Language of document : ECLI:EU:C:2018:163

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-7 ta’ Marzu 2018 (1)

Kawża C1/17

Petronas Lubricants Italy SpA

vs

Livio Guida

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol – Persuna li timpjega li ġiet imħarrka quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih hija ddomiċiljata – Kontrotalba tal-persuna li timpjega – Determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Livio Guida, iddomiċiljat fil-Polonja, u l-ex persuna li kienet timpjegah, il-kumpannija rregolata mid-dritt Taljan Petronas Lubricants Italy SpA (iktar ’il quddiem “PL Italy”), stabbilita fl-Italja, dwar it-tkeċċija li kienet ġiet innotifikata lilu minn din il-kumpannija.

3.        Din ser tagħti l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi għall-ewwel darba l-kunċett ta’ “kontrotalba” li jinsab f’waħda mid-dispożizzjonijiet partikolari tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 li tiddefinixxi r-regoli tal-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol, fid-dawl tal-ġurisprudenza riċenti ħafna tagħha dwar l-istess kunċett, iddefinit fl- Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-istess kapitolu, iddedikata għall-ġurisdizzjoni speċjali.

4.        Fit-tmiem tal-analiżi tiegħi, li ser tkun limitata għat-tieni domanda preliminari, konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nipproponi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan l-artikolu jagħti lill-persuna li timpjega d-dritt li tressaq kontrotalba quddiem il-qorti adita b’mod regolari mill-ħaddiem u li dik il-qorti tista’ tiddeċiedi fuq tali talba bil-kundizzjoni li din tkun ġiet imressqa sabiex jiġu rregolati l-assjem tal-pretensjonijiet reċiproċi tagħhom li għandhom oriġini komuni.

I.      Il-kuntest ġuridiku

5.        Il-premessi 11, 13 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxu:

“(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

[…]

(13)      B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.

[…]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.”

6.        Skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tiegħu, bit-titolu, “Ġurisdizzjoni Speċjali” persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor “fuq kontro talba li toriġina mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, fil-qorti li fiha tkun pendenti t-talba oriġinali”.

7.        Is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, li tiġbor fiha l-Artikoli 18 sa 21 ta’ dan tal-aħħar, tistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni relatati mat-tilwimiet li jirrigwardaw kuntratti individwali ta’ xogħol.

8.        L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5.”

9.        L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Wieħed li jimpjega domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi imfittex:

1)      fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat jew

2)      fi Stat Membru ieħor:

a)      fil-qrati tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati ta’ l-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

b)      jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun jinstab in-negozju li kien jimpiega lill-impjegat.”

10.      Skont l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament:

“1.      Wieħed li jimpjega jista’ jressaq proċedimenti biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru fejn ikun domiċiljat l-impjegat.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni m’għandhomx jaffetwaw id-dritt li titressaq kontro-talba fil-qorti li fih tkun pendenti, skond din is-Sezzjoni, it-talba originali.”

11.      L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fformulat kif ġej:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim dwar il-ġurisdizzjoni:

1)      li jkun seħħ wara li tkun qamet il-kwistjoni; jew

2)      li jippermetti lill-impjegat li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din is-sezzjoni.”

II.    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.      L. Guida kien ġie rreklutat matul is-sena 1982 mill-kumpannija PL Italy, skont kuntratt irregolat mil-liġi Taljana, u fl-1996 kien ġie kkollokat mal-impriża assoċjata Pollakka Petronas Lubricants Poland sp.zo.o. (iktar ’il-quddiem “PL Poland”), fejn minn dak iż-żmien kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Direttur Ġenerali, bl-istatus ta’ direttur mis-sena 1998. Fl-2001 huwa kkonkluda ma’ PL Poland kuntratt ta’ xogħol “parallel” għal żmien determinat, suġġett għal-liġi Pollakka, li kien ġie mġedded regolarment, fejn l-iskadenza tal-aħħar kuntratt kienet ġiet stabbilit għat-30 ta’ April 2016. Permezz ta’ żewġ ittri tas‑17 u tad‑29 ta’ April 2014, diversi ilmenti dixxiplinarji ġew innotifikati lilu. Sussegwentement, L. Guida kien ġie mkeċċi minn PL Italy għal “allegata raġuni valida”, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Mejju 2014. Permezz ta’ ittra oħra tal-istess data, huwa kien ġie informat bit-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ma’ PL Poland.

13.      Għaldaqstant, L. Guida ħarrek lil PL Italy quddiem it-Tribunale di Torino (il-Qorti ta’ Torino, l-Italja) fejn sostna n-natura tardiva u ġenerali tal-ilmenti dixxiplinarji u kkontesta r-realtà tal-fatti li ġie akkużat bihom. Huwa talab lil din il-qorti, minn naħa, tiddikjara bħala mhux iġġustifikata, u fi kwalunkwe każ, illegali t-tkeċċija tiegħu nnotifikata minn PL Italy u, min-naħa l-oħra, tikkundanna lil din il-kumpannija għall-ħlas tad-danni previsti mid-dritt Taljan fil-każ ta’ tkeċċija inġusta. Barra minn hekk, L. Guida talab li PL Italy tiġi kkundannata tħallas kumpens għad-danni morali li huwa sofra minħabba n-natura inġurjuża tat-tkeċċija tiegħu.

14.      Fil-5 ta’ Diċembru 2014, PL Italy ressqet kawża quddiem dik il-qorti u talbet iċ-ċaħda tat-talbiet tar-rikorrent. Filwaqt li ppreċiżat li PL Poland kienet ittrasferixxitilha l-krediti tagħha fir-rigward ta’ L. Guida, permezz ta’ att tat-3 ta’ Diċembru 2014, din il-kumpannija talbet, permezz ta’ kontrotalba, li L. Guida jiġi kkundannat iħallas lura s-somma ta’ EUR 143 816.29, li kien irċieva indebitament, li tikkorrispondi għal rimborsi ta’ spejjeż ta’ trasferiment, għal ħlasijiet kumpensatorji għal leave mhux meħud u għal dħul eċċessiv minħabba l-applikazzjoni żbaljata tar-rata tal-kambju zloty/euro.

