat B “Regolamenti: politika, ġestjoni u parir” tad-DG “Persunal u amministrazzjoni” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2007”).

21      Fid-9 ta’ April 2007, ir-rikorrent ressaq ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra din l-aħħar deċiżjoni. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-AIPN tal-20 ta’ Lulju 2007.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċeduri

22      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2005, tal-25 ta’ Ottubru 2005, tal-15 ta’ Marzu 2007 u tal-20 ta’ Lulju 2007, sa fejn jillimitaw għal 12-il jum it-trasferiment tal-leave mhux meħud fl-2004 u, konsegwentement, jillimitaw is-somma mħallsa lir-rikorrent bħala kumpens, meta temm il-funzjonijiet tiegħu;

–        “tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrent kumpens li jikkorrispondi għal 26.5 jum ta’ leave annwali mhux meħuda u li ma ngħatax kumpens għalihom, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, flimkien mal-interessi moratorji sa mill-1 ta’ April 2005, ikkalkolati skont ir-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament miżjuda b’[żewġ] punti”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-president tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tas-16 ta’ Novembru 2007, din il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

25      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Novembru 2007, ir-reġistratur stieden lill-partijiet għal laqgħa informali, fl-4 ta’ Diċembru 2007, sabiex tinstab soluzzjoni bonarja għal din il-kawża kif ukoll għall-kawżi l-oħra pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

26      Wara l-laqgħa informali tal-4 ta’ Diċembru 2007, il-partijiet esponew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-abbozz tal-ftehim li jinsab fil-minuti tal-imsemmija laqgħa, mingħajr madankollu ma qablu dwar it-termini ta’ tali ftehim.

27      Il-partijiet ġew konvokati għat-tieni laqgħa informali li d-data tagħha ġiet stabbilita għas-6 ta’ Marzu 2008, wara r-ritorn mill-vaganzi tar-rikorrent. Madankollu, dan tal-aħħar irrifjuta l-istedina, sa fejn ma rax l-utilità ta’ laqgħa informali oħra dwar il-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar ikkritikat il-fatt li l-laqgħa informali ma setgħetx issir minħabba n-nuqqas tar-rikorrent, filwaqt li esprimiet it-tama li jista’ jintlaħaq ftehim u wriet ruħha disposta taħdem sabiex jintlaħaq ftehim bonarju.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Ottubru 2008, din il-kawża ġiet riassenjata lit-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

29      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrent talab li din il-kawża tingħaqad mar-rikorsi tiegħu pendenti rreġistrati taħt ir-referenzi F‑118/07, F‑119/07, F‑121/07, F‑132/07 u F‑62/09. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrifjuta li jilqa’ din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar u informa lir-rikorrent permezz ta’ ittra tar-reġistru tat-18 ta’ Marzu 2010.

30      F’ittra tat-30 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrent ikkontesta r-riassenjazzjoni ta’ din il-kawża lit-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

31      Matul is-seduta li saret fil-5 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrent ġie mistieden jittrażmetti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dokumenti dwar l-iżvolġiment tal-proċeduri skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u li kien irrefera għalihom fis-sottomissjonijiet tiegħu.

32      Matul din l-istess seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-Kummissjoni tittrażmetti osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-konsegwenzi eventwali, għal din il-kawża, tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff (C‑350/06 u C‑520/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza Schultz-Hoff”), invokata mir-rikorrent insostenn tar-rikors tiegħu fil-kuntest tal-osservazzjonijiet orali.

33      Ir-rikorrent u l-Kummissjoni wieġbu għal dawn it-talbiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, rispettivament fis-26 u fil-31 ta’ Mejju 2010.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

 Fuq is-suġġett tar-rikors

34      Minbarra l-annullament tad-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Mejju 2005 u tal-15 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-25 ta’ Ottubru 2005 u tal-20 ta’ Lulju 2007 li jiċħdu żewġ ilmenti rispettivament imressqa fl-4 ta’ Lulju 2005 u d-9 ta’ April 2007. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-talbiet għal annullament formalment diretti kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkollu jiddeċiedi dwar l-att li tressaq kontrih l-ilment, peress li dawn huma, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, punt 8; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, punt 43; is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Lulju 2009, Notarnicola vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑85/08, punt 14). Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors huwa intiż sempliċement kontra d-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Mejju 2005 u tal-15 ta’ Marzu 2007.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2005

35      Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2005 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-ewwel talba għat-trasferiment ta’ 26.5 jum ta’ leave annwali, li jeċċedu t-tnax-il jum ta’ leave annwali ttrasferiti bi dritt, ma kinitx suġġett, skont l-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fi żmien tliet xhur wara ċ-ċaħda tal-ilment kontra l-imsemmija deċiżjoni li ngħatat fil-25 ta’ Ottubru.

