Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fis-26 ta’ Ġunju 2019 – Emberi Erőforrások Minisztériuma vs Szent Borbála Kórház

(Kawża C-491/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Konvenut fl-ewwel istanza u appellant fil-kassazzjoni: Emberi Erőforrások Minisztériuma

Rikorrent fl-ewwel istanza u appellat fil-kassazzjoni: Szent Borbála Kórház

Domandi preliminari

L-awtoritajiet nazzjonali jew organi intermedjarji li huma kompetenti fl-ewwel jew fit-tieni istanza sabiex imexxu proċedura ta’ irregolarità fil-kuntest ta’ ftehim ta’ ssussidjar għandhom direttament taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 1 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) id-dritt li jeżaminaw fil-kuntest tal-proċedura tagħhom – b’mod partikolari fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kontroll previst fl-Artikoli 60, 70 u 98 tal-imsemmi regolament – kwalunkwe ksur li, b’mod definittiv, jippreġudika jew għandu mnejn jippreġudika interess finanzjarju rilevanti għall-baġit tal-Unjoni Ewropea, u għandhom, jekk ikun il-każ, l-obbligu li jipproċedu għal korrezzjoni finanzjarja?

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea hija żgurata b’mod effikaċi biżżejjed permezz ta’ regola proċedurali ta’ Stat Membru jew permezz tal-ġurisprudenza li tinterpreta l-imsemmija regola li, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ ssussidjar, tissuġġetta l-possibbiltà li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim (irregolarità) li jikkonsisti fi ksur tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi, kif ukoll il-possibbiltà li ssir talba taħt id-dritt ċivili bbażata fuq dan il-ksur, bil-kundizzjoni li l-ksur inkwistjoni jkun ġie kkonstatat b’mod definittiv mill-kumitat ta’ arbitraġġ tal-kuntratti pubbliċi jew – fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni tal-kumitat ta’ arbitraġġ – minn qorti?

Jekk huwa ksur tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi li jikkostitwixxi l-irregolarità, iżda l-ebda proċedura ma nbdiet quddiem il-kumitat ta’ arbitraġġ tal-kuntratti pubbliċi, il-qorti adita bit-talbiet taħt id-dritt ċivili marbuta mal-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ ssussidjar għandha d-dritt li teżamina l-irregolarità li taffettwa l-kuntratt pubbliku fil-kuntest tal-eżami tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni?

____________

1 ĠU 2006 L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2006 L 239, p. 248, fil-ĠU 2007 L 145, p. 38, fil-ĠU 2007 L 164, p. 36, fil-ĠU 2008 L 301, p. 40.