Language of document : ECLI:EU:C:2018:733

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Settembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI – Motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 50 TUE – Mandat maħruġ mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru li jkun beda l-proċedura ta’ rtirar mill-Unjoni Ewropea – Inċertezza fir-rigward tas-sistema applikabbli għar-relazzjonijiet bejn dan l-Istat u l-Unjoni wara l-irtirar”

Fil-Kawża C-327/18 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), b’deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra

RO,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund (Relatur), A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tas-17 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Mejju 2018, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2018 tal-Ewwel Awla li tilqa’ l-imsemmija talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal RO, minn E. Martin-Vignerte u J. MacGuill, solicitors, C. Cumming, BL, kif ukoll minn P. McGrath, SC,

–        għal Minister for Justice and Equality, minn M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce u G. Lynch, bħala aġenti, assistiti minn E. Duffy, BL, u minn R. Barron, SC,

–        għall-Gvern Rumen, minn L. Liţu u C. Canţăr, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u C. Brodie, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, QC, u minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid kif ukoll minn R. Troosters u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Awwissu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE u tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24), (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Kwadru”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-qrati tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kontra RO.

 Il-kuntest ġuridiku

 It-Trattat tal-UE

3        L-Artikolu 50(1) sa (3) TUE jipprevedi li:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni.

2.      L-Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma’ l-Unjoni Ewropea. Dak il-ftehim għandu jiġi nnegozjat skont l-Artikolu 218(3) [TFUE]. Dan għandu jiġi konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

3.      It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat in kwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.”

 Id-Deċiżjoni Kwadru

4        Il-premessi 10 u 12 tad-Deċiżjoni Kwadru huma redatti kif ġej:

“(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu [2 TUE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7[(2) TUE] bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7[(3)] tiegħu.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-[Artikoli 2 u 6 TUE] u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea […], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid ta’ ċediment ta’ persuna għal liema mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-iskop tal-prosekuzzjoni jew kastig ta’ persuna fuq ir-raġunijiet tas-sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna jista’ jiġi ppreġudikat għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.”

5        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE].”

6        L-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni Kwadru, intitolat “Tnaqqis fil-perjodu ta’ detenzjoni skontat fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jnaqqas il-perjodi kollha ta’ detenzjoni li jirriżultaw mill-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-perjodu totali ta’ detenzjoni li għandu jiġi skontat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bħala riżultat ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni li qed tingħata.”

7        L-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Kwadru, intitolat “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra” jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“[…] persuna li ġiet ikkonsenjata ma tistax tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra għal dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata.”

8        L-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Kwadru jirregola l-konsenja jew l-estradizzjoni sussegwenti lejn Stat ieħor għajr l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

 Id-dritt Irlandiż

9        Id-Deċiżjoni Kwadru ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Irlandiż permezz tal-European Arrest Warrant Act 2003 (il-Liġi tal-2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      RO huwa s-suġġett ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-qrati tar-Renju Unit għall-attenzjoni tal-Irlanda.

11      L-ewwel wieħed, maħruġ fis-27 ta’ Jannar 2016, jirrigwarda qtil u ħruq intenzjonat allegatament kommessi fit-2 ta’ Awwissu 2015. It-tieni wieħed, maħruġ fl-4 ta’ Mejju 2016, jirrigwarda stupru allegatament kommess fit-30 ta’ Diċembru 2003. Kull wieħed minn dawn ir-reati huwa punibbli bi priġunerija għall-għomor.

12      RO ġie arrestat u tqiegħed taħt arrest preventiv fl-Irlanda fit-3 ta’ Frar 2016. Sa minn dakinhar, huwa għadu taħt arrest preventiv f’dan l-Istat Membru, taħt żewġ mandati ta’ arrest Ewropej adottati kontrih.

13      RO qajjem oġġezzjonijet fir-rigward tal-konsenja tiegħu lir-Renju Unit ibbażati, b’mod partikolari, fuq l-irtirar ta’ dan l-Istat Membru mill-Unjoni u fuq l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), billi allega li jista’ jkun suġġett għal trattament inuman u degradanti jekk jintbagħat il-ħabs ta’ Maghaberry fl-Irlanda ta’ Fuq.