36      Issa, it-termini għat-tressiq ta’ lment u għall-preżentata ta’ rikors iffissati fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ta’ ordni pubblika u ma jistgħux jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet jew tal-qorti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Settembru 1991, Lacroix vs Il-Kummissjoni, T‑54/90, punt 24, u tas-17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il-Kummissjoni, T‑95/04, punt 41).

37      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud, sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2005, minħabba dewmien.

 Fuq il-mertu

–       L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-rikorrent iqajjem motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 4, tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jippermetti preċiżament lill-uffiċjal li ma jkunx uża l-leave annwali kollu tiegħu għal raġunijiet dovuti għall-bżonnijiet tas-servizz li jikseb it-trasferiment tiegħu għas-sena segwenti anki jekk ikun hemm iktar minn tnax-il jum. Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata minn Informazzjoni amministrattiva Nru 66-2002 tal-Kummissjoni.

39      F’dan il-każ, skont ir-rikorrent, il-marda li waqqfitu milli jieħu l-leave tiegħu hija dovuta għall-bżonnijiet tas-servizz preċiżament fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4, tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, se fejn, peress li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet jikkostitwixxi l-kawża tal-marda, il-motiv li waqqfu milli jieħu l-leave għandu oriġini professjonali.

40      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ġunju 2005, Castets vs Il-Kummissjoni (T‑80/04), ma hijiex kontra din l-interpretazzjoni peress li tikkonċerna nuqqas minħabba mard ta’ oriġini mhux professjonali. Fil-kawża li waslet għal din is-sentenza, kienu ċirkustanzi relatati mal-persuna tal-uffiċjal li kienu waqqfuh milli jieħu l-leave tiegħu.

41      Skont ir-rikorrent, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu sistema ta’ kumpens għall-każijiet fejn l-uffiċjal ma jkunx seta’ jieħu l-leave annwali tiegħu mhux minħabba ċirkustanzi relatati mal-persuna tiegħu jew minħabba każ ta’ forza maġġuri, iżda għal raġunijiet tas-servizz. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent marad minħabba ċirkustanzi marbuta mal-funzjonijiet tiegħu.

42      Matul is-seduta, ir-rikorrent ikkwota s-sentenza Schultz-Hoff, mogħtija wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, u b’mod speċjali l-punti 25, 44 u 45 ta’ din is-sentenza, minn fejn kien jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jipprekludi ħaddiem li, minħabba nuqqas ta’ kapaċità li jaħdem minħabba raġuni medika, isib ruħu fl-impossibbiltà li jieħu l-leave tiegħu, jiġi mċaħħad mid-dritt għal leave annwali mħallas.

43      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi t-trasferiment ta’ iktar minn tnax-il jum ta’ leave annwali jekk uffiċjal, għal raġunijiet mhux dovuti għall-bżonnijiet tas-servizz, ma jkunx uża l-leave annwali tiegħu sal-aħħar tas-sena kalendarja li tkun għaddejja.

44      Skont il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1970, Tortora vs Il-Kummissjoni, 32/69, punti 13 u 14; sentenza Castets vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29) li dritt għat-trasferiment tal-leave annwali jeżisti biss jekk uffiċjal ma jkunx seta’ jieħu l-ġranet ta’ leave tiegħu għal raġunijiet dovuti għall-bżonnijiet tas-servizz u għalhekk meta l-“attivitajiet professjonali” tiegħu jwaqqfuh milli jibbenefika mit-totalità tal-leave annwali tiegħu. Issa, meta uffiċjal jibbenefika minn leave għall-mard, bħala definizzjoni, huwa ħieles milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu u għalhekk ma jkunx fis-servizz fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal‑Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal. Peress li ma jkunx fis-servizz, a fortiori, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala nieqes minħabba bżonnijiet tas-servizz.

45      Il-fatt li l-marda ta’ uffiċjal tiġi rikonoxxuta bħala marda professjonali ma jibdel xejn lill-fatt li dan l-uffiċjal, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata, ma kienx fis-servizz matul il-leave għall-mard tiegħu u għalhekk ma kienx imċaħħad milli jieħu l-leave annwali tiegħu minħabba l-bżonnijiet tas-servizz.

