Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Canarias (Spanja) fil-21 ta’ Diċembru 2018 – KA vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

(Kawża C-811/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Canarias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: KA

Konvenuti: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

Domandi preliminari

L-Artikolu 157 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-“suppliment tal-maternità” għall-pensjonijiet kontributorji tal-irtirar, tar-romol, jew ta’ diżabbiltà permanenti, bħal dak kontenzjuż fil-kawża prinċipali li jeskludi assolutament u mingħajr kundizzjonijiet lill-missirijiet pensjonanti li jistgħu jipproduċu l-prova kienu responsabbli mit-trobbija ta’ uliedhom, twassal għal diskriminazzjoni f’termini ta’ remunerazzjoni ta’ missirijiet li jaħdmu mea mqabbla ma’ ommijiet li jaħdmu?

Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 60 tar-Real Decreto Legislativo 8/2015 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 8/2015), tat-30 ta’ Ottubru, li japprova t-test irriformulat tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), li jeskludi assolutament u mingħajr kundizzjonijiet il-bonus stabbilit għall-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar, tar-romol jew tad-diżabbiltà permanenti, lill-missirijiet pensjonanti li jistgħu jipproduċu l-prova li kienu responsabbli mit-trobbija ta’ uliedhom?

L-Artikolu 2(2), (3) u (4)) u [l-]Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li teskludi assolutament u bla kundizzjonijiet il-bonus stabbilit għall-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar, tar-romol jew tad-diżabbiltà permanenti, lill-missirijiet pensjonanti li jistgħu jipproduċu l-prova li kienu responsabbli mit-trobbija ta’ uliedhom?

L-esklużjoni tar-rikorrent mill-aċċess għall-bonus idderivat mis-“suppliment tal-maternità” Spanjol jipprekludi l-projbizzjoni ta’ nondiskriminazzjoni li tinsab fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (ĠU 2000, C 364, p. 1)?

____________

1 1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187.