14      Minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu, il-kawża ta’ RO ma setgħetx tinstema’ qabel is-27 ta’ Lulju 2017.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2017, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), wara li eżaminat l-allegazzjonijiet ta’ RO dwar it-trattament li jista’ jkun suġġett għalih fl-Irlanda ta’ Fuq, qieset li, skont informazzjoni preċiża u reċenti dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-ħabs ta’ Maghaberry, kien hemm riskju li minħabba l-vulnerabbiltà tiegħu RO jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti. Hija qieset neċessarju li, fid-dawl tas-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198), tintalab kjarifika mill-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ta’ RO fil-każ ta’ konsenja.

16      Fis-16 ta’ April 2018, l-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni, il-Laganside Court in Belfast (il-Qorti Laganside f’Belfast, ir-Renju Unit), ikkommunikat informazzjoni dwar kif l-amministrazzjoni penitenzjarja tal-Irlanda ta’ Fuq ser tindirizza r-riskju li RO jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti fl-Irlanda ta’ Fuq.

17      Il-High Court (il-Qorti Għolja) tindika li hija ċaħdet kull waħda mill-oġġezzjonijiet imqajma minn RO kontra l-konsenja tiegħu, ħlief dawk li jikkonċernaw il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u dik relatata mal-Artikolu 3 tal-KEDB, billi qieset li hija ma setgħetx tieħu deċiżjoni dwar dawn l-oġġezzjonijiet qabel ma tirċievi r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar diversi domandi preliminari.

18      Il-High Court (il-Qorti Għolja) tfakkar li, fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-President tal-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni, billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 50 TUE, u li din in-notifika kellha twassal għall-irtirar tar-Renju Unit b’effett mid-29 ta’ Marzu 2019.

19      Din il-qorti tindika li probabbilment, jekk RO jiġi kkonsenjat, huwa ser ikun għadu l-ħabs fir-Renju Unit wara din id-data.

20      Il-High Court (il-Qorti Għolja) tosserva wkoll li jistgħu jiġu konklużi ftehimiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn dawn il-partijiet immedjatament wara dan l-irtirar jew fuq perijodu iktar twil, f’oqsma bħal dak kopert mid-Deċiżjoni Kwadru.

21      Madankollu, sa issa, din il-possibbiltà tibqa’ inċerta u n-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq domanda preliminari, ma hijiex magħrufa.

22      Il-High Court (il-Qorti Għolja) tindika li, skont il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru tal-Ġustizzja u tal-Ugwaljanza, l-Irlanda), għandu japplika d-dritt kif applikabbli preżentement u mhux id-dritt li jista’ jkun hemm fil-futur wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa b’mod ġust li l-imsemmi Ministru jikkonkludi li l-konsenja ta’ RO hija mandatorja abbażi tad-dritt nazzjonali li jimplimenta d-Deċiżjoni Kwadru.

23      Din il-qorti tesponi li, għall-kuntrarju, skont RO, b’kunsiderazzjoni għall-inċertezza fir-rigward tas-sistema legali li ser ikun hemm fir-Renju Unit wara l-irtirar ta’ dan l-Istat Membru mill-Unjoni, ma jistax jiġi ggarantit li d-drittijiet li jgawdi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jistgħu, fil-prattika, jiġu implimentati bħala tali, sabiex ma jkunx hemm lok għall-konsenja.

24      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li RO identifika erba’ aspetti tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu teoretikament jiġu invokati, jiġifieri:

–        id-dritt għal tnaqqis tal-perijodu ta’ detenzjoni skontat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, previst fl-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni Kwadru;

–        l-hekk imsejħa regola ta’ “speċjalità”, prevista fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Kwadru;

–        id-dritt li jillimita l-konsenja jew l-estradizzjoni sussegwenti, previst fl-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Kwadru, u

–        ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonsenjata skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

25      Skont din il-qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ tilwima dwar wieħed minn dawn l-erba’ aspetti u fin-nuqqas ta’ miżuri li jagħtu ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwarhom, il-konsenja ta’ persuna bħal RO, toħloqx riskju sinjifikattiv ta’ inġustizzja u mhux riskju purament teoretiku, b’tali mod li t-talba għal konsenja ma għandhiex tintlaqa’.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.      Fid-dawl:

(a)      tal-fatt li r-Renju Unit ta notifika taħt l-Artikolu 50 TUE;