46      Il-Kummissjoni żżid li, fi kwalunkwe ipoteżi, id-drittijiet tal-uffiċjal fil-qasam ta’ kumpens wara nuqqas ta’ kapaċità li jaħdem huma rregolati b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u ma jiġġustifikaw l-ebda ħlas addizzjonali għall-ġranet ta’ leave mhux meħuda minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

47      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn Informazzjoni amministrattiva Nru 66-2002 u d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni fil-qasam ta’ leave.

48      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li għalkemm it-tabib tal-Kummissjoni, fir-rapport tiegħu anness mad-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2006, qies li l-aggravar tal-marda tar-rikorrent li kienet teżisti qabel seħħ fl-iżvolġiment tal-funzjonijiet tiegħu, huwa indika wkoll li dan l-aggravar ma kienx iseħħ li kieku ma kienx hemm diġà l-marda. Il-Kummissjoni żżid li deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal għadha ma ngħatatx. Issa, f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jiddeċiedi f’dan il-qasam, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jiddeċiedu dwar l-eżistenza ta’ rabta ta’ każwalità bejn attività professjonali u dannu materjali u morali jekk din tkun is-suġġett b’mod parallel ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jew tkun għad tista’ tkun is-suġġett ta’ tali proċedimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il-Kummissjoni, F‑23/05, punt 200).

49      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrent ma jsostnix li l-marda tiegħu bdiet minħabba avvenimenti ta’ natura professjonali li seħħu biss fl-2004. Kuntrarjament, huwa jindika li r-raġunijiet tan-nuqqas ta’ kapaċità tiegħu li jaħdem huma b’mod partikolari minħabba fatti li jmorru lura għall-2002 u 2003. Issa, il-bżonnijiet tas-servizz fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal kellhom iseħħu matul is-sena kalendarja li tkun għaddejja u jwaqqfu lill-uffiċjal milli jieħu l-leave annwali tiegħu matul din l-istess sena.

50      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-31 ta’ Mejju 2010 dwar il-portata tas-sentenza Schultz-Hoff, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi lex specialis li jipprevali fuq l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u li, fid-dawl tad-Direttiva 2003/88, ma jistax ikun suġġett ta’ interpretazzjoni contra legem. Il-kunċett ta’ “bżonnijiet tas-servizz”, li jinsab fl-Artikolu 4 imsemmi iktar ’il fuq, ma jistax jinkludi marda.

51      Il-Kummissjoni żżid li r-rikorrent ma qajjimx eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u li, konsegwentement, tali eċċezzjoni ma tistax tiġi eżaminata ex officio mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

52      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jikkonċerna d-dritt għal leave annwali u mhux il-modalitajiet tat-trasferiment ta’ dan il-leave u ma jipprojbixxix l-estinzjoni tad-dritt għal leave annwali li ma jkunx ittieħed matul il-perijodu ta’ referenza jew ta’ trasferiment. Tali restrizzjoni hija ta’ natura li tippreżerva l-kompetittività ekonomika tal-Ewropa.

53      Fis-sentenza Schultz-Hoff, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat biss li l-impossibbiltà għal ħaddiem li jieħu t-totalità tal-leave annwali tiegħu li jittrasferixxi, minħabba li kien fuq leave għall-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu u wara l-perijodu ta’ trasferiment stabbilit mid-dritt nazzjonali, kien inkompatibbli mad-Direttiva 2003/88. Din is-sitwazzjoni ma hijiex kumparabbli ma’ dik fil-każ inkwistjoni peress li l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti preċiżament, fil-każ fejn il-leave annwali ma jkunx seta’ jittieħed għal raġunijiet mediċi, trasferiment ta’ tnax-il jum ta’ leave li jikkorrispondi għal nofs il-leave annwali.

54      Il-Kummissjoni żżid li r-rikorrent, meta waqaf mill-funzjonijiet tiegħu, ibbenefika minn kumpens li jikkorrispondi għal nofs il-leave annwali tiegħu tal-2004 u għal prorata tal-leave annwali tiegħu tal-2005. Barra minn hekk, ma kienx marid matul l-2004 kollha u għalhekk seta’ jieħu ġranet ta’ leave annwali, b’mod partikolari dawk tal-2003 li kienu diġà ġew ittrasferiti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

55      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-uffiċjali f’impieġ [...] għandhom jingħataw l-kondizzjonijiet tax-xogħol, konformi ma’ l-istandards xierqa tas-saħħa u tas-sigurtà, mill-anqas ekwivalenti għall-ħtiġijiet minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati f'dawn l-oqsma skond it-Trattati”.

