Language of document : ECLI:EU:C:2016:587

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-21 ta’ Lulju 2016 (1)

Kawża C‑162/15 P

Evonik Degussa GmbH

vs

Il-Kummissjoni

“Appell – Implementazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni – Artikolu 30 – Termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta fil-proċeduri ta’ kompetizzjoni – Deċiżjoni 2011/695/UE – Artikolu 8 – Protezzjoni tas-sigriet professjonali – Artikolu 339 TFUE – Kunċett ta’ ‘sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra’ – Informazzjoni li toriġina mid-dikjarazzjoni ta’ impriża magħmula sabiex tikseb il-klemenza – Ċaħda tat-talba ta’ trattament kunfidenzjali – Aspettattivi leġittimi”





 

Werrej

I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

IV – Id-deċiżjoni kontenzjuża

V –   Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

VI – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

VII – Analiżi tal-appell

A –   Fuq l-ewwel aggravju

1.     Is-sentenza appellata

2.     L-argumenti tal-partijiet

3.     Analiżi

a)     Fuq l-ewwel parti

i)     Osservazzjonijiet preliminari

ii)   Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-uffiċjal tas-seduta

iii) L-analiżi tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)     Fuq it-tieni parti

B –   Fuq it-tieni aggravju

1.     Is-sentenza appellata

2.     L-argumenti tal-partijiet

3.     Analiżi

a)     Osservazzjonijiet preliminari

i)     Fuq in-natura kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza

ii)   Il-konsegwenzi tal-protezzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ klemenza fuq il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

b)     Fuq l-ewwel parti

c)     Fuq it-tieni parti

d)     Fuq it-tielet parti

e)     Fuq ir-raba’ parti

C –   Fuq it-tielet aggravju

1.     Is-sentenza appellata

2.     L-argumenti tal-partijiet

3.     Analiżi

a)     Fuq l-ewwel parti

b)     Fuq it-tieni parti

D –   Osservazzjonijiet finali

VIII – Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan l-appell, Evonik Degussa GmbH qed titlob l-annullament tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (2), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2012) 3534 (3) li ċaħdet talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mill-appellanti.

2.        Il-kritika mqajma mill-appellanti fir-rigward tas-sentenza appellata tirrigwarda b’mod partikolari l-problema – li hija bla preċedent fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (4) – dwar il-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata lill-informazzjoni li toriġina minn dikjarazzjoni magħmula sabiex tikseb il-klemenza, fil-kuntest tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (5).

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        L-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (6), intitolat “Publikazzjoni tad-deċiżjonijiet”, jiddisponi:

“1.      Il-Kummissjoni ħa tippublika id-deċiżjonijiet tagħha, li tieħu skond l-Artikoli 7 sa 10, 23 u 24.

2.      Il-pubblikazzjoni ħa ssemmi il-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, incluż kwalunkwe pieni imposti. Hi ħa jkollha rigward għall-interessi leġitimi ta’ l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.”

4.        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (7), intitolat “Sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra”, jiddisponi:

“1.      Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tiżvela informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe impriża jew persuna, din tal-aħħar għandha tiġi informata bil-miktub dwar din l-intenzjoni u r-raġunijiet tagħha mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni. Għandu jiġi ffissat limitu ta’ żmien li matulu l-impriża jew il-persuna kkonċernata tkun tista’ tippreżenta kummenti bil-miktub.

2.      Meta l-impriża jew il-persuna kkonċernata toġġezzjona għall-iżvelar tal-informazzjoni, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta. Jekk l-uffiċjal tas-seduta jsib li l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata minħabba li ma tikkostitwixxi ebda sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra jew minħabba li jkun hemm interess ikbar fl-iżvelar tagħha, dik is-sejba għandha tiġi ddikjarata f’deċiżjoni motivata li għandha tintbagħat lill-impriża jew lill-persuna kkonċernata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha tista’ tiġi żvelata l-informazzjoni. Din id-data ma għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-iżvelar tal-informazzjoni permezz ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

[…]”.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

5.        Il-fatti li wasslu għall-kawża, bħalma jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jiġu deskritti bil-mod li ġej.

6.        Fit-3 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PIP”).

7.        Fid-Deċiżjoni PIP, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod partikolari, li l-appellanti kienet ipparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81 KE fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), flimkien ma’ sittax-il kumpannija oħra attivi fis-settur tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat. L-appellanti, bl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”) (8), ingħatat il-benefiċċju ta’ immunità kompleta mill-multa.

8.        Fl-2007, l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-Kummissjoni.

9.        F’ittra indirizzata lill-appellanti fit-28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni informatha dwar l-intenzjoni tagħha li tippubblika verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP, li tinkludi l-kontenut kollu tal-imsemmija deċiżjoni minbarra l-informazzjoni kunfidenzjali. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni talbet lill-appellanti sabiex hija tidentifika, fid-Deċiżjoni PIP, l-informazzjoni li fir-rigward tagħha hija kellha l-intenzjoni titlob it-trattament kunfidenzjali.

10.      Peress li qieset li din il-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali jew sigrieti tan-negozju, l-appellanti informat lill-Kummissjoni, f’ittra tat-23 ta’ Diċembru 2011, li hija kienet qiegħda topponi l-pubblikazzjoni ppjanata. Insostenn ta’ din l-oppożizzjoni, l-appellanti sostniet, b’mod iktar partikolari, li l-imsemmija verżjoni mhux kunfidenzjali kienet tinkludi ammont ta’ informazzjoni li hija kienet għaddiet lill-Kummissjoni skont il-programm ta’ klemenza, kif ukoll l-ismijiet ta’ numru ta’ kollaboraturi tagħha u indikazzjonijiet dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha. Skont l-appellanti, il-pubblikazzjoni ppjanata b’hekk tmur kontra, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament u hija ta’ natura li tippreġudika l-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

11.      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni informat lill-appellanti li hija kienet aċċettat li tħassar mill-verżjoni l-ġdida mhux kunfidenzjali li kellha tiġi ppubblikata l-informazzjoni kollha li tippermetti direttament jew indirettament li jiġi identifikat is-sors tal-informazzjoni trażmessa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kif ukoll l-ismijiet ta’ kollaboraturi tal-appellanti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li ma kienx iġġustifikat li l-benefiċċju tal-kunfidenzjalità jingħata għall-informazzjoni l-oħra li fir-rigward tagħha l-appellanti kienet talbet it-trattament kunfidenzjali.

12.      Billi għamlet użu mill-possibbiltà prevista mid-Deċiżjoni 2011/695/UE, l-appellanti adixxiet lill-uffiċjal tas-seduta sabiex dan tal-aħħar jeskludi mill-verżjoni mhux kunfidenzjali li ser tiġi ppubblikata kull informazzjoni pprovduta minnha bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

IV – Id-deċiżjoni kontenzjuża

13.      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-uffiċjal tas-seduta, f’isem il-Kummissjoni, ċaħad it-talba tal-appellanti.

14.      L-uffiċjal tas-seduta qabel kollox enfasizza l-limiti tat-termini ta’ referenza tiegħu, li jippermettilu biss li jeżamina jekk informazzjoni għandhiex titqies kunfidenzjali u mhux li jirrimedja ksur allegat tal-aspettattivi leġittimi tal-appellanti.

15.      Barra minn hekk huwa rrileva li l-appellanti kienet topponi għall-pubblikazzjoni ta’ verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP għas-sempliċi raġuni li din kienet tinkludi informazzjoni pprovduta skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni lil terzi jista’ jikkawżalha preġudizzju fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni ppreżentati quddiem qrati nazzjonali.

16.      Issa, skont l-uffiċjal tas-seduta, l-appellanti ma wrietx li l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni setgħet tikkawżalha dannu gravi. L-interess ta’ impriża li tkun kisret id-dritt tal-kompetizzjoni sabiex id-dettalji tal-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur ma jiġux żvelati lill-pubbliku, fi kwalunkwe każ, ma jixraqlu ebda protezzjoni partikolari. L-uffiċjal tas-seduta fakkar, dwar dan il-punt, li l-azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali kienu jagħmlu parti sħiħa mill-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, għalhekk, l-appellanti ma setgħetx tinvoka interess leġittimu li tiġi protetta kontra dawn l-azzjonijiet.

17.      L-uffiċjal tas-seduta qies ukoll li huwa ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għall-argument tal-appellanti li skontu l-iżvelar kontenzjuż jippreġudika l-programm ta’ klemenza, peress li tali kwistjoni teċċedi l-limiti tat-termini ta’ referenza tiegħu.

18.      Fl-aħħar nett, l-uffiċjal tas-seduta indika li, peress li t-termini ta’ referenza tiegħu kien limitat għat-talbiet għal kunfidenzjalità, huwa ma kienx kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-fatt li l-pubblikazzjoni ppjanata jkollha bħala għan li tqiegħed lill-appellanti f’pożizzjoni inqas favorevoli minn destinatarji oħra tad-Deċiżjoni PIP li ma kinux ikkooperaw mal-Kummissjoni.

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2012, l-appellanti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

20.      Fil-kuntest tar-rikors, l-appellanti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Novembru 2012, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (T‑341/12 R, EU:T:2012:604), il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba.

21.      Insostenn tar-rikors, l-appellanti essenzjalment qajmet ħames motivi. L-ewwel erbgħa kienu bbażati fuq ksur, tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695 (l-ewwel motiv), tal-obbligu ta’ motivazzjoni (it-tieni motiv), tal-obbligu tas-sigriet professjonali previst mill-Artikolu 339 TFUE (it-tielet motiv) u tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament (ir-raba’ motiv) rispettivament (9).

22.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.

VI – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

23.      Permezz tal-appell tagħha, Evonik Degussa titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

24.      Fil-kuntest tal-appell, l-appellanti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C‑162/15 P‑R, EU:C:2016:142), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

VII – Analiżi tal-appell

25.      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2011/695, dwar il-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 339 TFUE u tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, dwar in-natura allegatament kunfidenzjali tal-informazzjoni kontenzjuża, u, it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

A –    Fuq l-ewwel aggravju

26.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2011/695, meta ddeċidiet, fil-punti 31 sa 44 tas-sentenza appellata, li l-uffiċjal tas-seduta ma kienx kompetenti sabiex jeżamina l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

1.      Is-sentenza appellata

27.      Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti qajmet il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695, billi sostniet li l-uffiċjal tas-seduta indebitament illimita l-portata tal-istħarriġ tiegħu. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv bħala infondat fil-punti 23 sa 44 tas-sentenza appellata.

28.      Fil-punt 26 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-appellanti lmentat li l-uffiċjal tas-seduta astjena milli jwieġeb għall-argumenti separati li kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

29.      Fil-punt 33 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li, skont il-ġurisprudenza tagħha dwar it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462/KE, KEFA (10), li tibqa’ rilevanti għall-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695, l-uffiċjal tas-seduta ma għandux biss l-obbligu li jeżamina jekk il-verżjoni maħsuba għall-pubblikazzjoni tinkludix sigrieti ta’ negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li għandha tingħata protezzjoni simili, iżda wkoll li jivverifika jekk din il-verżjoni tinkludix informazzjoni oħra li ma tistax tiġi żvelata lill-pubbliku, jew minħabba regoli tad-dritt tal-Unjoni li jipproteġuha b’mod speċifiku, jew minħabba l-fatt li hija kienet tagħmel parti minn dik l-informazzjoni li, min-natura tagħha stess, hija koperta mis-sigriet professjonali (11).