(b)      tal-inċertezzi rigward l-arranġamenti li ser isiru bejn l-Unjoni u r-Renju Unit sabiex jiġu rregolati r-relazzjonijiet tagħhom wara l-ħruġ tar-Renju Unit; u

(c)      tal-inċertezzi li jirriżultaw minn dan dwar sa liema punt [RO] jista’, fil-prattika, igawdi mid-drittijiet mogħtija mit-Trattati, mill-Karta jew minn kwalunkwe leġiżlazzjoni rilevanti fil-każ li huwa jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet tar-Renju Unit u jinżamm il-ħabs wara l-ħruġ tar-Renju Unit;

Stat mitlub huwa meħtieġ li jirrifjuta, skont id-dritt tal-Unjoni, il-konsenja lir-Renju Unit ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li l-konsenja tagħha huwa, madankollu, obbligatorja skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru:

(i)      f’kull każ?

(ii)      f’ċerti każijiet, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ?

(iii)      f’ebda każ?

2.      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija dik imsemmija fil-punt (ii), liema huma l-kriterji u l-elementi li għandhom jiġu evalwati minn qorti fl-Istat mitlub sabiex tiddeċiedi jekk il-konsenja hijiex projbita?

3.      Fil-kuntest tat-tieni domanda, il-qorti tal-Istat mitlub hija meħtieġa tiddifferixxi d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew sabiex tistenna iktar preċiżjonijiet dwar is-sistema ġuridika rilevanti li għandha tiġi implementata wara li l-Istat rikjedenti joħroġ mill-Unjoni:

(i)      f’kull każ?

(ii)      f’ċerti każijiet, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ?

(iii)      f’ebda każ?

4.      Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija dik imsemmija fil-punt (ii), liema huma l-kriterji jew l-elementi li għandhom jiġu evalwati minn qorti fl-Istat mitlub sabiex tiddeċiedi jekk huwiex obbligatorju li tiddifferixxi d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

27      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28      Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti tinvoka il-fatt li l-persuna kkonċernata hija attwalment taħt arrest preventiv fl-Irlanda biss fuq il-bażi ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mir-Renju Unit għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali u li l-konsenja tiegħu lil dan l-Istat Membru tiddependi mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija enfasizzat li l-proċedura ordinarja testendi kunsiderevolment it-tul tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata, liema persuna tibbenefika mill-preżunzjoni ta’ innoċenza.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru, li taqa’ taħt l-oqsma koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, relatati mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

30      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-persuna kkonċernata hija preżentement imċaħħda mil-libertà u li l-arrest preventiv tagħha jiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża pinċipali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata skont kif tkun fis-seħħ fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C-271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, huwa paċifiku, minn naħa, li, f’din id-data, RO kien taħt arrest preventiv fl-Irlanda u, min-naħa l-oħra, li ż-żamma tiegħu f’din is-sitwazzjoni tiddependi mid-deċiżjoni li ser tittieħed dwar il-konsenja tiegħu lir-Renju Unit, li hija sospiża sakemm tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-11 ta’ Ġunju 2018, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

33      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li n-notifika minn Stat Membru tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni konformement ma’ dan l-artikolu għandux il-konsegwenza li, fil-każ li dan l-Istat Membru joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ persuna, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jirrifjuta li jeżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jew jipposponi l-eżekuzzjoni tiegħu sakemm tingħata kjarifika dwar is-sistema legali applikabbli fl-Istat Membru emittenti wara l-irtirar tiegħu mill-Unjoni.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE, li d-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, tar-rispett tad-dritt tal-Unjoni li jimplimenta dawn il-valuri (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 34, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35).

35      Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri jobbliga, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, lil kull wieħed minn dawn l-Istati Membri jqisu, għajr f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36).

36      Mill-Artikolu 1(1) u (2) u mill-premessi 5 u 7 tad-Deċiżjoni Kwadru jirriżulta li din għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq fil-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew persuni ssuspettati għal finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Għaldaqstant, bl-introduzzjoni ta’ din is-sistema ta’ konsenja ssemplifikata u iktar effettiva, id-Deċiżjoni Kwadru hija intiża li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit għall-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 39 u 40).

37      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa applikat fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru li jistabbilixxi r-regola li tgħid li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss abbażi ta’ motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, elenkati b’mod eżawrjenti fid-Deċiżjoni Kwadru, u jistgħu jissuġġettaw l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew esklużivament għal waħda mill-kundizzjonijiet li huma elenkati b’mod limitat fid-Deċiżjoni Kwadru. Konsegwentement, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa intiż bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41).