56      Issa, id-Direttiva 2003/88, adottata abbażi tal-Artikolu 137(2) KE, għandu bħala għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tiegħu, li jistabbilixxi preskrizzjonijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

57      Konsegwentement, mingħajr ma jkun hemm bżonn, f’dan l-istadju, li jiġi eżaminat il-mod kif jista’ jiġi riżolt eventwali kunflitt bejn dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-preskrizzjonijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa tal-ħaddiema adottati fil-livell tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat li f’dan il-każ hija l-Kummissjoni li għandha tiggarantixxi l-osservanza tal-imsemmija preskrizzjonijiet fir-rigward tar-rikorrent fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal dwar, b’mod partikolari, il-leave annwali.

58      F’dawn il-kundizzjonijiet, qabel ma jiġi eżaminat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-portata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-ksur tiegħu huwa invokat mir-rikorrent, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontenut tal-preskrizzjonijiet minimi relevanti tad-Direttiva 2003/88 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 7 tagħha.

59      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas ta’ kull ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, ta’ importanza partikolari, li ma tistax issir deroga minnu u li implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha ssir biss fil-limiti espressament stipulati fid-direttiva stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, punt 43; tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C‑342/01, punt 29; tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, punt 48, u Schultz-Hoff, punt 22). L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiggarantixxi, barra minn hekk, id-dritt għall-ħaddiema kollha għal perijodu annwali ta’ leave imħallas.

60      B’mod partikolari, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-ħaddiema kollha jibbenefikaw minn leave annwali mħallas li jkun tal-anqas ta’ erba’ ġimgħat. Mill-istess Artikolu jirriżulta li l-ħaddiem għandu normalment jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effikaċi tas-sigurtà tiegħu u ta’ saħħtu, billi huwa biss fil-każ fejn l-impjieg ikun ġie tterminat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jippermetti li d-dritt tal-leave annwali bil-ħlas jissarraf fi ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44; Merino Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u Schultz-Hoff, punt 23). Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jinsabx fost id-dispożizzjonijiet li, skont l-Artikolu 17 ta’ din, espressament tista’ ssir deroga minnhom.

61      Huwa wkoll paċifiku li l-għan tad-dritt għal-leave annwali bi ħlas huwa li jippermetti lill-ħaddiem li jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji. Dan l-għan huwa differenti minn dak tad-dritt għal leave għall-mard, peress li dan tal-aħħar jingħata lill-ħaddiem sabiex jirkupra minn mard (sentenza Schultz-Hoff, punt 25). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, tal-24 ta’ Ġunju 1970, dwar il-leave annwali bi ħlas (emendata), li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88, skont il-premessa 6 tagħha, “[...] l-assenzi mix-xogħol għal raġunijiet indipendenti mill-volontà tal-ħaddiem interessat, bħall-assenzi dovuti għal mard, [...] għandhom jingħaddu fil-perijodu ta’ servizz”.

62      Minn dak li jippreċedi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fis-sentenza tagħha Schultz-Hoff (punt 41), li fir-rigward ta’ ħaddiem bil-leave għall-mard debitament preskritt, id-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti mid-Direttiva 2003/88 lill-ħaddiema kollha ma jistax jiġi ssuġġettat minn Stat Membru għall-obbligu li huwa effettivament ħadem matul il-perijodu ta’ referenza stabbilit mill-imsemmi Stat. F’dan is-sens, dispożizzjoni nazzjonali, li tipprevedi perijodu ta’ trasferiment tal-leave annwali mhux meħud fl-aħħar tal-perijodu ta’ referenza, issegwi l-għan li tagħti lill-ħaddiem li ma setax jieħu l-leave annwali tiegħu, possibbiltà addizzjonali li jibbenefika mill-imsemmi leave (sentenza Schultz-Hoff, punt 42).