30.      Fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, f’dan il-każ, il-prinċipji ta’ dritt invokati mill-appellanti ma kinux jikkostitwixxu tali regoli intiżi sabiex jipproteġu speċifikament kontra żvelar. Skont il-Qorti Ġenerali, kuntrarjament, pereżempju, għar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali jew anki għall-eċċezzjonijiet għad-dritt tal-pubbliku li jaċċessa d-dokumenti (12), tali prinċipji ma għandhomx bħala għan speċifiku li jipproteġu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti. Peress li l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq dawn il-prinċipji għalhekk imorru lil hinn mill-ispeċifikazzjonijiet tat-termini ta’ referenza fdat lill-uffiċjal tas-seduta skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695 (punt 43 tas-sentenza appellata), l-uffiċjal tas-seduta ġustament qal li ma kienx kompetenti (punt 44 tas-sentenza appellata).

31.      Imbagħad, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li skontu l-ebda dipartiment tal-Kummissjoni ma kien eżamina l-oġġezzjonijiet inkwistjoni, peress li kkonstatat li d-dipartimenti tad-Direttorat Ġenerali għall-“Kompetizzjoni” kienu ħadu pożizzjoni motivata fuq dawn l-oġġezzjonijiet, fl-ittri indirizzati lill-appellanti tat-28 ta’ Novembru 2011 u tal-15 ta’ Marzu 2012, qabel il-kwistjoni ġiet riferita lill-uffiċjal tas-seduta (punti 45 sa 49 tas-sentenza appellata).

32.      Il-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward, iddeċidiet li, sabiex tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-appellanti, kien hemm lok li d-deċiżjoni kontenzjuża titqies fil-kuntest li wassal għall-adozzjoni tagħha u, għaldaqstant, li jiġi kkunsidrat li din id-deċiżjoni kienet tinkludi impliċitament, iżda neċessarjament, il-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni espressi fl-ittri tat-28 ta’ Novembru 2011 u tal-15 ta’ Marzu 2012, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw aspetti li ma kinux jaqgħu taħt it-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta (punti 60 u 132 tas-sentenza appellata).

2.      L-argumenti tal-partijiet

33.      Fl-appell tagħha, l-appellanti ssostni li l-uffiċjal tas-seduta huwa l-korp tal-Kummissjoni li jiddeċiedi fl-aħħar nett dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li impriża kkonċernata tqis bħala kunfidenzjali. L-uffiċjal tas-seduta għandu għalhekk ikun kompetenti sabiex jeżamina l-motivi kollha li jistgħu jopponu għall-pubblikazzjoni. L-appellanti ssostni li, għalkemm l-uffiċjal tas-seduta għandu biss il-kompetenza li jivverifika n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni, dan minkejja kollox għandu jqis ir-rekwiżiti rilevanti kollha fid-deċiżjoni tiegħu, inklużi d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jagħmlu parti mill-interessi leġittimi li jistgħu jopponu għal pubblikazzjoni.

34.      L-appellanti għalhekk issostni li r-raġunament li jinsab fil-punti 42 sa 44 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq żball ta’ liġi.

35.      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-uffiċjal tas-seduta ma kienx eżamina l-oġġezzjonijiet tagħha bbazati fuq il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament u, konsegwentement, kellu jannulla d-deċiżjoni kontenzjuża għal dan il-motiv. Peress li ddeċidiet, fil-punti 58 sa 60 u 132 sa 133 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tinkludi “impliċitament, iżda neċessarjament” il-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni li jinsabu fil-korrispondenza skambjata preċedentement mal-appellanti, il-Qorti Ġenerali kienet żnaturat il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

36.      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti, billi essenzjalment tirreferi għall-motivi rilevanti tas-sentenza appellata.

3.      Analiżi

37.      L-ewwel aggravju jinkludi, essenzjalment, żewġ partijiet.

38.      L-ewwel parti tikkonċerna l-portata tal-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta skont l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2011/695 (punti 42 sa 44 tas-sentenza appellata). It-tieni parti tirrigwarda ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-ilment ibbażat fuq difett ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (punti 60 u 67 tal-imsemmija sentenza).

a)      Fuq l-ewwel parti

i)      Osservazzjonijiet preliminari

39.      Skont l-Artikolu 339 TFUE, il-membri tal-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni huma obbligati li ma jiżvelawx tagħrif li, min-natura tiegħu, ikun kopert bis-sigriet professjonali. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, dan id-dmir huma mtenni fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 u fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (13) u japplika, skont it-termini ta’ dan l-att tal-aħħar, għas-“sigrieti kummerċjali u informazzjoni konfidenzali oħra”.

40.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li jiġu ddefiniti l-limiti ta’ dawn il-kunċetti.

41.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta b’mod partikolari li d-dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (14). Il-qasam fil-mira ta’ dan il-prinċipju ma huwiex ristrett għas-sigrieti kummerċjali fihom infushom, jiġifieri l-informazzjoni kummerċjali sensittiva (15), iżda jinkludi wkoll informazzjoni kunfidenzjali oħra (16).

42.      Barra minn hekk, in-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni tista’ tirriżulta wkoll kemm mill-kontenut intrinsikament sensittiv tagħha, bħalma huwa l-każ tal-informazzjoni kummerċjali, kif ukoll mill-kombinazzjoni tal-kontenut u ċ-ċirkustanzi relatati mal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-korp pubbliku.

43.      Din l-ipoteżi tal-aħħar tikkonċerna, minn naħa, l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni f’ċirkustanzi li jimponu dmir ta’ kunfidenzjalità, b’mod partikolari dik trażmessa volontarjament minn persuna li jkollha x-xewqa leġittima li tibqa’ anonima, bħal informatur jew lanjant (17), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tagħrif ieħor ikkomunikat lill-Kummissjoni bla ħsara għar-rispett tan-natura kunfidenzjali (18).

44.      Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-aċċess għall-fajl fejn għamlet distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ informazzjoni li għalihom jista’ jiġi ristrett l-aċċess, jiġifieri, minn naħa, dik dwar is-sigrieti kummerċjali, li tinkludi l-informazzjoni li tikkonċerna l-attività professjonali ta’ impriża li l-iżvelar tagħha jista’ jkun ta’ dannu gravi għall-interessi tagħha, u, min-naħa l-oħra, dik dwar l-informazzjoni kunfidenzjali l-oħra, li tinkludi l-informazzjoni “minbarra s-sigrieti kummerċjali li jistgħu jitqiesu bħala kunfidenzjali sa fejn l-iżvelar tagħhom ikun ta’ dannu gravi għal persuna jew impriża”. Fl-aħħar nett, l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tinkludi wkoll kemm l-informazzjoni protetta fl-interess tal-pubbliku, bħas-sigrieti militari, kif ukoll dik protetta mill-interess privat, bħad-data personali (19).

45.      Il-Qorti Ġenerali, min-naħa tagħha, interpretat il-kunċett ta’ “informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali” billi identifikat tliet kriterji. Skontha, għal din il-klassifikazzjoni, huwa importanti, l-ewwel nett, li l-informazzjoni jkunu jafu biha biss numru limitat ta’ persuni, it-tieni nett, li l-iżvelar tagħha jkun jista’ jikkawża ħsara serja lill-persuna li tkun ipprovdietha jew lil terzi u, fl-aħħar, it-tielet nett, li l-interessi li jistgħu jkunu leżi mill-iżvelar ta’ tali informazzjoni għandhom ikunu interessi li jistħoqqilhom protezzjoni (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja sa issa għadha ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwar dawn il-kriterji (21).

ii)    Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-uffiċjal tas-seduta

46.      Ir-rwol tal-uffiċjal tas-seduta fi ħdan il-Kummissjoni, li evolva b’mod sinjifikattiv mill-ħolqien tiegħu, jikkonsisti fl-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet proċedurali fil-proċeduri ta’ kompetizzjoni. Ġie meqjus neċessarju li dan il-kompitu jingħata lil persuna indipendenti fil-konfront tad-dipartimenti tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (22).

47.      Il-kompetenzi tal-uffiċjal tas-seduta huma ddefiniti fid-Deċiżjoni 2011/695.

48.      L-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-deċiżjoni jagħtu ċerti kompetenzi lill-uffiċjal tas-seduta relatati mat-talbiet għal trattament kunfidenzjali. L-uffiċjal tas-seduta jiddeċiedi dwar tali talbiet, min-naħa, fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl u, min-naħa l-oħra, fil-każ tal-iżvelar ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni.

49.      F’din it-tieni sitwazzjoni, l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/695 jipprevedi li l-parti kkonċernata għandha tiġi informata mill-Kummissjoni minn qabel u, meta tkun ikkonċernata informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, li hija tista’ topponi għall-iżvelar tagħha billi tadixxi lill-uffiċjal tas-seduta. Meta l-uffiċjal tas-seduta jqis li l-informazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi żvelata, kemm minħabba li ma tikkostitwixxi ebda sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, kif ukoll minħabba li jkun hemm interess ikbar fl-iżvelar tagħha, huwa jadotta deċiżjoni motivata li tispeċifika t-terminu li fl-iskadenza tiegħu ser tiġi żvelata l-informazzjoni, li ma jistax ikun inqas minn ġimgħa.

50.      F’konformità mal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni 2011/695, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mutatis mutandis waqt il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

iii) L-analiżi tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

51.      F’dan il-każ, l-appellanti ssostni li, skont l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/695, l-uffiċjal tas-seduta huwa kompetenti biex jiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet kollha għall-pubblikazzjoni, inklużi dawk ibbażati fuq prinċipji ġenerali ta’ dritt.

52.      Jien nosserva li, jekk din l-affermazzjoni tal-appellanti għandha tinftiehem fis-sens li l-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta tirrigwarda l-oġġezzjonijiet minbarra dawk marbuta mal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni, din la hija sostnuta mill-formulazzjoni u lanqas mill-istruttura tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695.

53.      Fir-rigward tal-formulazzjoni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (2) hija limitata b’mod ċar għas-sitwazzjoni fejn l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata tkun “tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe impriża jew persuna”.

54.      Fir-rigward tal-istruttura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, nosserva li dawn jaqgħu taħt ir-rwol iktar wiesa’ tal-uffiċjal tas-seduta li huwa intiż sabiex jiżgura r-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet u ta’ partijiet ikkonċernati oħra fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kompetizzjoni. Fir-rigward tal-indipendenza tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar nuqqas ta’ qbil bejn il-parti kkonċernata u d-dipartimenti tal-Kummissjoni dwar in-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni, jekk ikun il-każ, billi jibbilanċja l-interessi opposti.

55.      Issa, fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw biss għall-ipproċessar ta’ talbiet għal trattament kunfidenzjali.

56.      Fil-fatt, għalkemm wieħed jista’ jipprevedi oġġezzjonijiet oħra għall-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni, pereżempju, dawk ibbażati fuq ksur tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali jew tad-dritt għall-immaġni, dawn ma jkunux marbuta mal-iżvolġiment tal-proċeduri tal-kompetizzjoni, bl-eżami tagħhom għalhekk ma jkunx kompatibbli mar-rwol tal-uffiċjal tas-seduta.

57.      L-istess japplika, f’dan il-każ, għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-appellanti, fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali ta’ dritt, b’mod awtonomu fil-konfront tat-talba tagħha għal kunfidenzjalità.

58.      Bħalma jirriżulta mill-punt 26 tas-sentenza appellata, permezz tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, l-appellanti lmentat li l-uffiċjal tas-seduta astjena milli jwieġeb tliet argumenti distinti bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ għan stabbilit fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (dan l-argument ma ġiex imtenni fl-appell), fit-tieni lok, fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi li hija kienet stabbiliet fil-fatt li l-informazzjoni kontenzjuża ma tiġix ippubblikata u, fit-tielet lok, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-fatt li din il-pubblikazzjoni għandha bħala effett li tqiegħdha f’pożizzjoni inqas favorevoli minn destinatarji oħra tad-Deċiżjoni PIP.

59.      Barra minn hekk mill-argument tal-appellanti fil-kuntest tal-appell tagħha jirriżulta li dawn l-oġġezzjonijiet tqajmu b’mod awtonomu fil-konfront tat-talba għal trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni li toriġina minn dikjarazzjonijiet ta’ klemenza.