38      Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Kwadru tipprevedi espressament, fl-Artikolu 3 tagħha, il-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mandatorja ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fl-Artikoli 4 u 4a tagħha, il-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattivi tiegħu, kif ukoll, fl-Artikolu 5 tagħha, il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari (sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 51, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 42).

39      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-fatt li jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi bejn Stati Membri “f’ċirkustanzi eċċezzjonali” (sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 82, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 43).

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irrikonoxxiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li ttemm il-proċedura ta’ konsenja stabbilita mid-Deċiżjoni Kwadru, meta tali konsenja jkollha r-riskju li twassal għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tal-persuna mitluba (sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 104, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 44).

41      Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, minn naħa, fuq l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Kwadru, li jipprovdi li dan ma għandux ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikoli 2 u 6 TUE, u, min-naħa l-oħra, fuq in-natura assoluta tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 4 tal-Karta (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 45).

42      Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskju reali li persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, b’mod partikolari, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Kwadru, titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tqis neċessarja għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali riskju (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 76).

43      Madankollu, RO jsostni li, minħabba n-notifika mir-Renju Unit tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 TUE, hemm riskju li, numru ta’ drittijiet li jibbenefika minnhom bis-saħħa tal-Karta u tad-Deċiżjoni Kwadru, ma jibqgħux irrispettati wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni. Skont RO, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li huwa l-bażi tar-rikonoxximent reċiproku, ġie irrimedjabbilment kompromess b’din in-notifika, u konsegwentement il-konsenja prevista mid-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex tiġi eżegwita.

44      F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar jekk is-sempliċi notifika minn Stat Membru tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni konformement mal-Artikolu 50 TUE tistax tiġġustifika, skont id-dritt tal-Unjoni, rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn dan l-Istat Membru għall-motiv li l-persuna kkonsenjata ma tkunx tista’, wara dan l-irtirar, tinvoka fl-Istat Membru emittenti d-drittijiet li hija tislet mid-Deċiżjoni Kwadru tagħha u titlob l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-konformità tal-implimentazzjoni tagħhom minn dan l-Istat Membru mad-dritt tal-Unjoni.

45      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li din in-notifika ma għandhiex l-effett li tissospendi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istat Membru li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni u li, konsegwentement, dan id-dritt, li jiffurmaw parti minnu d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru kif ukoll il-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi inerenti għal din tal-aħħar, jibqa’ fis-seħħ b’mod sħiħ f’dan l-Istat sal-irtirar effettiv tiegħu mill-Unjoni.

46      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 50(2) u (3), dan l-artikolu jipprovdi proċedura ta’ rtirar li tinkludi, l-ewwel nett, in-notifika lill-Kunsill Ewropew tal-intenzjoni ta’ rtirar, it-tieni nett, in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-irtirar b’kunsiderazzjoni għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Istat ikkonċernat u l-Unjoni u, it-tielet nett, l-irtirar mill-Unjoni stess mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun ingħatat in-notifika lill-Kunsill Ewropew, ħlief jekk dan tal-aħħar, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, jiddeċiedi unanimament li jestendi dan il-perijodu.

47      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikun ekwiparabbli għas-sospensjoni unilaterali tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru u, barra minn hekk, ikun imur kontra l-formulazzjoni tal-premessa 10 ta’ din tal-aħħar, li tgħid li huwa l-Kunsill Ewropew li għandu jikkonstata ksur fl-Istat Membru emittenti tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE għall-finijiet tas-sospensjoni, fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, tal-applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 71).

48      Konsegwentement, is-sempliċi notifika minn Stat Membru tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni konformement mal-Artikolu 50 TUE ma tistax titqies, bħala tali, li tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, li tista’ tiġġustifika rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn dan l-Istat Membru.

49      Madankollu, huwa l-kompitu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżamina, wara evalwazzjoni konkreta u preċiża tal-każ inkwistjoni, jekk hemmx motivi serji u fondi li jikkonstataw li, wara l-irtirar mill-Unjoni tal-Istat Membru emittenti, il-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest ikollha riskju li tiċċaħħad mid-drittijiet fundamentali u mid-drittijiet misluta, essenzjalment, mill-Artikolu 26 sa 28 tad-Deċiżjoni Kwadru, kif invokati minn RO u mfakkra fil-punt 24 tas-sentenza preżenti (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 73).