63      Konsegwentement, anki jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf tad-dritt għal leave annwali fl-aħħar ta’ perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu ta’ trasferiment, il-ħaddiem għandu effettivament ikollu l-possibbiltà li jeżerċita, matul il-perijodu inkwistjoni, id-dritt li tikkonferilu d-direttiva. Evidentement dan ma huwiex il-każ ta’ ħaddiem li, matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u matul il-perijodu ta’ trasferiment iffissat mil-liġi nazzjonali, kien jinsab fuq leave għall-mard.

64      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Schultz-Hoff (punti 45 u 50), li jiġi aċċettat li, f’tali ċirkustanzi speċifiċi ta’ inkapaċità ta’ xogħol, id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, u b’mod partikolari dawk li jistabbilixxu l-perijodu ta’ trasferiment tal-leave, jistgħu jipprevedu l-estinzjoni tad-dritt tal-ħaddiem għal-leave annwali bil-ħlas iggarantit mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, mingħajr ma l-ħaddiem kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave annwali bi ħlas iwassal biex jiġi mminat id-dritt soċjali direttament mogħti mill-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva lil kull ħaddiem.

65      Fl-aħħar nett, meta t-teħid tal-leave annwali bi ħlas ma jkunx għadu possibbli, minħabba raġunijiet indipendenti mill-volontà tal-ħaddiem, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li l-ħaddiem għandu dritt għal kumpens finanzjarju. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kumpens finanzjarju li għandu dritt għalih il-ħaddiem għandu jiġi kkalkulat b’mod li dan tal-aħħar jitpoġġa f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik li kien ikun fiha kieku kien eżerċita l-imsemmi dritt matul id-dewmien tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu. Minn dan isegwi li l-ħlas ordinarju tal-ħaddiem, li huwa dak li għandu jinżamm matul il-perijodu ta’ serħan li jikkorrispondi għal-leave annwali bi ħlas, huwa wkoll determinanti f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-kumpens finanzjarju ta’ leave annwali mhux meħud fl-aħħar tar-relazzjoni ta’ xogħol (sentenza Schultz-Hoff, punt 61).

66      Jaqbel, f’dan il-każ, li jinsilet it-tagħlim tad-Direttiva 2003/88, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-bżonnijiet ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-leave annwali, u b’mod partikolari tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal.

67      Mill-proċess u, b’mod partikolari, minn ittra tal-14 ta’ April 2005 tas-servizz mediku tal-Kummissjoni, mibgħuta lir-rikorrent, li dan tal-aħħar kien fuq leave għall-mard mingħajr interruzzjoni mit-2 ta’ Marzu 2004 sa ma ġiet iddikkjarata l-invalidità fl-1 ta’ April 2005.

68      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li kważi fis-sena 2004 kollha r-rikorrent sab ruħu fl-impossibbiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave annwali bi ħlas. Il-fatt li seta’ juża dan id-dritt f’Jannar u fi Frar 2004 evidentement ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bir-riskju li ssir kompletament teoretika l-protezzjoni tad-dritt għal leave annwali, kif mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza tagħha Schultz-Hoff (punti 50 u 51), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt espliċitament semmiet l-ipoteżi ta’ ħaddiem li jkun ħadem matul parti mill-perijodu ta’ referenza, qabel ma ħareġ fuq leave għall-mard fit-tul, u qabblet din is-sitwazzjoni ma’ dik tal-ħaddiem li kien fuq leave għall-mard matul il-perijodu ta’ referenza u wara l-perijodu ta’ trasferiment stabbilit mid-dritt nazzjonali.

69      Konsegwentement, mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li r-rikorrent, li n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ xogħol tiegħu medikament iġġustifikata damet sad-dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-1 ta’ April 2005, ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jibbenefika minn kumpens finanzjarju għal leave annwali li ma tteħidx.

70      Jibqa’ x’tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-estensjoni ta’ dan il-kumpens finanzjarju u dik dwar jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-formulazzjoni stess tal-ewwel paragrafu tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jipprekludix, f’dan il-każ, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għall-jiem ta’ leave annwali mhux meħuda li jaqbżu n-numru ta’ trasferiment awtorizzat.

71      Skont il-Kummissjoni, huma biss raġunijiet imputabbli għan-neċessitajiet tas-servizz li jistgħu jiġġustifikaw trasferiment ta’ iktar minn tnax-il jum tal-leave annwali għas-sena ta’ wara.

