Language of document :

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Ġunju 2016 – Bermejo Garde vs KESE

(Kawża F-41/10 RENV) 1

(Servizz pubbliku – Kawża mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali wara annullament – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Uffiċjal vittma ta’ fastidju – Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal – Uffiċjal informatur – Talba għal assistenza – Ċaħda – Dritt għall-protezzjoni – Kundizzjonijiet – Ċaħda – Konsegwenzi – Talba għad-danni)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Moises Bermejo Garde (Brussell, il-Belgju) (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew KESE (rappreżentanti: inizjalment minn U. Schwab u M. Lernhart, aġenti, B. Wägenbaur, avukat, sussegwentement minn K. Gambino, aġent, B. Wägenbaur, avukat, fl-aħħar nett minn K. Gambino u X. Chamodraka, aġenti, B. Wägenbaur, avukat)

Suġġett tal-kawża

Servizz pubbliku - It-talba sabiex jiġu annullati diversi deċiżjonijiet li jirrigawdaw waqfien tal-funzjonijiet tar-rikorrent bħala Kap ta’ diviżjoni tas-servizz legali b’effett immedjat, l-assenjazzjoni mill-ġdid għad-Direttorat tal-loġistika u li rrifjutaw it-talba formali tiegħu għal assistenza kif ukoll it-talba għad-danni.

Dispożittiv tas-sentenza

Id-deċiżjonijiet tal-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2010 li jtemmu l-funzjonijiet preċedenti ta’ Moises Bermejo Garde inkwantu Kap ta’ diviżjoni tas-servizz legali u tat-13 ta’ April 2010 dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu huma annullati.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa kkundannat iħallas lil M. Bermejo Garde s-somma ta’ EUR 25 000.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn M. Bermejo Garde fil-kawżi F-41/10, T-530/12 P u F-41/10 RENV.

____________

1 ĠU C 209, 31.7.2010.