60.      Issa, sa fejn dan jirrigwarda oġġezzjonijiet ifformulati b’mod awtonomu fil-konfront tat-talba għal trattament kunfidenzjali, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-fehma tiegħi, ġustament, li l-uffiċjal tas-seduta ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għalihom.

61.      Nixtieq nippreċiża li l-argument imqajjem mill-appellanti quddiem l-uffiċjal tas-seduta abbażi tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jinftiehem b’żewġ modi differenti.

62.      Minn naħa, jista’ jinftiehem bħala intiż sabiex jiġi stabbilit li l-informazzjoni li tinsab f’dikjarazzjoni ta’ klemenza għandha tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali, fir-rigward tal-aspettattiva leġittima tal-applikant li huwa ma jitqiegħedx, f’kawżi ċivili, f’pożizzjoni inqas favorevoli minn parteċipanti oħra fil-ksur li jkunu għażlu li ma jikkooperawx. Il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament ikunu għalhekk invokati, indirettament biss, insostenn tal-argument ibbażat fuq in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kontenzjuża. Issa, huwa paċifiku li l-uffiċjal tas-seduta eżamina u ċaħad dan l-argument fid-deċiżjoni kontenzjuża.

63.      Min-naħa l-oħra, dan l-istess argument tal-appellanti jista’ jinftiehem bħala intiż biex jiġi stabbilit li l-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkisru, irrispettivament mill-fatt dwar jekk l-informazzjoni kontenzjuża għandhiex tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali. Tali argument separat jista’ jkun ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti marbuta mal-irtirar tal-atti amministrattivi jew fuq il-modifika tal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni (23). Issa, fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti, sa fejn ma jinvokawx in-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni, ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta.

64.      Għaldaqstant, jien ma iniex konvint mill-argument tal-appellanti li skontu l-ammissjoni ta’ limiti għall-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta tkun tikser id-dritt tiegħu għall-protezzjoni ġudizzjarja.

65.      Infakkar li l-proċedura li timplika lill-uffiċjal tas-seduta għandha effett sospensiv fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni u għalhekk tippermetti lill-parti kkonċernata tippreżenta rikors għal annullament u tressaq talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali, f’konformità mas-sentenza AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni (24).

66.      Ir-rekwiżit ta’ tali stħarriġ ġudizzjarju qabel l-iżvelar huwa ġġustifikat madankollu mill-fatt li l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali jista’ jikkawża dannu gravi u irreparabbli lill-parti kkonċernata. Issa, din il-ġustifikazzjoni tapplika biss sakemm il-parti kkonċernata tinvoka n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni u din ma tkunx tista’ tiġi estiża għall-oġġezzjonijiet l-oħra mqajma kontra l-pubblikazzjoni.

67.      Konsegwentement, inqis li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta, skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695, ma testendix għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-appellanti abbażi tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

68.      Nosserva, fl-aħħar nett, li wieħed mill-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni huwa ambigwu.

69.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata, li l-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament invokati mill-appellanti ma kinux jaqgħu taħt il-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta, għaliex, kuntrarjament għar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali jew dawk li jirregolaw id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, dawn il-prinċipji ma kinux jikkostitwixxu “regoli li jipproteġu speċifikament kontra żvelar” u ma kellhomx “bħala għan speċifiku li jipproteġu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti”.

70.      Il-Qorti Ġenerali ma speċifikatx x’riedet tfisser bir-riferiment għar-regoli li jipproteġu speċifikament kontra żvelar (25). Jekk dan il-motiv tas-sentenza appellata kellu jinftiehem bħala li jfisser li l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi fl-ebda każ, ma jista’ jikkostitwixxi l-bażi għall-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni bħala kunfidenzjali, tali motiv, fil-fehma tiegħi, ikun żbaljat fil-liġi.

71.      Ċertament, bħalma tosserva l-Kummissjoni, it-talba għal trattament kunfidenzjali għandha tiġi ssostanzjata kif xieraq mill-parti kkonċernata, iżda, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (26), tali talba tista’ tkun ibbażata fuq l-argument li skontu l-informazzjoni inkwistjoni kienet ġiet trażmessa bl-aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni tirrispetta n-natura kunfidenzjali tagħha. Fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżiti marbuta mar-rispett tal-aspettattivi leġittimi ta’ individwu jistgħu fil-prinċipju jiġġustifikaw it-trattament kunfidenzjali, indipendentement mill-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika.

72.      Madankollu, minkejja li l-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata għandhom jinftiehmu f’dan is-sens, tali żball ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, peress li d-dispożittiv tagħha jidher ibbażat fuq motivi oħra tal-liġi (27). Fil-fatt, għal dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata li l-uffiċjal tas-seduta ġustament kien qal li ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għall-argumenti “separati” bbażati fuq il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament (punti 26 u 44 tas-sentenza appellata).

73.      Issa, din il-konstatazzjoni, bħala tali, hija fondata fil-liġi. Fil-fatt, sakemm l-appellanti invokat tali argumenti b’mod awtonomu b’rabta mat-talba tagħha għal kunfidenzjalità, l-evalwazzjoni tagħhom ma taqax taħt il-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta. Konsegwentement, inqis li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 44 tas-sentenza appellata għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi kkonfermata.

74.      Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti

75.      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment tagħha bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

76.      Kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset li l-pożizzjonijiet tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, li jinsabu fl-ittri tat-28 ta’ Novembru 2011 u tal-15 ta’ Marzu 2012, jagħmlu parti mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (punti 60 u 132 tas-sentenza appellata).

77.      Jien nosserva li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 60 u 132 tas-sentenza appellata, li skontha l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża għandha tinftiehem fil-kuntest tal-korrispondenza preċedenti mal-appellanti, ma tistax tiġi kkritikata bħala tali.

78.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha, meta dan ikun magħruf mill-parti kkonċernata u jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (28).

79.      Barra minn hekk, sa fejn deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni tikkonferma purament u sempliċement il-pożizzjoni espressa minn qabel, anki minn dipartiment ieħor, il-kontenut ta’ din il-pożizzjoni jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi l-kuntest rilevanti għall-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni (29). Dan l-approċċ japplika wkoll fis-sitwazzjoni fejn talba tiġi pproċessata minn żewġ istanzi amministrattivi indipendenti (30).

80.      Jekk din l-istess kunsiderazzjoni tiġi applikata f’dan il-każ, fil-fehma tiegħi, dan ma jkunx inkompatibbli mal-fatt li l-uffiċjal tas-seduta jgawdi mill-indipendenza fi ħdan il-Kummissjoni (31).

81.      Meta żewġ istanzi fi ħdan il-Kummissjoni jadottaw l-istess pożizzjoni fir-rigward tal-iżvelar ta’ dokument u l-portata tal-kunfidenzjalità, il-motivi kollha espressi jikkostitwixxu l-kuntest rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni finali.

82.      Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali setgħet, filwaqt li teżamina l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, tqis il-pożizzjoni espressa mid-dipartimenti tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” fil-korrispondenza preċedenti mal-appellanti.

83.      F’dan ir-rigward, nosserva li, bħalma jirriżulta mill-punt 65 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kontenzjuża tindika l-motivi taċ-ċaħda tat-talba għal kunfidenzjalità fformulata mill-appellanti. Fil-fatt, l-uffiċjal tas-seduta, meta fakkar fil-limiti tal-kompetenza tiegħu, wieġeb għall-oġġezzjonijiet tal-appellanti, sakemm dawn kienu bbażati fuq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ klemenza tagħha, billi kkonstata li tali informazzjoni ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali jew li hija koperta mis-sigriet professjonali, minħabba l-fatt biss li din kienet ġiet trażmessa fil-kuntest tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni (punti 12, 14 u 18 sa 21 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

84.      Billi ċaħad totalment it-talba sħiħa għal trattament kunfidenzjali mressqa mill-appellanti, l-uffiċjal tas-seduta kkonferma l-pożizzjoni li tirriżulta mill-ittri tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2011 u tal-15 ta’ Marzu 2012, deskritti fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata. Din il-pożizzjoni għalhekk hija rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

85.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-pożizzjoni magħrufa mill-appellanti qabel ir-riferiment lill-uffiċjal tas-seduta, din ma tistax issostni leġittimament li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha mill-Qorti Ġenerali kiser id-dritt għal smigħ tagħha minħabba li hija ma setgħetx tikkontesta l-argumenti mressqa f’dawn l-ittri.

86.      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet kollha, nipproponi li għandha tiġi miċħuda t-tieni parti u, konsegwentement, l-ewwel aggravju kollu kemm hu.

B –    Fuq it-tieni aggravju

87.      Permezz ta’ dan l-aggravju, li jikkonċerna l-punti 76 sa 127 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li minħabba li ċaħdet l-argument tagħha li skontu l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ klemenza tagħha għandha tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll id-dritt tagħha għall-protezzjoni tal-ħajja privata.

1.      Is-sentenza appellata

88.      Fil-punti 76 sa 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, li essenzjalment kien jinkludi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel parti, fuq ksur tas-sigrieti tan-negozju tal-appellanti, it-tieni parti, fuq ksur tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza u, it-tielet parti, fuq ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata (punt 76 tas-sentenza appellata).

89.      Fir-rigward tal-ewwel parti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, li kieku kellu jitqies li ċerta informazzjoni kummerċjali kkonċernata setgħet tikkostitwixxi sigriet tan-negozju, fi kwalunkwe każ hija għandha titqies li hija storika, peress li din għandha ħames snin jew iktar u l-appellanti ma wrietx li, minkejja ż-żmien li għandha, din kienet għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha (punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata).

90.      Fir-rigward tat-tieni parti, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk, hekk kif kienet qiegħda ssostni l-appellanti, informazzjoni kellhiex tgawdi minn protezzjoni, fir-rigward tas-sigriet professjonali, għas-sempliċi fatt li hija kienet ġiet ikkomunikata b’mod volontarju minn impriża lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza (punt 88 tas-sentenza appellata).

91.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li skontu l-portata tal-protezzjoni kontra l-iżvelar skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 tkun rilevanti f’dan il-każ. Il-fatt li l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tippubblika kull informazzjoni protetta b’eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti jkollu bħala effett li ċċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li tippubblika anki l-essenzjali tad-deċiżjoni tagħha, peress li tali eċċezzjoni tipproteġi, f’konformità ma’ preżunzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW (32), l-elementi kollha tal-fajl tal-investigazzjoni (punti 91 u 92 tas-sentenza appellata).

92.      L-iżvelar ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona l-imsemmi ksur, ma jistax, bħala prinċipju, jiġi konfuż ma’ aċċess minn terzi għal dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Il-pubblikazzjoni ta’ tali informazzjoni ma jkollhiex bħala riżultat il-komunikazzjoni lil terzi ta’ dikjarazzjonijiet ta’ klemenza (punt 93 tas-sentenza appellata).

93.      Il-Qorti Ġenerali mbagħad eżaminat it-tliet kundizzjonijiet relatati mal-kunċett ta’ “sigriet professjonali” stabbiliti mill-ġurisprudenza tagħha (33).

94.      Fir-rigward tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn kienu ssodisfatti, peress li l-informazzjoni inkwistjoni tkun magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni u l-iżvelar tagħha jkun jista’ jikkawża dannu serju lill-appellanti. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-informazzjoni kontenzjuża kienet tikkonsisti, essenzjalment, fid-deskrizzjoni ta’ elementi li jikkostitwixxu l-ksur. Ċertu numru ta’ siltiet tad-Deċiżjoni PIP li l-pubblikazzjoni tagħhom kienet maħsuba li ssir kienu juru b’mod sinjifikattiv iktar iddettaljat l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-appellanti, li seta’ għalhekk jippermetti lil terzi leżi jistabbilixxu b’iktar faċilità l-kundizzjonijiet u l-portata tar-responsabbiltà ċivili tagħha (punti 96 sa 105 tas-sentenza appellata).