72      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirregolax il-kwistjoni, mqajma f’dan il-każ, li jsir magħruf jekk hemmx lok li jiġu ttrasferiti jiem ta’ leave annwali bi ħlas meta, waqt il-perijodu ta’ referenza, uffiċjal kien fl-impossibbiltà li jieħu l-ġranet ta’ leave annwali tiegħu għal raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu, bħal raġunijiet mediċi.

73      Din il-konstatazzjoni ma hijiex kontradetta permezz tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Verheyden vs Il-Kummissjoni (T‑368/04, punti 61 sa 63), fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li t-termini “bżonnijiet tas-servizz”, użati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V, ma jistgħux jiġu interpretati li jkopru n-nuqqas mis-servizz iġġustifikat minn leave għall-mard u dan anki f’każ ta’ mard prolongat (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Castets vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Fil-fatt, mhux biss il-pożizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma hijiex ibbażata fuq xi assimilazzjoni ta’ leave għal mard għal nuqqas iġġustifikat bil-bżonnijiet tas-servizz, iżda l-fatti fil-kawża li wasslu għas-sentenza Verheyden vs Il-Kummissjoni ma jikkorrispondux għal dawk ta’ din il-kawża, fejn ir-rikorrent sab ruħu fl-impossibbiltà matul kważi t-totalità tal-perijodu ta’ referenza li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali.

74      Barra minn hekk, mill-Artikolu 3 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregola aspett ieħor tal-artikolazzjoni bejn il-leave għall-mard u l-leave annwali, jiġifieri l-ipoteżi fejn uffiċjal ikun milqut minn marda matul il-leave annwali tiegħu jirriżulta, li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jiddistingwi b’mod ċar bejn il-leave għall-mard u l-leave annwali, li l-għanijiet rispettivi tagħhom, kif jirriżulta mill-punt 61 iktar ’il fuq, huma differenti.

75      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-preskrizzjonijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa msemmija mill-Artikolu 1e tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, jikkompletaw dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-leave.

76      Huwa minnu li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jiggarantixxi perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas ta’ erba’ ġimgħat, filwaqt li l-leave annwali li l-uffiċjali tal-Unjoni jistgħu jitolbu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal, jitla’ għal tal-anqas 24 jum. F’dan il-każ, it-talba inizzjali tar-rikorrent li jittrasferixxi għall-2005 l-jiem ta’ leave annwali tiegħu mhux meħud fl-2004 telgħet għal 38.5 jum, minħabba t-trasferiment tal-jiem ta’ leave annwali mhux meħuda fl-2003 (ara punt 16 iktar ’il fuq).

77      Xorta jibqa’ l-fatt li, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ffissa l-leave annwali tal-uffiċjali għal 24 jum, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Schultz-Hoff, tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, għall-każ fejn ħaddiem ikun jinsab f’pożizzjoni li ma jistax jieħu l-leave annwali tiegħu minħabba nuqqas għal mard ta’ żmien twil, tibqa’ kompletament applikabbli għat-totalità tal-leave annwali kif iffissat mir-Regolamenti tal-Persunal, permezz ta’ applikazzjoni magħquda tal-Artikoli 1e u 57 tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja r-restrizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltajiet ta’ trasferiment ta’ leave annwali mhux meħud għas-sena ta’ wara.

78      Fl-aħħar nett fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar in-neċessità li tinżamm il-kompetittività ekonomika tal-Ewropa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument qatt ma ġie milqugħ u ma jistax jirnexxi f’dan il-każ.

79      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni, billi rrifjutat, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, it-trasferiment, ta’ iktar minn tnax-il jum bi dritt, tal-jiem tal-leave annwali mhux meħuda mir-rikorrent minħabba li kien fuq leave għall-mard twil, bidlet il-portata tal-imsemmija dispożizzjoni. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2007 għandha tiġi annullata.

 Fuq it-talba għal kumpens

 L-argumenti tal-partijiet

80      Ir-rikorrent iqis li l-ammissibbiltà tat-talba tiegħu għal kumpens tirriżulta, skont ġurisprudenza stabbilita, min-natura aċċessorja ta’ din it-talba meta mqabbla mar-rikors għal annullament.

81      Fil-mertu, ir-rikorrent isostni li n-nuqqas tas-servizz jinsab, f’dan il-każ, fl-illegalità li tivvizzja d-deċiżjonijiet inkwistjoni. Id-dannu subit jikkonsisti fin-nuqqas ta’ ħlas tal-ammont tal-kumpens imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn jikkonċerna s-26.5 jum inkwistjoni, kif ukoll l-interessi mhux imħallsa minn dak iż-żmien. Ir-rabta ta’ każwalità tirriżulta mill-fatt li, fin-nuqqas tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-konvenuta kienet tagħmel il-ħlas dovut.