50      Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Karta, li jikkorrispondu ma’ dawk previsti fl-Artikolu 3 tal-KEDB (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 86), fil-każ li fih il-qorti tar-rinviju tqis, kif jidher li jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domandi preliminari u mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-informazzjoni rċevuta tippermettilha teskludi l-eżistenza ta’ riskju reali li RO jkun suġġett, fl-Istat Membru emittenti, għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, ma jkunx hemm lok, fil-prinċipju, li l-eżekuzzjoni ta’ tali konsenja tiġi rrifjutata fuq din il-bażi, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ RO, ladarba jiġi kkonsenjat, li jkollu rikors, fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, għar-rimedji ġudizzjarji li jippermettulu jikkontesta, skont il-każ, il-legalità tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tiegħu f’ħabs ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 103).

51      Madankollu, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-qorti tar-rinviju tistax tikkontesta din il-konstatazzjoni minħabba l-fatt li d-drittijiet li tibbenefika minnhom persuna wara l-konsenja tagħha skont id-Deċiżjoni Kwadru ma jibqgħux iggarantiti wara l-irtirar mill-Unjoni tal-Istat Membru emittenti.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-Istat Membru emittenti, jiġifieri r-Renju Unit, huwa parti mill-KEDB u, kif enfasizza waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa inkorpora d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-KEDB fid-dritt nazzjonali tiegħu. Peress li l-parteċipazzjoni kontinwa tiegħu f’din il-konvenzjoni ma hijiex marbuta mas-sħubija tiegħu fl-Unjoni, id-deċiżjoni tal-imsemmi Stat Membru li jirtira minn din tal-aħħar ma taffettwax l-obbligu tiegħu li josserva l-Artikolu 3 tal-KEDB, li jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tal-Karta u, konsegwentement, ma tistax tiġġustifika r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba r-riskju li l-persuna kkonsenjata tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

53      Fir-rigward tad-drittijiet l-oħra invokati minn RO, u qabelxejn tar-regola ta’ speċjalità prevista fil-punt 27 tad-Deċiżjoni Kwadru, għandu jitfakkar li din hija marbuta mas-sovranità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u tikkonferixxi fuq il-persuna kkonsenjata d-dritt li ma tkunx suġġetta għal prosekuzzjoni, kundanna jew ċaħda tal-libertà għajr għall-ksur li jkun ta lok għall-konsenja tagħha (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C-388/08 PPU, EU:C:2008:669, punt 44).

54      Kif jirriżulta mill-imsemmija sentenza, huwa neċessarju li persuna tkun tista’ tinvoka ksur ta’ din ir-regola quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti wara l-konsenja tagħha.

55      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ rinviju u l-osservazzjonijiet ta’ RO quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirreferu għal ebda tilwima pendenti li tirrigwarda l-imsemmija regola u lanqas ma jirrappreżentaw indizji konkreti ta’ tilwim f’dan ir-rigward.

56      Dan jgħodd ukoll fir-rigward tad-dritt previst fl-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Kwadru li jirrigwarda l-limiti ta’ konsenja jew ta’ estradizzjoni sussegwenti lejn Stat ieħor għajr l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, peress li ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward ma ngħatat fid-deċiżjoni tar-rinviju.

57      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni Kwadru jirriflettu rispettivament dawk tal-Artikoli 14 u 15 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957. Kif tfakkar waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit irratifika din il-konvenzjoni u ttraspona dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali tiegħu. Minn dan isegwi li d-drittijiet invokati minn RO f’dawn l-oqsma huma essenzjalment koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru emittenti, indipendentement mill-irtirar mill-Unjoni ta’ dan l-Istat Membru.

58      Fir-rigward tat-tnaqqis, mill-Istat Membru emittenti, tal-perijodu ta’ detenzjoni skontat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni Kwadru, ir-Renju Unit indika li huwa kien ukoll inkorpora dan l-obbligu fid-dritt nazzjonali tiegħu u li kien japplikah indipendentement mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ kull persuna estradita lejn it-territorju tiegħu.