95.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-interessi tal-appellanti li jistgħu jiġu leżi bl-iżvelar ma kienx oġġettivament jixirqilhom protezzjoni u li, għaldaqstant, l-informazzjoni kontenzjuża ma kinitx taqa’ taħt is-sigriet professjonali. Il-Qorti Ġenerali fakkret li l-kundizzjoni inkwistjoni kienet teħtieġ l-ibbilanċjar bejn l-interess ġenerali ta’ trasparenza u l-interessi leġittimi kontra l-iżvelar. Issa, sabiex topponi l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-ksur, l-appellanti la setgħet tinvoka b’mod leġittimu l-interess għall-protezzjoni tar-reputazzjoni tagħha, la l-interess tagħha li tipproteġi lilha nnifisha kontra kundanna għad-danni, u lanqas l-interess pubbliku għall-effikaċja tal-programmi ta’ klemenza (punti 106 sa 122 tas-sentenza appellata).

96.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet parti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li għalkemm l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tikkonċerna ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji fil-prinċipju għandha titqies bħala li taqa’ taħt l-attività privata ta’ persuna, din tal-aħħar ma tistax tinvoka d-dritt tagħha għall-protezzjoni ta’ din l-informazzjoni sabiex tilmenta dwar preġudizzju għar-reputazzjoni tagħha li jirriżulta b’mod prevedibbli mill-azzjonijiet tagħha stess (punti 124 sa 126 tas-sentenza appellata).

97.      Bħala tweġiba għall-argumenti tal-appellanti dwar ksur tal-aspettattivi leġittimi invokati insostenn tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn jiġu konfużi mal-argument żviluppat taħt ir-raba’ motiv u kellhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan tal-aħħar (punt 77 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali eżaminat dawn l-argumenti fil-punti 134 sa 158 tas-sentenza appellata.

2.      L-argumenti tal-partijiet

98.      Dan l-aggravju jinqasam f’erba’ partijiet.

99.      Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ikkonstatat li l-informazzjoni kontenzjuża kienet tilfet in-natura kunfidenzjali tagħha għas-sempliċi fatt li din kellha iktar minn ħames snin (punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata).

100. Permezz tat-tieni parti, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-informazzjoni li toriġina minn dikjarazzjonijiet ta’ klemenza kellha tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali.

101. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat f’dan il-każ ċaħdet li tapplika l-istess kriterji bħal dawk applikabbli għall-aċċess għad-dokumenti, previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (punti 92 u 93 tas-sentenza appellata). Id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, bejn l-aċċess għad-dokumenti u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li tinsab fihom, hija artifiċjali.

102. L-appellanti tindika li d-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza huma stabbiliti għall-finijiet biss tal-proċedura tal-Kummissjoni u biili bbbażat ruħha fuq il-fatt li l-Kummissjoni tirrispetta l-assigurazzjonijiet mogħtija fil-punt 32 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fil-punt 40 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2006”) (34).

103. Skont l-appellanti, il-motivi li jinsabu fil-punti 93, 117, 138, 140 sa 150, 155 u 161 tas-sentenza appellata huma għaldaqstant żbaljati, hekk kif dawn huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li skontha l-iżvelar tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, fil-verżjoni pubblika tad-Deċiżjoni PIP, ma jistax jiġi assimilat mal-iżvelar parzjali ta’ dikjarazzjonijiet ta’ klemenza nfushom. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet libera tippubblika kull tip ta’ informazzjoni misluta mid-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, anki meta din tirrigwarda ċitazzjonijiet tagħha, diretti jew indiretti.

104. B’mod sussidjarju, permezz tat-tielet parti, l-appellanti ssostni li l-informazzjoni kontenzjuża hija fi kwalunkwe każ kunfidenzjali skont il-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (35). Kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali indikat fil-punti 107 sa 111 tas-sentenza appellata, l-interessi tagħha jkun oġġettivament jixirqilhom protezzjoni fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

105. Permezz tar-raba’ parti, l-appellanti tikkritika l-punti 121 sa 126 tas-sentenza appellata, dwar il-ksur allegat tad-dritt tagħha għall-protezzjoni tal-ħajja privata. Hija ssostni li l-iżvelar tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, ma jistax jitqies bħala konsegwenza prevedibbli tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

106. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti billi tirreferi, essenzjalment, għall-motivi rilevanti tas-sentenza appellata.

3.      Analiżi

a)      Osservazzjonijiet preliminari

i)      Fuq in-natura kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza

107. L-argument prinċipali tal-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-aggravju jirrigwarda n-natura allegatament kunfidenzjali ta’ informazzjoni misluta mid-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, kif ukoll il-protezzjoni tagħha kontra l-iżvelar fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

108. Nosserva li d-dikjarazzjonijiet ta’ impriża magħmula sabiex tinkiseb il-klemenza huma differenti minn kwalunkwe dokument ieħor miġbur mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, peress li dawn ikun fihom deskrizzjoni ddettaljata tal-fatti li jikkostitwixxu ksur irrapportata volontarjament mill-parteċipant dirett tagħhom (36). Dan għalhekk jirrigwarda, b’differenza minn elementi oħra tal-fajl tal-Kummissjoni, dokument evalwattiv, ikkomunikat spontanjament, maħsub b’mod speċjali biex jiġi stabbilit fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza u li permezz tiegħu l-awtur jammetti l-ksur, filwaqt li b’hekk jirrinunzja għad-dritt tiegħu li ma jinkriminax lilu nnifsu.

109. In-natura ta’ dan id-dokument tiġġustifika riżervi fir-rigward tal-iżvelar tiegħu.

110. F’konformità mal-komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tal-2006, l-iżvelar pubbliku tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, kif ukoll ta’ dokumenti oħra miksuba fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza, fil-prinċipju huwa eskluż, anki wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti mill-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1094/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u l-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ spezzjoni u ta’ investigazzjoni (37). Tali dikjarazzjonijiet ma għandhomx ikunu kkonċernati mill-komunikazzjoni ta’ siltiet fi proċeduri ċivili. Il-protezzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza għall-kuntrarju ma xxekkilx l-iżvelar tagħhom lill-partijiet l-oħra li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom, fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl (38). Id-dokumenti relatati man-netwerk Ewropew għall-kompetizzjoni jipprevedu riżervi għall-iskambju ta’ dikjarazzjonijiet bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (39).

111. Il-prattika tal-Kummissjoni li tirriżulta minn dawn id-dokumenti tagħmel distinzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza u d-dokumenti preeżistenti ppreżentati mill-applikant għal klemenza. Id-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, fil-prinċipju, jibbenefikaw minn protezzjoni assoluta kontra l-iżvelar pubbliku u t-trażmissjoni lill-qrati nazzjonali.

112. Il-Kummissjoni ddefendiet din il-prattika, b’mod kostanti, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (40) u, bħala amicus curiae, quddiem il-qrati nazzjonali (41).

113. Fis-sentenza Pfleiderer (42), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-possibbiltà li jiġu żvelati d-dokumenti dwar programm ta’ klemenza fil-kuntest ta’ kawża ċivili. Fl-eżami ta’ talba għal aċċess għal tali dokumenti, il-qrati nazzjonali għandhom jibbilanċjaw, fuq bażi ta’ każ b’każ, l-interessi li jiġġustifikaw l-għoti ta’ informazzjoni u l-protezzjoni ta’ dik l-informazzjoni pprovduta b’mod volontarju mill-applikant għall-klemenza. Għalhekk għandu jinstab bilanċ bejn id-dritt ta’ partijiet terzi leżi bl-akkordju li jressqu l-azzjonijiet ċivili għad-danni (43) u l-protezzjoni tal-effettività tal-proċeduri meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma ddeċidietx dwar in-natura partikolari tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza (44).

114. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW (45), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li skontha l-iżvelar ta’ dokumenti li jinsabu f’fajl relatat mal-proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jippreġudika, bħala regola, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura kif ukoll il-protezzjoni tal-objettivi tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati ma’ dawn fis-sens tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

ii)    Il-konsegwenzi tal-protezzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ klemenza fuq il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

115. Għandu jiġi eżaminat jekk il-protezzjoni mogħtija lid-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza għandhiex tiġi riflessa, b’ċerti limiti fir-rigward tal-użu ta’ informazzjoni misluta minn dawn id-dikjarazzjonijiet, fil-motivi ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonstataw il-ksur.

116. Nosserva, f’dan ir-rigward, li l-protezzjoni kontra żvelar hija intiża għall-informazzjoni sensittiva, indipendentement mill-mezz li tiġi ppreżentata fuqu. Minn dan jirriżulta li għalkemm id-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza huma protetti, din il-protezzjoni hija estiża wkoll, fil-prinċipju, għat-traskrizzjoni tagħhom inkluża f’dokumenti oħra.

117. Din il-kunsiderazzjoni tidher li hija aċċettata mill-Kummissjoni. Fl-intervent tagħha bħala amicus curiae quddiem qorti tar-Renju Unit f’Novembru 2011 (46), il-Kummissjoni sostniet li r-riżervi b’rabta mal-iżvelar ta’ dikjarazzjonijiet ta’ klemenza japplikaw ukoll fil-każ ta’ żvelar tal-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni tagħha f’kawża ċivili, peress li din id-deċiżjoni jkun fiha ċ-ċitazzjonijiet ta’ dikjarazzjonijiet ta’ klemenza.

118. Il-fatt li l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza għandha tiġi protetta, anki meta din tiġi traskritta f’dokument ieħor, jimplika li l-Kummissjoni għandha teżerċita ċerta moderazzjoni fir-rigward tal-użu tagħha fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjonijiet tagħha.

119. Madankollu nosserva li l-protezzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ klemenza hija ġġustifikata mill-interess pubbliku li tiġi ggarantita l-attrattiva tal-programmi ta’ klemenza, li huma strument essenzjali għad-detezzjoni ta’ akkordji (47). Issa, l-appellanti ma tistax tinvoka tali interess pubbliku kontra l-Kummissjoni.

120. Huwa dibattibbli l-punt jekk il-protezzjoni inkwistjoni hijiex ibbażata wkoll fuq l-interess partikolari tal-applikant għall-klemenza (48).

121. Fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ tali interess tista’ tiġi dedotta mill-funzjonament tal-programmi ta’ klemenza.

122. Fil-fatt, meta l-awtorità pubblika tistabbilixxi l-programm ta’ klemenza, hija toħloq qafas legali li jinċentivizza lil impriża tiddenunzja b’mod spontanju l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u, għalhekk, tirrinunzja għad-dritt tagħha li ma tinkriminax lilha nnifisha. Minn dan jirriżulta rabta ta’ fiduċja bejn l-applikant u l-Kummissjoni, simili għal dik li teżisti bejn din tal-aħħar u l-informatur jew il-lanjant fil-proċeduri dwar kompetizzjoni (49). L-impriża li tiddeċiedi li tirrinunzja għad-dritt tagħha li ma tinkriminax lilha nnifisha għandha tkun tista’ tieħu din id-deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-kawża. Għalhekk, din tista’ tistenna li l-Kummissjoni tqis l-interessi tagħha billi tagħmel użu minn informazzjoni kkomunikata f’dan il-kuntest partikolari.

123. Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat li tista’ tiġi dedotta aspettattiva leġttima fir-rigward tat-trattament kunfidenzjali, din l-aspettattiva tkun tikkonċerna biss l-iżvelar ta’ informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-kooperazzjoni f’kuntest li jippermetti li jiġi ttraċċat is-sors tagħha, u li ma tkunx tirrigwarda l-protezzjoni ta’ din l-informazzjoni bħala tali.

