Language of document : ECLI:EU:F:2007:229

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-42/06

Asa Sundholm

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2004 – Għanijiet u kriterji ta’ evalwazzjoni – Danni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih A. Sundholm titlob b’mod partikolari l-annullament tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tagħha li sar għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2004, kif ukoll il-kundanna tal‑Kummissjoni li tħallasha s-somma ta’ EUR 1 bħala kumpens tad-dannu morali li ġie kkawżat lilha mill-imsemmi rapport tal-iżvilupp tal-karriera.

Deċiżjoni: Ir-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrenti li sar għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2004 huwa annullat. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Annullament ta’ l-att illegali kkontestat – Kumpens adegwat għad-dannu morali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Jirriżulta mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(5) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni li l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tistabbilixxi lil min għandu impjieg għanijiet u kriterji ta’ evalwazzjoni. Skond din id‑dispożizzjoni, id-djalogu formali li jseħħ bejn l-evalwatur u min għandu l‑impjieg fil-bidu ta’ kull eżerċizzju ta’ evalwazzjoni għandu jirrigwarda mhux biss l-evalwazzjoni tal-ħidmiet ta’ l-imsemmi impjegat matul il-perijodu ta’ referenza, li huwa mifrux mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti li fiha sar l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni, iżda wkoll fuq l-iffissar ta’ għanijiet għas-sena li ssegwi l-perijodu ta’ referenza, peress li dawn l-għanijiet jikkostitwixxu l-bażi ta’ riferenza għall-evalwazzjoni ta’ l-effiċjenza. Dan l‑obbligu huwa mfakkar fil-gwida ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni imponiet fuqha stess bħala regola ta’ gwida.

Fin-nuqqas ta’ ffissar ta’ għanijiet u ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni għall-perijodu ta’ referenza kkonċernat, l-amministrazzjoni ma tistax issostni li l-għanijiet assenjati għall-perijodu ta’ referenza preċedenti kienu estiżi, minħabba li m’għandhom ebda data finali tal-validità tagħhom.

(ara l-punti 31, 32 u 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Diċembru 1983, Blomefield vs Il-Kummissjoni, 190/82, Ġabra p. 3981, punt 20

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il-Kummissjoni, T‑63/89, Ġabra p. II‑19, punt 25 ; 30 ta’ Settembru 2003, Tatti vs Il‑Kummissjoni, T‑296/01, ĠabraSP p. I‑A‑225 u II‑1093, punt 43

2.      L-annullament ta’ att ta’ l-amministrazzjoini kkontestat minn uffiċjal jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, fil-prinċipju, jiġifieri fin‑nuqqas, fl-imsemmi att, ta’ kwalunkwe evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tar‑rikorrenti li jistgħu jagħmlulha ħsara, li jagħmel tajjeb għal kull dannu morali li tista’ ġġarrab minħabba l-att annullat.

(ara l-punt 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 1995, Pierrat vs Il-Qorti tal‑Ġustizzja, T‑60/94, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑77, punt 62