Language of document : ECLI:EU:F:2012:42

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

22 ta’ Marzu 2012

Kawża F-5/08 DEP

Markus Brune

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Realtà tal-ispejjeż sostnuti — Onorarji tal-avukat — Rikorrent li jeżerċita l-professjoni ta’ avukat”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, li jistgħu jinġabru taħt l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, li permezz tagħha M. Brune jitlob l-intaxxar tal-ispejjeż fil-Kawża F‑08/05, Brune vs Il‑Kummissjoni, taħt l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Deċiżjoni:      L-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru minn M. Brune fil-Kawża F‑5/08, Brune vs Il‑Kummissjoni huwa ffissat għal EUR 11 140.05.

Sommarju

1.      Proċedura — Spejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Realtà tal-ispejjeż mitluba bħala rimbors — Oneru tal-prova

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż ta’ trasferiment sostnuti minn avukat sabiex jattendi s-seduta

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

4.      Proċedura — Spejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Fatturazzjoni minn avukat tal-ħin mgħoddi jivvjaġġa sabiex jattendi s-seduta

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

5.      Proċedura — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż tal-uffiċċju u tat-telekomunikazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

6.      Proċedura — Spejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż sostnuti għall-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 86, 91 u 92)

1.      Jekk l-istituzzjoni konvenuta tqis li r-rikorrent u l-avukat tiegħu ftiehmu b’mod frawdolenti li jiffissaw ammont fittizju tal-ispejjeż mitluba, hija għandha tinforma lill-istanzi professjonali nazzjonali kompetenti bis-suspetti tagħha sabiex ikunu jistgħu jevalwaw, b’għarfien sħiħ tal-fatti, il-konformità ta’ tali aġir mar-regoli etiċi rilevanti. Ċertament huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-provi li jistgħu jistabbilixxu r-realtà tal-ispejjeż li qed jitlob ir-rimbors tagħhom, iżda jista’ jiġi dedott li meta avukat jippreżenta rikors, jipparteċipa f’seduta u jipproduċi diversi dokumenti bil-miktub dan ikun wettaq l-atti u r-rekwiżiti neċessarji għall-finijiet tal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Konsegwentement, ir-rikorrent għandu d-dritt li jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistabbilixxi l-ammont tal-ispejjeż mitluba mill-avukat tiegħu li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż.

(ara l-punti 18 u 19)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Mejju 2007, Chatziioannidou vs Il-Kummissjoni, F‑100/05 DEP, punt 19; 10 ta’ Novembru 2009, X vs Il‑Parlament, F‑14/08 DEP, punt 21; 8 ta’ Novembru 2011, U vs Il‑Parlament, F‑92/09 DEP, punti 37 u 38

2.      Il-Qorti tal-Unjoni ma hijiex awtorizzata li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, imma biss li tistabbilixxi l-ammont minn dawn l-onorarji ta’ avukat li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti għandha tevalwa l-ammont ta’ onorarji li jistgħu jinġabru b’riferiment għan-numru ta’ sigħat li kienu oġġettivament neċessarji għal avukat sabiex jittratta l-kawża. Bħala prinċipju, sabiex isir dan hija meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet titlob mill-membri tal-persunal jew mill-konsulenti involuti u l-interessi ekonomiċi li l-partijiet kellhom fit-tilwima. Għalhekk, ir-rata fis-siegħa magħżula tista’ tkun dik ta’ avukat speċjalizzat fil-każ li t-tilwima tkun tidher, għal parti raġonevolment avżata, bħala waħda li tqajjem kwistjonijiet ġuridiċi partikolarment diffiċli jew jekk it-tilwima għandhiex importanza partikolari għal din il-parti, u għalhekk ir-rikors għal avukat speċjalizzat ikun wieħed leġittimu. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Unjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tiffissa l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-membri tal-persunal jew il-konsulenti tagħha.

(ara l-punti 18, 21 sa 23)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Chatziioannidou vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; 1 ta’ Lulju 2009, Suvikas vs Il‑Kunsill, F‑6/07 DEP, punt 18; U vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38

3.      L-ispejjeż ta’ trasferiment sostnuti mill-avukat sabiex imur mill-uffiċċju tiegħu għas-seduta tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jkun is-suġġett ta’ rimbors. Peress li huwa diffiċli li jiġu stabbiliti, meta avukat juża l-karozza tiegħu stess, l-ispejjeż ta’ trasferiment lilu kkaġunati billi dan jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-konsum ta’ fjuwil u d-deprezzament tal-vettura, l-ammont tal-ispejjeż ta’ trasferiment jista’ jiġi stabbilit b’riferiment għall-prezz medju ta’ biljett fl-ewwel klassi bil-ferrovija.

(ara l-punt 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Lulju 2004, De Nicola vs BEI, T‑7/98 DEP, T‑208/98 DEP u T‑109/99 DEP, punt 40

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Chatziioannidou vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30

4.      Fir-rigward tal-fatturazzjoni tas-sigħat mgħoddija mill-avukat jivvjaġġa, ma huwiex irraġonevoli għal avukat li jitlob kumpens għall-ħin mgħoddi jivvjaġġa anki jekk il-ħin hekk mgħoddi sabiex imur għas-seduta ma jkunx jista’ jiġi ntaxxat bir-rata ta’ siegħa maħduma.

(ara l-punt 36)

5.      L-ispejjeż tat-telekomunikazzjoni sostnuti minn avukat ma humiex ikkunsidrati bħala eċċessivi meta l-ammont tagħhom, miżjud ma’ dak tal-ispejjeż tal-uffiċċju ma jaqbiżx 5 % mill-onorarji li jistgħu jinġabru.

(ara l-punt 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 2006, Camar vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑79/96 DEP u T‑260/97 DEP, punt 71

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Suvikas vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41

6.      Minkejja li l-Artikolu 92 tal-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dwar il-proċedura ta’ kontestazzjoni fuq l-ispejjeż, ma jipprevedix, b’mod differenti mill-Artikolu 86 tal-imsemmija regoli, għal dak li jirrigwarda sentenzi jew digrieti li jtemmu istanza, li għandha tittieħed deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedura ta’ ntaxxar fid-digriet għall-intaxxar tal-ispejjeż, għandu jiġi kkonstatat li jekk, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-kontestazzjoni fuq l-ispejjeż ta’ istanza prinċipali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż li jkunu s-suġġett tal-kontestazzjoni u, separatament, dwar l-ispejjeż il-ġodda indikati fil-kuntest ta’ rikors li jikkontesta l-ispejjeż, huwa jkun jista’, jekk ikun il-każ, jerġa’ jintalab jieħu konjizzjoni ta’ kontestazzjoni ġdida tal-ispejjeż il-ġodda.

Għaldaqstant huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta jiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, li għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni tad-digriet tal-intaxxar tal-ispejjeż. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jistabbilixxi l-ammont tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ispejjeż u li kienu meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex jiġi evitat li jerġa jintalab jieħu konjizzjoni ta’ kontestazzjoni ġdida tal-ispejjeż il-ġodda.

(ara l-punti 40 u 41)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Settembru 2011, De Nicola vs BEI, F‑55/08 DEP, punt 51 u 52, U vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 u 64