124. Din il-kunsiderazzjoni tirriżulta mill-fatt li l-protezzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni ma tirriżultax mill-kontenut intrinsikament sensittiv tagħha, iżda mill-kombinazzjoni tal-kontenut u ċ-ċirkustanzi relatati mal-komunikazzjoni tagħha lill-Kummissjoni (50).

125. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, minkejja li l-Kummissjoni għandha teżerċita ċerta moderazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ din l-informazzjoni matul il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha, il-limiti għall-iżvelar, li jirriżultaw mill-interess leġittimu tal-applikant għal klemenza, jirrigwardaw biss l-informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata r-rabta tagħha mad-dikjarazzjoni ta’ klemenza. L-iżvelar ta’ din l-informazzjoni biss jippermetti lill-qarrej li jibni mill-ġdid il-kontenut eżatt ta’ siltiet minn dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, u dan ikun ekwivalenti għal żvelar parzjali tagħhom.

126. Għall-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni għandu jkollha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-użu, fil-verżjonijiet pubbliċi tad-deċiżjonijiet tagħha, ta’ elementi oħra misluta minn dikjarazzjonijiet ta’ klemenza.

127. Minn naħa, il-Kummissjoni għandha tgawdi minn marġni ta’ manuvra wiesa’ meta din tiddeskrivi l-funzjonament tal-akkordju fid-deċiżjoni tagħha, inkluż fil-verżjoni ppubblikata. F’diversi investigazzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza jikkostitwixxu, għall-inqas għal ċerti episodji tal-ksur u bil-kundizzjoni li jkunu kkorroborati minn elementi oħra indipendenti, is-sors prinċipali ta’ prova. Jekk id-deċiżjoni għandha titneħħielha kull informazzjoni li toriġina minn dawn id-dikjarazzjonijiet, din tista’ tisfa’ inutli bħala sors ta’ informazzjoni dwar ksur. Issa, għandu jitqies il-fatt li, fir-rigward tal-fatt li l-fajl tal-Kummisjoni huwa protett mill-preżunzjoni ġenerali stabbilita fis-sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW (51), il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi s-sors importanti ta’ informazzjoni għal terzi li jqisu ruħhom leżi mill-akkordju (52). Il-possibbiltà għal dawn it-terzi li jressqu azzjonijiet ċivili tista’ għalhekk tiġi indebitament ristretta.

128. Min-naħa l-oħra, meta jiddeċiedi li jtemm l-akkordju, applikant għall-klemenza għandu jkun konxju tal-fatt li t-tagħrif trażmess fil-kuntest tal-kooperazzjoni tiegħu ser ikun sors importanti ta’ informazzjoni u ser jintuża b’mod wiesa’ mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi u tiddeskrivi l-fatti, inkluż fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni. Għalhekk għandu jaċċetta li, minbarra ċ-ċitazzjonijiet diretti tad-dikjarazzjonijiet tagħha u ta’ informazzjoni oħra li tippermetti li tiġi identifikata bħala sors, l-informazzjoni trażmessa lill-Kummissjoni ser tiġi rrapportata fid-deċiżjoni tagħha, inkluż il-verżjoni pubblika.

129. Nosserva li, bid-deċiżjoni li jikkoopera mal-Kummissjoni, applikant jista’ raġonevolment jistenna li n-natura kunfidenzjali tal-kooperazzjoni tiegħu ma tistax tiġi protetta mingħajr riżerva. L-identità tal-applikant għall-klemenza ser tkun magħrufa għall-pubbliku mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, għalkemm wieħed jista’ jistenna li l-Kummissjoni tieħu miżuri raġonevoli sabiex taħbi s-sors ta’ provi miksuba fil-kuntest tal-kooperazzjoni, huwa inevitabbli li qarrej tad-deċiżjoni, konxju tal-identità tal-applikant/i għall-klemenza, jista’ jitwassal sabiex jispekula dwar il-fatt li informazzjoni toriġina mill-kooperazzjoni tagħhom.

b)      Fuq l-ewwel parti

130. Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti tikkontesta l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ ħames snin, ibbażata fuq iż-żmien li għandha l-informazzjoni kummerċjali, fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata.

131. Skont il-prattika tal-Kummissjoni (53) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali żviluppata fil-kuntest ta’ talbiet għal kunfidenzjalità (54), l-informazzjoni kummerċjali li għandha ħames snin jew iktar għadha, bħala regola ġenerali, titqies bħala mhux kunfidenzjali, sakemm, b’mod eċċezzjonali, l-impriża kkonċernata ma turix li din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha.

132. Din il-prattika tibbaża fuq il-kunsiderazzjoni ġenerali li skontha l-informazzjoni kummerċjali titlef in-natura sensittiva tagħha mal-mogħdija taż-żmien. Din il-kunsiderazzjoni tiġġustifika, fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni marbuta ma’ perijodu fiss ibbażat fuq l-esperjenza, li l-impriża kkonċernata tista’ tikkonfuta bil-prova kuntrarja.

133. Nosserva li din il-preżunzjoni ma teskludix li l-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni kummerċjali għandha tinżamm lil hinn minn dan il-perijodu ta’ ħames snin. L-applikazzjoni tagħha għalhekk tibqa’ kompatibbli mal-kunsiderazzjoni li skontha l-eċċezzjonijiet fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti jistgħu potenzjalment japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, u anki lil hinn minnu jekk dan ikun neċessarju (55).

134. Nippreċiża li dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jikkonċernaw l-informazzjoni kummerċjali sensittiva u ma japplikawx għall-informazzjoni li l-kunfidenzjalità tagħha tintalab għal motiv ieħor.

135. F’dan il-każ, l-appellanti tikkritika l-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata billi ssostni li l-informazzjoni li ġejja minn dikjarazzjoni ta’ klemenza ma titlifx in-natura kunfidenzjali tagħha minħabba l-mogħdija taż-żmien biss. Fil-fehma tagħha, il-protezzjoni ta’ tali informazzjoni ma tistax tiġi limitata għal perijodu fiss b’mod riġidu.

136. Din il-kritika, fil-fehma tiegħi, tirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.

137. Fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li skontu l-pubblikazzjoni prevista kien fiha informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u l-politika tal-prezzijiet tagħha (l-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza).

138. Iċ-ċaħda ta’ dan l-argument hija bla ħsara għall-eżami, magħmul mill-Qorti Ġenerali, tal-argument separat tal-appellanti bbażat fuq il-fatt li l-informazzjoni kontenzjuża għandha tiġi protetta kontra l-iżvelar minħabba li din toriġina minn dikjarazzjoni ta’ klemenza (it-tieni parti tat-tielet motiv, punti 88 sa 122 tas-sentenza appellata).

139. Għalhekk, billi ssostni li l-preżunzjoni ta’ ħames snin ma tistax tapplika għall-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ klemenza, l-appellanti ma hijiex konxja tal-fatt li l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni, fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, tikkonċerna biss l-argument tagħha bbażat fuq informazzjoni kummerċjali sensittiva.

140. Konsegwentement, inqis li l-ewwel parti tal-aggravju hija infondata.

c)      Fuq it-tieni parti

141. L-appellanti ssostni li l-informazzjoni kontenzjuża, li toriġina mid-dikjarazzjoni ta’ klemenza tagħha, tgawdi mill-protezzjoni tas-sigriet professjonali, b’tali mod li, fir-rigward tal-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni ma tistax tinkludiha fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tagħha, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri, li ma ntweriex f’dan il-każ.

142. Dan l-argument jibbaża fuq il-premessa li skontha l-użu ta’ informazzjoni misluta minn dikjarazzjoni ta’ klemenza fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa ekwivalenti għall-iżvelar parzjali tad-dikjarazzjoni nnifisha.

143. Madankollu, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tiegħi iktar ’il fuq (56), din il-premessa ma hijiex preċiża.

144. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni għandha tqis in-natura kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta’ klemenza meta tuża l-informazzjoni li tkun tinsab fiha fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tagħha, il-limiti f’dan ir-rigward jikkonċernaw l-informazzjoni li tippermetti li tiġi dedotta l-oriġini tagħha, jiġifieri, essenzjalment iċ-ċitazzjonijiet diretti tad-dikjarazzjoni u r-referenzi għas-sors.

145. Għalhekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-appellanti tgawdi minn interess partikolari fil-kunfidenzjalità tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, li l-Kummissjoni tikkontesta f’dan il-każ, dan l-interess jista’ jipprekludi biss il-pubblikazzjoni ta’ siltiet tad-deċiżjoni li fihom iċ-ċitazzjonijiet diretti tad-dikjarazzjoni jew ir-referenzi għas-sors.

146. Issa, l-iżvelar ta’ tali informazzjoni ma huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża.

147. Fil-fatt, il-Kummissjoni tindika li ħassret, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali estiża li l-pubblikazzjoni tagħha hija ppjanata, l-informazzjoni kollha li minnha seta’ jiġi dedott li din toriġina minn dikjarazzjonijiet jew dokumenti trażmessi lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni taħt il-klemenza, billi ħbiet, fit-test prinċipali u fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, kull rabta bejn l-informazzjoni u l-fatt li din toriġina mill-applikant għall-klemenza.

148. Għalhekk, bħalma jirriżulta mill-punt 139 tas-sentenza appellata, inħbiet l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi identifikat direttament jew indirettament is-sors tal-informazzjoni misluta mid-dikjarazzjoni ta’ klemenza tal-appellanti.

149. Għalkemm l-appellanti ssostni, fil-kuntest tal-appell, li s-siltiet mhux moħbija għad fihom ċitazzjonijiet litterali tad-dikjarazzjoni ta’ klemenza tagħha, dan l-argument għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta’ dak li l-appellanti tifhem b’“ċitazzjoni litterali”.

150. Fil-fatt, l-appellanti tispjega li dan il-kunċett ma jinkludix biss iċ-“ċitazzjonijiet kelma b’kelma u indikati bħala tali”, iżda wkoll “is-siltiet li jirriproduċu litteralment, iżda kemm (i) mingħajr ma jkunu indikati bħala ċitazzjoni kif ukoll (ii) fid-diskors indirett, il-formulazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ impriża”, u targumenta li, f’dan ir-rigward, ma huwiex suffiċjenti li l-Kummissjoni taħbi l-isem tal-impriża ċċitata jew ir-referenza konkreta għad-dokument li tidher fil-fajl tal-Kummissjoni. L-appellanti ssostni li, mill-mument li hija titqies, fil-punt 85 tad-Deċiżjoni PIP, bħala s-sors prinċipali ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, terzi ser iqisuha a priori bħala s-sors ta’ mill-inqas parti kbira taċ-ċitazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni.

151. Issa, bħalma indikajt diġà (57), għalkemm wieħed jista’ jistenna li l-Kummissjoni tieħu miżuri raġonevoli sabiex taħbi s-sors tal-provi miksuba fil-kuntest tal-kooperazzjoni, huwa inevitabbli li qarrej tad-deċiżjoni, konxju tal-identità tal-applikant jew applikanti għall-klemenza, jista’ jitwassal sabiex jispekula dwar il-fatt li informazzjoni waħda jew oħra toriġina mill-kooperazzjoni tagħhom. Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tinħareġ riżerva leġittima fuq il-pubblikazzjoni tas-siltiet ikkonċernati. Konsegwentement, ħlief għaċ-ċitazzjonijiet diretti tad-dikjarazzjonijiet jew ta’ informazzjoni oħra li tippermetti li jiġi identifikat is-sors, li ma humiex ikkonċernati mill-argument tal-appellanti, l-appellanti ma tistax topponi b’mod validu l-pubblikazzjoni, fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ta’ informazzjoni dwar il-ksur li jinsab fid-dikjarazzjoni ta’ klemenza tagħha.

152. Lanqas ma jiena konvint mill-argument tal-appellanti li skontu l-Qorti Ġenerali injorat il-kriterji relatati mal-aċċess għad-dokumenti, imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

153. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl b’rabta mal-proċeduri dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni setgħet tinvoka preżunzjoni ġenerali tal-kontrarjetà ta’ tali żvelar għall-interessi previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1094/2001 (58).