82      Għall-każ fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li d-deċiżjonijiet inkwistjoni huma leċiti, ir-rikorrent jitlob ħlas għad-dannu subit minħabba d-diversi nuqqasijiet oħra mwettqa mill-Kummissjoni, “fost oħrajn, l-aġir illegali tal-aġenti tal-Kummissjoni u l-fastidju subit fl-OPOCE, l-iżbalji mwettqa matul il-proċedimenti ta’ investigazzjoni mwettqa mill-[Uffiċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi], b’mod partikolari n-nuqqas illegali ta’ informazzjoni tar-rikorrent li kienet diġà ġiet ikkundannata mill-Ombudsman Ewropew, l-evalwazzjoni irregolari tar-rikorrent u n-nuqqas ta’ promozzjoni tiegħu, in-nomina għal post li saret fl-[OPOCE] u li tippreġudika lir-rikorrent kif ukoll l-aġir illegali tal-konvenuta invokat b’mod eżawrjenti fl-ilment”. Ir-rabta ta’ każwalità bejn dawn in-nuqqasijiet tas-servizz u l-marda tar-rikorrent hija stabbilita fid-dawl tar-rapporti mediċi u tad-deċiżjonijiet tal-konvenuta. Issa, il-marda inkwistjoni tikkostitwixxi preċiżament ir-raġuni għalfejn ir-rikorrent ġie mċaħħad milli jieħu l-leave annwali fl-2004. Għalhekk għandu jiġi kkumpensat id-dannu subit li jikkonsisti b’mod partikolari f’dannu ta’ deġenerazzjoni tal-kwalità tal-ħajja minħabba li kien jinsab f’leave għall-mard kontinwament minflok ma seta’ jistrieħ matul il-leave annwali, kif ukoll fin-nuqqas ta’ possibbiltà li jitlaq il-post fejn intbagħat. Huwa possibbli li jingħata kumpens għad-dannu subit fil-forma ta’ somma f’daqqa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal.

83      Ir-rikorrent jippreċiża li din it-talba, ifformulata sussidjarjament, tressqet fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża b’mod li l-esiġenzi tal-Artikoli 90 et seq tar-Regolament ġew osservati.

84      Il-Kummissjoni tiċħad li r-rikorrent ressaq talba għal danni skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-jiem ta’ leave mitlufa minħabba l-aġir allegatament żbaljat tal-Kummissjoni, li barra minn hekk, iddeskriva fil-qosor u li allegatament ipprovoka l-marda psikika tiegħu.

85      Ir-rikors għal danni għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud minħabba litis pendens, peress li l-allegati raġunijiet tal-marda tiegħu kienu diġà integralment koperti mir-rikors irreġistrat taħt ir-referenza F‑118/07, Strack vs Il-Kummissjoni.

86      Fl-aħħar nett, rikors għal danni għandu wkoll jiġi miċħud minħabba l-prijorità tal-proċedimenti skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

87      Mit-talbiet għal kumpens jirriżulta li r-rikorrent qed jitlob, prinċipalment, l-applikazzjoni fil-konfronti tiegħu, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal għal 26.5 jum ta’ leave annwali mhux meħuda fl-2004.

88      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-imsemmija talba tikkoinċidi mal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tagħha ta’ din is-sentenza ta’ annullament.

89      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrent sussidjarjament, għall-każ fejn l-ilmenti intiżi kontra d-deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2007 jiġu miċħuda mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

90      Konsegwentement, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda peress li saru mingħajr skop.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-jum li fih jidħlu fis-seħħ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri l-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li huma rilevanti għal dan is-suġġett, għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel din id-data.

92      L-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jipprovdi, fil-paragrafu (2) tiegħu li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet fl-essenzjal tal-motivi tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2007 tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad it-talba ta’ G. Strack sabiex jibbenefika mit-trasferiment tal-bqija tal-jiem ta’ leave annwali tal-2004 hija annullata.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn G. Strack.

Tagaras

Van Raepenbusch

Rofes i Pujol

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Marzu 2011.

Reġistratur

 

      Il-President

W. Hakenberg

 

       H. Tagaras

It-testi ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fis-sit internet www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.