Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2020 minn Eurofer, Association Européenne de l'Acier, AISBL mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Marzu 2020 fil-Kawża T-835/17, Eurofer vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-226/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Eurofer, Association Européenne de l'Acier, AISBL (rappreżentanti: J. Killick, advocaat, G. Forwood, avocate)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, HBIS Group Serbia Iron & Steel LLC Belgrade

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat 1 ;

alternattivament tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

Żball ta’ liġi billi interpretat l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku 2 bħala li jfisser li l-Kummissjoni għandha d-diskrezzjoni tqis li importazzjonijiet li jirrappreżentaw parti mis-suq li teċċedi 1% huma “negliġibbli”.

Żbalji inkonnessjoni mal-evalwazzjoni li “l-volum tal-importazzjonijiet” mis-Serbja kienu “negliġibbli” għall-għanijiet tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku. B’mod speċifiku, il-Qorti Ġenerali wettqet:

żball ta’ liġi billi inkludiet elementi ta’ prezz fl-evalwazzjoni tan-negliġibbiltà, li hija biss evalwazzjoni kwantitattiva marbuta mal-volumi;

alternattivament, żball ta’ liġi billi naqset milli tqis fatturi oħra (partikolarment data dwar twaqqigħ tal-prezz u dwar bejgħ bil-prezz imwaqqa’) li setgħet tindika (b’mod iktar preċiż) l-effetti potenzjali li jista’ jkollhom il-volumi importati; u

addizzjonalment, żball manifest u distorzjoni tal-provi meta ddeċidiet li l-prezzijiet medji assoċjati mal-volumi li jammontaw għal parti mhux sinifinattiva tas-suq setgħu, waħidhom, jappoġġjaw konstatazzjoni li l-volum huwa “negliġibbli” f’dan il-każ speċifiku.

Żbalji inkonnessjoni mal-konstatazzoni li “miżuri protettivi ma humiex neċessarji” għall-għanijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku. B’mod speċifiku, il-Qorti Ġenerali wettqet:

żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet ttittermina l-investigazzjoni mingħajr analiżi tad-danni potenzjali; u

żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma eċċedietx il-marġni diskrezzjonali tagħha meta applikat l-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku.

Żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tirrileva data dwar twaqqigħ tal-prezz u dwar bejgħ bil-prezz imwaqqa’ inkonnessjoni mal-esportatur Serbjan. B’mod speċifiku, il-Qorti Ġenerali wettqet:

żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ Eurofer ma kienx jirrikjedi l-iżvelar tad-data dwar twaqqigħ tal-prezz u dwar bejgħ bil-prezz imwaqqa’;

żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-lanjant f’investigazzjoni anti-dumping ma jistax jinvoka r-rekwiżiti naxxenti mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża; u

żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-regolament ikkontestat kien josserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

____________

1  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1795 tal-5 ta’ Ottubru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mis-Serbja (ĠU 2017, L 258, p. 24).

2  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).