154. Madankollu, din il-preżunzjoni, introdotta favur il-Kummissjoni u li tippermettilha tirrinunzja għall-eżami individwali ta’ dokumenti li jaqgħu taħt il-fajl tagħha, fil-fehma tiegħi ma tistax tipprekludi lill-Kummissjoni nnifisha. Fil-fatt, meta din tagħti r-rendikont tal-fatti li jikkostitwixxu ksur fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tistax tieħu bħala l-punt tal-bidu l-preżunzjoni li skontha l-fajl kollu tagħha huwa kunfidenzjali. Bħalma indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 92 tas-sentenza appellata, tali interpretazzjoni ma tneħħix biss is-sustanza mill-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, iżda jkollha wkoll bħala effett prattiku li taqleb l-oneru tal-prova, li, fil-qasam ta’ trattament kunfidenzjali, jaqa’ fuq l-applikant.

155. L-appellanti għalhekk ma tistax tinvoka b’mod utli l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li skontha l-informazzjoni għandha titqies bħala koperta mis-sigriet professjonali, sa fejn il-kunfidenzjalità tagħha tirriżulta minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (59).

156. Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni, fil-fehma tiegħi b’mod żbaljat, li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tippermetti lill-Kummissjoni tippubblika liberament l-informazzjoni kollha misluta minn dikjarazzjoni ta’ klemenza.

157. Nosserva li mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni aċċettat ċerti talbiet tal-appellanti, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ħabi ta’ referenzi għas-sors tal-informazzjoni. Dawn it-talbiet għalhekk ma għadhomx is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali.

158. F’dan ir-rigward, fil-punti 136 sa 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni misluta minn dikjarazzjonijiet ta’ klemenza u l-iżvelar tad-dikjarazzjonjiet infushom, b’riferiment għall-fatt li l-Kummissjoni ħassret l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi identifikat direttament jew indirettament is-sors tal-informazzjoni kkomunikata fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza (60). Barra minn hekk mill-punt 141 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija lill-verżjoni kunfidenzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni hija ġġustifikata, b’mod partikolari, mill-fatt li din fiha indikazzjonijiet dwar is-sors tal-informazzjoni kkomunikata fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza u li tali verżjoni kunfidenzjali għalhekk tista’ tirrifletti dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti magħmula minn dawn l-impriżi. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-istess riżerva tapplika għall-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li minnha għandhom jitneħħew tali indikazzjonijiet dwar is-sors ta’ informazzjoni.

159. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, minn dawn il-motivi tas-sentenza appellata ma jirriżultax li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-kooperazzjoni huwa illimitat.

160. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat fuq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata skont il-programm ta’ klemenza.

d)      Fuq it-tielet parti

161. B’mod sussidjarju fir-rigward tal-partijiet preċedenti, l-appellanti ssostni li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 106 sa 111 tas-sentenza appellata, it-tielet kundizzjoni dwar il-klassifikazzjoni tas-sigriet professjonali prevista mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (61), jiġifieri dik dwar l-eżistenza ta’ interessi li oġġettivament tixirqilhom protezzjoni, hija ssodisfatta f’dan il-każ.

162. L-appellanti tikkontesta ċ-ċaħda tal-argument tagħha li skontu l-pubblikazzjoni ppjanata tinterferixxi b’mod mhux iġġustifikat f’rikorsi ċivili pendenti jew futuri. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tagħha, billi kkonstatat li hija kellha l-intenzjoni, essenzjalment, li tipproteġi lilha nnifisha kontra kundanna eventwali għal danni minn qorti nazzjonali, li ma jikkostitwixxix interess li jixraqlu protezzjoni (punti 109 u 110 tas-sentenza appellata). Skont l-appellanti, l-interess tagħha ma jikkonsistix fl-evitar tal-ħlas ta’ danni, iżda fl-evitar li tiġi ttrattata b’mod diskriminatorju fil-kuntest tal-azzjonijiet għad-danni, minħabba li l-iżvelar ta’ informazzjoni misluta mid-dikjarazzjoni tagħha jkun ta’ żvantaġġ għaliha fil-konfront ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju.

163. Nosserva, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 103 u 104 tas-sentenza appellata, li l-pubblikazzjoni l-iktar kompleta ppjanata mill-Kummissjoni kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-motivi tad-Deċiżjoni PIP dwar il-funzjonament tal-akkordju u għalhekk kienet ta’ natura li tippermetti lil terzi leżi jistabbilixxu b’iktar faċilità r-responsabbiltà ċivili kemm tal-appellanti kif ukoll ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur. Għalhekk kienet ikkonċernata informazzjoni li tiffaċilita l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tal-parteċipanti kollha fl-akkordju.

164. F’dan ir-rigward, jekk jiġi preżunt li l-appellanti tista’ ssostni leġittimament l-interess tagħha bl-għan li tevita li tiġi stabbilita rabta bejn l-informazzjoni mogħtija u hija stess, bħala sors ta’ informazzjoni, dan l-interess huwa żgurat mill-ħabi ta’ ċitazzjonijiet diretti u ta’ informazzjoni oħra li jippermettu l-identifikazzjoni tas-sors.

165. Għalkemm, min-naħa l-oħra, l-appellanti għandha l-intenzjoni li ssostni l-interess tagħha intiż li taħbi l-importanza tar-rwol li hija kellha fl-organizzazzjoni tal-ksur, li tirriżulta mill-informazzjoni inkwistjoni, sabiex dan l-element ma jitqajjimx fil-kuntest tal-azzjonijiet għad-danni jew rikorsi, dan għaldaqstant, bħalma tindika l-Kummissjoni bir-riferiment għall-punti 107 u 110 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fihom, ma jirrigwardax interess li jixraqlu protezzjoni, fir-rigward tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv.

166. Konsegwentement, inqis li t-tielet parti hija infondata.

e)      Fuq ir-raba’ parti

167. Permezz tar-raba’ parti, l-appellanti tikkritika l-punti 124 sa 126 tas-sentenza appellata, billi tinvoka ksur tad-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

168. Bħalma nnotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 124 tas-sentenza appellata, it-tagħrif trażmess mill-impriżi lill-Kummissjoni jaqa’ taħt l-attività privata tagħhom u bħala tali huwa suġġett għar-rispett tal-ħajja privata.

169. Il-Qorti Ġenerali mbagħad indikat li, għalkemm dan ir-rispett huwa impost fuq informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tikkonċerna ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji, il-persuna kkonċernata ma tistax tinvokah sabiex tilmenta dwar preġudizzju għar-reputazzjoni tagħha li jirriżulta b’mod prevedibbli mill-azzjonijiet tagħha li jikkostitwixxu ksur (punt 125 tas-sentenza appellata). Ir-rispett tal-ħajja privata għalhekk ma jistax jostakola l-iżvelar tal-informazzjoni marbuta mal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kkonstatat mill-Kummissjoni (punt 126 tas-sentenza appellata).

170. L-appellanti ssostni li din il-kunsiderazzjoni ma tapplikax f’dan il-każ, peress li l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża ma jirriżultax b’mod prevedibbli mill-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

171. Nosserva li l-appellanti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha hija ma tistax tinvoka leġittimament il-preġudizzju għar-reputazzjoni tagħha li jirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni marbuta mal-attivitajiet tagħha li jikkostitwixxu ksur, billi dan il-preġudizzju huwa prevedibbli u jirriżulta mill-azzjonijiet tagħha stess. Din il-konstatazzjoni tibbaża għaldaqstant fuq il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-Qorti Ġenerali stabbiliet parallel magħha (62).

172. Issa, ħlief għall-allegat preġudizzju għad-dritt għar-reputazzjoni, li ġie eżaminat u miċħud mill-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma tindikax kif l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża ser ikollu konsegwenzi fuq id-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata.

173. Inqis għalhekk li r-raba’ parti u, għaldaqstant, it-tieni aggravju kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

C –    Fuq it-tielet aggravju

174. Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti tinvoka żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

175. L-appellanti essenzjalment tikkontesta ċ-ċaħda tal-argument tagħha li skontu l-pubblikazzjoni l-ġdida tad-Deċiżjoni PIP tippreġudika l-aspettattivi leġittimi tagħha, b’mod partikolari, sa fejn din tammonta għall-irtirar ta’ deċiżjoni favorevoli adottata mal-ewwel pubblikazzjoni fl-2007 minn naħa, u għall-modifika tal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra.

1.      Is-sentenza appellata

176. Fil-punti 159 sa 163, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet bħala infondat l-argument tal-appellanti, invokat fil-kuntest tar-raba’ motiv, li skontu l-pubblikazzjoni tal-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl-2007 tikkostitwixxi s-sors tal-aspettativi leġittimi tagħha.

177. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha l-libertà li tippubblika volontarjament verżjoni tad-deċiżjoni PIP iktar kompleta mill-minimu neċessarju u li f’din il-verżjoni tinkludi wkoll informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa, inkwantu l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma kienx inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali. F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl-2007 u li hija ma ddeskrivithiex bħala provviżorja ma seta’ jagħti lir-rikorrenti ebda assigurazzjoni preċiża dwar il-fatt li verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata ta’ din id-deċiżjoni ma kinitx ser tiġi ppubblikata iktar tard. Tali pubblikazzjoni ulterjuri setgħet b’mod partikolari tqis il-fatt li, mal-mogħdija taż-żmien, l-informazzjoni kummerċjali sensittiva tkun saret storika.

2.      L-argumenti tal-partijiet

178. L-appellanti tikkritika ċ-ċaħda, fil-punti 136 sa 165 tas-sentenza appellata, tal-argument tagħha bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

179. Fl-ewwel lok, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-atti amministrattivi leċiti, favorevoli għal individwu, fil-prinċipju ma jistgħux jiġu rtirati jew irrevokati (63). L-appellanti ssostni f’dan ir-rigward li, bil-pubblikazzjoni fl-2007 tal-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP, il-Kummissjoni aċċettat il-ħabi mixtieq mill-appellanti u temmet il-proċedura ta’ pubblikazzjoni, bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni favorevoli għall-appellanti – li r-revoka tagħha, prevista mid-deċiżjoni kontenzjuża, tkun kuntrarja għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza.

180. Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet l-argument tagħha bbażat fuq il-modifika tal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni. Skont l-appellanti, anki jekk jiġi aċċettat li l-Kummissjoni hija libera timmodifika l-prattika tagħha li tirriżulta mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u li tnaqqas il-livell ta’ protezzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza – għall-każijiet futuri – din min-naħa l-oħra ma tistax tintervjeni, għad-detriment tal-appellanti, f’sitwazzjoni fattwali li din tkun diġà ddeċidiet dwarha permezz tal-pubblikazzjoni tal-2007.

181. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti billi tirreferi, essenzjalment, għall-motivi rilevanti tas-sentenza appellata.

3.      Analiżi

182. L-argument żviluppat mill-appellanti fi ħdan dan l-aggravju essenzjalment jinkludi żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-kundizzjonijiet tal-irtirar ta’ att amministrattiv u, it-tieni, fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi minħabba l-allegata modifika mill-Kummissjoni tal-prattika tagħha.

a)      Fuq l-ewwel parti

183. F’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv individwali huwa ġeneralment suġġett għal kundizzjonijiet stretti ħafna. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet id-dritt tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jirtiraw att illegali, bil-kundizzjoni li dan l-irtirar iseħħ f’terminu raġonevoli u filwaqt li jiġu rrispettati l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju (64). Minn dan jista’ jiġi dedott li l-irtirar ta’ att legali individwali, li joħloq dritt, huwa fil-prinċipju eskluż (65).