59      Peress li d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 26 sa 28 tad-Deċiżjoni Kwadru kif ukoll id-drittijiet fundamentali previsti fl-Artikolu 4 tal-Karta huma protetti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mhux biss fil-każijiet ta’ konsenja, iżda wkoll ta’ estradizzjoni, dawn ma humiex suġġetti għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru fl-Istat Membru emittenti. Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li ma hemm ebda provi tanġibbli li juru li RO ser jiċċaħħad mill-possibbiltà li jinvoka dawn id-drittijiet quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru wara l-irtirar mill-Unjoni ta’ dan tal-aħħar.

60      Il-fatt li indubjament ma huwiex ser ikun possibbli li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, l-imsemmija drittijiet ikunu s-suġġett ta’ domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-irtirar ta’ dan l-Istat Membru mill-Unjoni, ma jistax ibiddel din l-analiżi. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, il-persuna kkonsenjata għandha tkun tista’ tinvoka dawn l-istess drittijiet quddiem qorti tal-imsemmi Stat Membru. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-użu tal-mekkaniżmu tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mhux dejjem kien disponibbli għall-qrati inkarigati bl-applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. B’mod partikolari, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, kien biss fl-1 ta’ Diċembru 2014, jiġifieri ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li l-Qorti tal-Ġustizzja kisbet ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tinterpreta d-Deċiżjoni Kwadru, li kellha tiġi implimentata mill-Istati Membru mill-1 ta’ Jannar 2004.

61      Konsegwentement, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’kawża bħal dik inkwistjoni, sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew, huwa neċessarju li, meta tittieħed din id-deċiżjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tippreżumi, fir-rigward tal-persuna li hija s-suġġett tal-konsenja, li l-Istat Membru emittenti ser japplika, essenzjalment, il-kontenut tad-drittijiet misluta mid-Deċiżjoni Kwadru applikabbli għall-perijodu ta’ wara l-konsenja, wara l-irtirar mill-Unjoni ta’ dan l-Istat Membru. Tali preżunzjoni hija ammissibbli jekk id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti jinkorpora, essenzjalment, il-kontenut ta’ dawn id-drittijiet, b’mod partikolari, minħabba l-parteċipazzjoni kontinwa tal-imsemmi Stat Membru f’konvenzjonijiet internazzjonali, bħall-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 u l-KEDB, anki wara l-irtirar ta’ dan tal-aħħar mill-Unjoni. Huwa biss fil-każ ta’ provi konkreti li jistabbilixxu l-kuntrarju li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu l-mandat ta’ arrest Ewropew.

62      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 50 TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi notifika minn Stat Membru tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni konformement ma’ dan l-artikolu ma għandhiex il-konsegwenza li, fil-każ li dan l-Istat Membru joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ persuna, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jew jipproroga l-eżekuzzjoni tiegħu sakemm tingħata kjarifika dwar is-sistema legali applikabbli fl-Istat Membru emittenti wara l-irtirar tiegħu mill-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ motivi serji u fondati li jikkonstataw li, wara l-irtirar mill-Unjoni tal-Istat Membru emittenti, il-persuna li hija s-suġġett tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew ikollha riskju li tiċċaħħad mid-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta u mid-Deċiżjoni Kwadru wara l-irtirar mill-Unjoni tal-Istat Membru emittenti, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax jirrifjuta li jeżegwixxi dan l-istess mandat ta’ arrest Ewropew sakemm l-Istat Membru emittenti jkun għadu membru tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 50 TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi notifika minn Stat Membru tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni konformement ma’ dan l-artikolu ma għandhiex il-konsegwenza li, fil-każ li dan l-Istat Membru joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ persuna, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jew jipposponi l-eżekuzzjoni tiegħu sakemm tingħata kjarifika dwar is-sistema legali applikabbli fl-Istat Membru emittenti wara l-irtirar tiegħu mill-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ motivi serji u fondati li jikkonstataw li, wara l-irtirar mill-Unjoni tal-Istat Membru emittenti, il-persuna li hija s-suġġett tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew ikollha riskju li tiċċaħħad mid-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, wara l-irtirar mill-Unjoni tal-Istat Membru emittenti, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax jirrifjuta li jeżegwixxi dan l-istess mandat ta’ arrest Ewropew sakemm l-Istat Membru emittenti jkun għadu membru tal-Unjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.