184. Il-garanziji mogħtija lill-parti kkonċernata f’dan il-kuntest jiġu rrikonoxxuti biss sa fejn l-att inkwistjoni joħloq dritt, fis-sens li jaffettwa s-sitwazzjoni legali tal-parti kkonċernata (66).

185. F’dan il-każ, l-appellanti ssostni li, bil-pubblikazzjoni tal-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl-2007, il-Kummissjoni aċċettat il-ħabi mixtieq mill-appellanti u li tali deċiżjoni ma setgħetx tiġi rtirata.

186. Sabiex tingħata risposta għal dan l-argument, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tal-2007, il-Kummissjoni ddeċidietx dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li ma kinitx ġiet inkluża fil-verżjoni tad-Deċiżjoni PIP ippubblikata dak iż-żmien.

187. Nosserva li, bħalma jirriżulta mill-punt 163 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni speċifika li fiha impenn fil-konfront tal-appellanti sabiex fil-futur ma tippubblikax ċerta informazzjoni li nħbiet fl-2007.

188. L-argument tal-appellanti għalhekk iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni ddeċidietx dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni mhux ippubblikata fl-2007, b’mod impliċitu, mis-sempliċi fatt li ma inkludithiex fil-verżjoni mhux kunfidenzjali ppubblikata dak iż-żmien.

189. Fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni impliċita ma tistax tiġi dedotta minn ċirkustanzi b’rabta mal-pubblikazzjoni li seħħet fl-2007. Fil-fatt, bħalma huwa kkonstatat fil-punt 161 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tiddefinixxi l-portata tal-informazzjoni pubblika fl-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Minn din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni għandha tieħu pożizzjoni finali f’dan ir-rigward mal-ewwel pubblikazzjoni.

190. Min-naħa l-oħra, jeżistu diversi motivi li jistgħu jiġġustifikaw il-pubblikazzjoni ulterjuri, iktar kompleta, ta’ deċiżjoni.

191. Fil-fatt, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jsir jaf bil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis il-prinċipju ta’ trasparenza u għandha tistabbilixxi, fil-pront, verżjoni mhux kunfidenzjali, li tkun biss provviżorja, tad-deċiżjoni tagħha li jkun fiha l-elementi li ma jkunux koperti mit-talbiet għal kunfidenzjalità li ma jistgħux jiġu solvuti immedjatament (67). Ir-rekwiżit ta’ trasparenza, meta jitqiesu t-termini stretti previsti fir-Regolament Nru 1049/2001, għalhekk jista’ jiġġustifika diversi pubblikazzjonijiet suċċessivi tal-istess deċiżjoni.

192. Barra minn hekk, bħalma nnotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 162 tas-sentenza appellata, pubblikazzjoni ulterjuri tista’ tkun iġġustifikata mill-fatt li ċerta informazzjoni kunfidenzjali tista’ titlef in-natura sensittiva tagħha mal-mogħdija taż-żmien.

193. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħalma kkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 106 u 161 tas-sentenza appellata, is-sempliċi fatt li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ippubblikata fl-2007 ma kinitx ikklassifikata bħala “provviżorja” ma huwiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxi li l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni finali dwar il-portata tal-pubblikazzjoni tagħha, billi ħadet l-impenn impliċitu li fil-futur ma tippubblikax verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata ta’ din id-deċiżjoni.

194. Jien għalhekk nipproponi li l-ewwel parti tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti

195. Mill-argumenti tal-appellanti jirriżulta li, indipendentement min-natura kunfidenzjali jew mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni kontenzjuża, hija tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi li allegatament jirriżulta mill-modifika tal-prattika tal-Kummissjoni.

196. Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jassumi li l-parti kkonċernata tkun ingħatat assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (68).

197. Nosserva li l-impenji tal-Kummissjoni li jinsabu fil-Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tal-2006 jirrigwardaw biss l-iżvelar tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza u ta’ dokumenti oħra ppreżentati fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza (punti 137 u 138 tas-sentenza appellata).

198. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, jekk jiġi aċċettat li dawn il-komunikazzjonijiet jikkostitwixxu s-sors tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-rispett tal-kunfidenzjalità tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, tali aspettattivi ma jirrigwardawx, fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-informazzjoni dwar il-ksur li tinsab f’dawn id-dikjarazzjonijiet ma hijiex ser tkun inkluża fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

199. Għalhekk inqis li l-argument tal-appellanti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi li jirriżulta mill-modifika tal-prattika tal-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’.

200. Nosserva li huwa mixtieq b’mod ċar li l-funzjonament tal-programm ta’ klemenza jkun sostnut minn kundizzjonijiet ċari u prevedibbli għall-applikanti (69). Ninnota wkoll li, f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni ma kinitx stabbiliet linji gwida preċiżi dwar it-tħejjija tal-verżjonijiet pubbliċi tad-deċiżjonijiet tagħha, billi semmiet f’dan ir-rigward il-kwistjoni tal-użu ta’ tagħrif miġbur fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza. Madankollu, dan il-fatt fih innifisu ma jistax iwassal għall-konstatazzjoni li l-Kummissjoni kisret assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija lill-appellanti.

201. Konsegwentement, nipproponi li jiġi miċħud it-tielet aggravju u, għalhekk, li l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

D –    Osservazzjonijiet finali

202. Fil-konklużjoni tal-analiżi tiegħi, nixtieq nagħmel xi osservazzjonijiet ġenerali dwar is-sistema tal-produzzjoni ta’ provi stabbilita mid-Direttiva 2014/104. Din id-direttiva, ċertament, ġiet adottata wara l-fatti tal-kawża, iżda, fil-fehma tiegħi, madankollu għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-każ li din tgħaddi għall-pubblikazzjoni ppjanata fi tmiem dan l-appell.

203. Id-Direttiva 2014/104 tagħlaq id-dibattitu dwar il-portata tal-protezzjoni tad-dikjarazzjonijiet magħmula sabiex inkiseb il-klemenza. Hija timponi l-protezzjoni assoluta ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet kontra l-iżvelar fl-azzjonijiet għad-danni, billi tagħmel b’mod partikoalri distinzjoni bejn dawn id-dikjarazzjonijiet u l-informazzjoni preeżistenti, li tista’ tiġi żvelata. Din is-soluzzjoni għalhekk tirrappreżenta bilanċ ġust bejn l-interessi opposti, permezz ta’ leġiżlazzjoni (70).

204. Fil-fehma tiegħi, il-protezzjoni assoluta tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza ma timponix l-istess livell ta’ protezzjoni għall-informazzjoni fattwali dwar il-ksur li tinsab fihom, fil-kuntest tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. L-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar fatti li jikkostitwixxu ksur huwa element fundamentali tal-azzjonijiet għad-danni, minħabba li dan jippermetti lill-terzi leżi li jinformaw ruħhom dwar l-iżvolġiment tal-akkordju u jiffaċilita l-istabbiliment tal-fatti relatati mal-eżistenza u l-portata tar-responsabbiltà, fir-rigward tal-parteċipanti kollha tiegħu.

205. Għalkemm il-protezzjoni assoluta mogħtija mid-Direttiva 2014/104 lid-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza għandha tiġi estiża għall-informazzjoni dwar il-fatti li jikkostitwixxu ksur li tinsab f’dawn id-dikjarazzjonijiet, il-bilanċ delikat stabbilit minn din id-direttiva jista’ jitqiegħed f’dubju. Protezzjoni daqshekk wiesgħa tad-dokumenti ta’ klemenza ma tistax tiġi dedotta mid-Direttiva 2014/104, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita f’dan is-sens. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva tipprevedi b’mod speċifiku, fil-premessa 26, li l-limitazzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni tal-provi ma għandhomx jipprekludu lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni milli jippubblikaw id-deċiżjonijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali applikabbli.

206. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza tista’ tintuża fil-verżjonijiet pubbliċi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, bl-unika kundizzjoni li minnha titneħħa r-rabta li tippermetti li jiġi identifikat is-sors tagħha (71).

207. Fil-fatt, anki jekk jiġi aċċettat li applikant għall-klemenza jista’ leġittimament ikollu aspettattiva fir-rigward tat-trattament kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta’ klemenza tiegħu, fir-rigward tal-fatt li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm ta’ klemenza timplika r-rinunzja għad-dritt tiegħu li ma jinkriminax lilu nnifsu, din l-aspettattiva tikkonċerna biss il-protezzjoni tad-dikjarazzjoni bħala tali, taċ-ċitazzjonijiet litterali tagħha kif ukoll ta’ informazzjoni oħra li s-sors tagħha jista’ jiġi identifikat direttament minn din id-dikjarazzjoni. Din l-aspettattiva ma tkoprix, min-naħa l-oħra, l-iżvelar ta’ informazzjoni fattwali dwar il-ksur.

208. Fl-aħħar nett, nosserva li t-tensjoni bejn l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi u r-rwol tal-azzjonijiet ċivili għad-danni hija evidenti f’diversi kuntesti. L-interessi tal-applikanti għall-klemenza huma ssalvagwardjati wkoll minn mezzi oħra, li huma inqas dannużi għall-interessi ta’ terzi leżi, b’mod partikolari billi tiġi limitata r-responsabbiltà in solidum tagħhom (72).

VIII – Konklużjoni

209. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Evonik Degussa GmbH għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – T–341/12, EU:T:2015:51, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.


3 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3534 finali, tal-24 ta’ Mejju 2012, li ċaħdet talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Evonik Degussa, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).


4 – Ninnota li l-problema relatata mal-iżvelar u l-kunfidenzjalità fil-kuntest tal- kontenzjuż għad-danni reċentement kienet is-suġġett ta’ dibattiti fil-kuntest tal-XXVII il-Kungress (FIDE Congress Proceedings Vol. 2. Private Enforcement and Collective Redress in European Competition Law, Budapest 2016, ara d-domandi 44 sa 55).


5 – Minbarra dik mogħtija f’din il-kawża, tliet sentenzi quddiem il-Qorti Ġenerali kienu jirrigwardaw l-istess problema, li waħda hija suġġetta għal appell: is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2015, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (T‑345/12, EU:T:2015:50); tal-15 ta’ Lulju 2015, AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni (T‑465/12, EU:T:2015:505, suġġetta għall-appell fil-kawża pendenti C‑517/15 P), kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2015, Pilkington Group vs Il‑Kummissjoni (T‑462/12, EU:T:2015:508).


6 – Regolament tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


7 – Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tat-13 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 275, p. 29).


8–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155.


9 – Il-ħames motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq ksur tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni, fil-kawżi relatati mal-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE], tal-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl”).


10 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 151).


11 – Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (T‑198/03, EU:T:2006:136, punt 34), u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni (T‑474/04, EU:T:2007:306, punt 66).


12 – Ara, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi [tal-Unjoni] u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) rispettivament.


13–      Regolament tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).


14 – Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni (53/85, EU:C:1986:256, punt 28); tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni (C‑36/92 P, EU:C:1994:205, punt 37); tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 49), kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2012, Interseroh Scrap and Metals Trading (C‑1/11, EU:C:2012:194, punt 43).


15 – Il-qasam tal-approvazzjoni illeċita ta’ sigrieti kummerċjali reċentement kien is-suġġet ta’ armonizzazzjoni mid-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU 2016, L 157, p. 1). Din id-direttiva ma tippreġudikax ir-regoli dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet amministrattivi [Artikolu 1(2)(b)].


16 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan jirrigwarda prinċipju ġenerali li japplika wkoll għal informazzjoni prodotta minn persuni fiżiċi, jekk din l-informazzjoni tkun, min-natura tagħha, kunfidenzjali. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni (145/83, EU:C:1985:448, punt 34) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni (53/85, EU:C:1986:25).


17 – Fil-każ ta’ informazzjoni pprovduta b’mod purament volontarju, iżda akkumpanjata minn talba għal kunfidenzjalità bl-għan li jiġi protett l-anonimat tal-informatur, l-istituzzjoni li taċċetta li tirċievi din l-informazzjoni hija marbuta tosserva tali kundizzjoni [ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni (145/83, EU:C:1985:448, punt 34); tat-18 ta’ Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni (T‑353/94, EU:T:1996:119, punt 86); tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (T‑62/98, EU:T:2000:180, punt 279), u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni (T‑279/02, EU:T:2006:103, punt 409)].


18 – Ara, fir-rigward tal-aċċess għall-fajl, is-sentenzi tal-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni (T‑65/89, EU:T:1993:31, punt 33), kif ukoll tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni (C‑310/93 P, EU:C:1995:101, punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impriżi terzi li jibagħtu lill-Kummissjoni dokumenti li huma jqisu li minħabba f’hekk ser isofru xi tpattija kontra tagħhom, jagħmlu hekk biss jekk ikunu jafu li t-talba għal kunfidenzjalità tagħhom ser tittieħed inkunsiderazzjoni. Ara wkoll, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1999, Endemol vs Il-Kummissjoni (T‑221/95, EU:T:1999:85, punt 66), u tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni (T‑5/02, EU:T:2002:264, punt 98).


19 – Ara l-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl, punti 17 sa 20.


20 – Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (T‑198/03, EU:T:2006:136, punt 71), u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni (T‑474/04, EU:T:2007:306, punt 65)


21 – Nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tinterpreta d-dmir tas-sigriet professjonali fil-kuntest tas-sigriet li jitlob il-prudenza (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362). Kawża pendenti tikkonċerna l-fatt dwar f’liema kundizzjonijiet l-informazzjoni kkomunikata lill-awtorità ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji taqa’ taħt il-kunċett ta’ “informazzjoni kunfidenzjali” (kawża pendenti Baumeister, C‑15/16).


22 – Ara l-premessi 3 u 8 tad-Deċiżjoni 2011/695. Ġiet introdotta funzjoni simili f’ċerti Stati Membri, pereżempju l-Procedural Adjudicator (konċiljatur tal-proċedura) fl-Office of Fair Trading (OFT) fir-Renju Unit.


23 – Ara l-punt 182 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1986 (53/85, EU:C:1986:256, punt 29).


25 – F’sentenza sussegwenti, tal-15 ta’ Lulju 2015, AGC Glass Europe et vs Il-Kummissjoni (T‑465/12, EU:T:2015:505, punt 59), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’riferiment għall-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta, fir-rigward tal-informazzjoni kunfidenzjali, hija limitata għall-oġġezzjonijiet ibbażati fuq l-“applikazzjoni ta’ regoli legali dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni bħala tali” u ma hijiex estiża għal dawk “invokati bil-għan li jinkiseb trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk […] tkunx ta’ natura kunfidenzjali”.


26 – Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27 – Sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni (C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punt 28) kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187).


28 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni (C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 16), kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2014, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑385/13 P, EU:C:2014:2350, punt 116) u, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2003, Olivieri vs Il-Kummissjoni u EMEA (T‑326/99, EU:T:2003:351, punt 55); tas-27 ta’ Ġunju 2007, Nuova Gela Sviluppo vs Il-Kummissjoni (T‑65/04, EU:T:2007:189, punt 49); tad-19 ta’ April 2013, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑99/09 u T‑308/09, EU:T:2013:200, punti 69 sa 72); tat-13 ta’ Diċembru 2013, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (T‑240/10, EU:T:2013:645, punt 91), kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2015, Laboratoires CTRS vs Il-Kummissjoni (T‑452/14, EU:T:2015:373, punt 60).


30 – Ara, bħala eżempju fid-dritt tat-trade marks tal-Unjoni, il-ġurisprudenza li skontha, meta Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jikkonferma d-deċiżjoni tal-istanza inferjuri, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi taż-żewġ deċiżjonijiet. Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI (C‑252/15 P, EU:C:2016:178, punt 31), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Novembru 2007, Wesergold Getränkeindustrie vs UASI – Lidl Stiftung (VITAL FIT) (T‑111/06, EU:T:2007:352, punt 64), u, tat-18 ta’ Marzu 2016, El Corte Inglés vs UASI – STD Tekstil (MOTORTOWN) (T‑785/14, EU:T:2016:160, punt 42).


31 – Ara l-premessi 8 u 15 kif ukoll l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/695.


32 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 2014 (C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 86).


33 – Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (T‑198/03, EU:T:2006:136, punt 71), u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni (T‑474/04, EU:T:2007:306, punt 65).


34–      ĠU 2006, C 298, p. 17.


35 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006 (T‑198/03, EU:T:2006:136).


36 – Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, applikabbli għaż-żmien meta seħħew il-fatt, tirreferi, mingħajr iktar preċiżjoni, għal “[k]ull dikjarazzjoni miktuba” magħmula lill-Kummissjoni (punt 33). Il-kunċett ta’ “dikjarazzjoni ta’ impriża” magħmula sabiex tinkisen il-klemenza min-naħa l-oħra hija espliċita fil-punti 6 sa 9 u 31 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2006, kif ukoll fl-Artikolu 4a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, emendat mir-Regolament (UE) Nru 2015/1348. Ara wkoll id-definizzjoni tal-kliem “dikjarazzjoni ta’ klemenza” li tinsab fl-Artikolu 2(16) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Novembru 2014, dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).


37 – Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (punti 32 u 33) u tal-2006 (punt 40).


38 – Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2006 (punti 6 u 33) u n-Notifika [Komunikazzjoni] tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU 2004, C 101, p. 54, punt 26, iktar 'il quddiem “Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali”).


39 – Ara l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43, (punti 40 u 41) u l-programm mudell tan-Netwerk Ewropew fil-qasam tal-klemenza (punt 30).


40 – B’mod partikolari fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389; ara l-punt 17 tal-konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Mazák ippreżenta fil-kawża f’din il-kawża, C‑360/09, EU:C:2010:782), u tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112; ara l-punt 31 tal-konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón ippreżenta f’din il-kawża, C‑365/12, EU:C:2013:643).


41 – Ara l-punt 141 tas-sentenza appellata.


42 – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011 (C‑360/09, EU:C:2011:389, punti 30 u 31).


43 – Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 91), kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 27).


44 – Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2010:782, punt 44), l-Avukat Ġenerali Mazák ippropona li tiġi limitata l-possibbiltà li jiġu żvelati d-dikjarazzjonijiet ippreżentati minn applikanti għall-klemenza, li jikkontribwixxu volontarjament għall-inkriminazzjoni ta’ min jagħmilhom.


45 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 2014 (C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 92 u 93).


46 – Ara l-punt 145 tas-sentenza appellata u d-dokument aċċessibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni (http://ec.europa.eu/competition/court/amicus_curiae_2011_national_grid_en.pdf)


47 – Fil-fatt, l-iżvelar ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ikun f’riskju li jinvolvi r-responsabbiltà ċivili tal-applikanti għall-klemenza f’kundizzjonijiet iktar żvantaġġużi minn dawk għal parteċipanti oħra fil-ksur u l-inċentiv li jiġi ddenunzjat l-akkordju jista’ jiġi kompromess. Ara l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali (punt 45), il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2006 (punt 6), u s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punti 26 u 27).


48 – Fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2010:782), l-Avukat Ġenerali Mazak osserva li l-applikanti għall-klemenza seta’ kellhom aspettattiva leġittima skont il-prattika tal-Bundeskartellamt (uffiċċju federali ta’ ġlieda kontra l-kartelli, il-Ġermanja).


49 – Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50 – Ara wkoll il-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 2014 (C‑365/12 P, EU:C:2014:112).


52 – Il-Qorti Ġenerali nnotat dan l-aspett fil-ġurisprudenza tagħha. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Schenker vs Il-Kummissjoni (T‑534/11, EU:T:2014:854, punti 114 u 115).


53 – Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl, punt 23.


54 – Ara d-digrieti ċċitati fil-punt 84 tas-sentenza appellata: digrieti tal-15 ta’ Novembru 1990, Rhône-Poulenc et vs Il-Kummissjoni (T‑1/89 sa T‑4/89 u T‑6/89 sa T‑15/89, EU:T:1990:69, punt 23); tat-22 ta’ Frar 2005, Hynix Semiconductor vs Il-Kunsill (T‑383/03, EU:T:2005:57, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-8 ta’ Mejju 2012, Spira vs Il-Kummissjoni (T‑108/07, EU:T:2012:226, punt 65), u tal-10 ta’ Mejju 2012, Spira vs Il-Kummissjoni (T‑354/08, EU:T:2012:231, punt 47).


55 – Ara l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 u s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punti 124 sa 126).


56 – Ara l-punti 115 sa 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57 – Ara l-punt 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 92 u 93).


59 – Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (T‑198/03, EU:T:2006:136, punt 75), u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni (T‑474/04, EU:T:2007:306, punt 64).


60 – Mid-dokument ta’ gwida adottat mill-Kummissjoni wara l-għoti tas-sentenza appellata jirriżulta li din normalment taħbi ex officio, fil-verżjonijiet pubbliċi tad-deċiżjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, iċ-ċitazzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza kif ukoll l-informazzjoni li tista’ tippermetti, direttament jew indirettament, li l-applikant jiġi identifikat bħala sors ta’ informazzjoni partikolari trażmessa fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza. Ara “Guidance on the preparation of public versions of Commission Decisions adopted under Articles 7 to 10, 23 and 24 of Regulation 1/2003” (26 ta’ Mejju 2015) (http://ec.europa.eu/competition/antitrust/guidance_on_preparation_of_public_versions_antitrust_04062015.pdf), punt 22(c).


61–      Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006 (T‑198/03, EU:T:2006:136).


62 – Ara l-punt 125 tas-sentenza appellata.


63 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il-Parlament C‑90/95 P, EU:C:1997:198, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).


64 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il-Kummissjoni (14/81, EU:C:1982:76, punti 10 sa 12); tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni (15/85, EU:C:1987:111, punti 12 sa 17); tal-20 ta’ Ġunju 1991, Cargill vs Il-Kummissjoni (C‑248/89, EU:C:1991:264, punt 20), u tal-20 ta’ Ġunju 1991, Cargill (C‑365/89, EU:C:1991:266, punt 35).


65 – Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L-Awtorità Għolja (42/59 u 49/59, EU:C:1961:5, p. 149).


66 – Sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L-Awtorità Għolja (42/59 u 49/59, EU:C:1961:5, p. 149); tal-24 ta’ Jannar 2002, Conserve Italia vs Il-Kummissjoni (C‑500/99 P, EU:C:2002:45, punt 90); tas-16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 79), kif ukoll il-punt 75 tal-konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Bot ippreżenta fil-kawża Jager & Polacek vs UASI (C‑402/11 P, EU:C:2012:424). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, AssiDomän Kraft Products et vs Il-Kummissjoni (T‑227/95, EU:T:1997:108, punt 41), kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’Agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni (T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 190).


67 – Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Schenker vs Il-Kummissjoni (T‑534/11, EU:T:2014:854, punt 137).


68 – Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni (C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).


69 – Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2010:782, punt 32), l-Avukat Ġenerali Mazák osserva li t-trasparenza u l-prevedibbiltà huma neċessarji għall-funzjonament effettiv tal-programm ta’ klemenza.


70 – Ara l-punti 16 u 17 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2014/104. Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali kienu ġew konsegwentement emendati (ĠU 2015, C 256, p. 1 u p. 5).


71 – Għalkemm id-Direttiva 2014/104 tindika, fil-premessa 26 tagħha, li l-eżenzjoni tal-iżvelar tapplika “kwotazzjonijiet verbatim [ċitazzjonijiet letterali] minn dikjarazzjonijiet”, dan il-motiv fil-fehma tiegħi għandu jinftiehem bħala li jipproteġi d-dikjarazzjonijiet mill-iżvelar parzjali tagħhom, f’kuntest li jippermetti li jiġi identifikat is-sors taċ-ċitazzjoni.


72 – Ara l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2014/104.