15.      L. Guida sostna li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti Taljana ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kontrotalba ta’ PL Italy.

16.      Permezz ta’ sentenza ppubblikata fl-14 ta’ Settembru 2015, it-Tribunale di Torino (il-Qorti ta’ Torino) ikkundannat lil PL Italy tħallas lil L. Guida s-somma ta’ EUR 100 000 bħala kumpens għad-danni morali minħabba n-natura inġurjuża tat-tkeċċija tiegħu, u ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kontrotalba ta’ PL Italy, għall-benefiċċju tal-qrati Pollakki.

17.      Wara li qieset li L. Guida kien iġġustifika l-istabbiliment tad-domiċilju tiegħu fil-Polonja, it-Tribunale di Torino (il-Qorti ta’ Torino) madankollu qieset li, għalkemm l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi deroga mill-obbligu, għall-persuni li jimpjegaw, li jressqu talbiet kontra l-impjegati tagħhom fil-pajjiż li fih huma ddomiċiljati, din id-deroga ma hijiex applikabbli meta l-krediti li l-persuna li timpjega għandha l-intenzjoni tirkupra ma kinux tagħha oriġinarjament, iżda ġew ittrasferiti lilha permezz ta’ kuntratt.

18.      PL Italy appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Corte d’appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, fejn talbet l-annullament tal-kundanna għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali u kkonfermat il-kontrotalba tagħha.

19.      Dik il-qorti tqis li għandu jiġi magħruf jekk l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jippermettix lil persuna li timpjega tressaq, quddiem il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha, kontrotalba diretta kontra l-impjegat li ħarrikha b’mod regolari quddiem dawk l-istess qrati, konformement mal-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament.

20.      Fil-każ affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-konstatazzjoni li l-kontrotalba mressqa mill-persuna li timpjega għandha bħala suġġett kreditu li oriġinarjament kien ta’ persuna oħra, li, fl-istess ħin, kienet il-persuna li timpjega lill-istess ħaddiem skont kuntratt ta’ xogħol “parallel”, u li l-kontrotalba hija bbażata fuq kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu konkluż bejn il-persuna li timpjega u d-detentur inizjali tal-kreditu, f’data sussegwenti għat-tressiq tat-talba mressqa mill-ħaddiem.

21.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte d’appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti l-possibbiltà lil persuna li timpjega ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni, li ġiet imħarrka minn ex impjegat tagħha quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun iddomiċiljata (konformement mal-Artikolu 19 tar-Regolament), li tressaq kontrotalba fil-konfront tal-ħaddiem quddiem l-istess qorti adita bil-kawża prinċipali?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti ġurisdizzjoni lill-qorti adita bil-kawża prinċipali anki fil-każ li l-kontrotalba mressqa mill-persuna li timpjega ma tirrigwardax kreditu li oriġinarjament kien tal-istess persuna li timpjega, iżda tirrigwarda kreditu li oriġinarjament kien ta’ persuna oħra (li fl-istess ħin, hija l-persuna li timpjega dan l-istess ħaddiem bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol parallel) u fejn il-kontrotalba hija bbażata fuq kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu, konkluż bejn il-persuna li timpjega u l-persuna li oriġinarjament kienet detentriċi tal-kreditu, f’data sussegwenti għat-tressiq tal-kawża prinċipali mill-ħaddiem?”

III. L-analiżi tiegħi

22.      Qabel ma nagħti l-analiżi tiegħi tal-kunċett ta’ “kontrotalba”, li jinsab fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 (3), jidhirli li huwa essenzjali li nippreċiża ċerti elementi li jikkostitwixxu l-bażi tar-riflessjoni tiegħi. L-ewwel nett, jista’ jiġi osservat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex qegħdin jiġu diskussi. Għaldaqstant huwa paċifiku li t-tilwima tirrigwarda “kuntratt individwali ta’ xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament (4), li jorbot lil L. Guida ma’ PL Italy mis-sena 1982, fejn dan l-impjegat ikkonkluda wkoll kuntratti oħra ta’ xogħol mis-sena 2001, ma’ PL Poland, “kumpannija assoċjata” ma’ PL Italy wara li kien ikkollokat ma’ din il-kumpannija Pollakka mis-sena 1996. Huwa wkoll paċifiku li PL Italy, persuna li timpjega konvenuta, imħarrka quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha, li għandha ġurisdizzjoni minħabba l-għażla tal-ħaddiem, magħmula konformement mal-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, ressqet talba intiża għal kundanna distinta tar-rikorrent u mhux mezz ta’ difiża (5).

23.      It-tieni nett, ma hemm l-ebda dubju li kemm il-persuna li timpjega kif ukoll l-impjegat għandhom il-fakultà li jressqu kontrotalba, fatt li jiġġustifika li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari. Fil-fatt, ikun kuntrarju għal interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 (6)li jiġi dedott, fl-assenza ta’ restrizzjoni leġiżlattiva, li l-fakultà li titressaq kontrotalba hija rriżervata għall-impjegat (7). Din l-ugwaljanza proċedurali tal-impjegat u tal-persuna li timpjega jidhirli li diġà ġiet irrilevata indirettament mill-Qorti tal-Ġustizzja (8). Din tirrifletti l-għan ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, fatt li jimplika osservanza tal-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju (9).

24.      Għalhekk huwa ammess li, permezz ta’ kontrotalba, il-persuna li timpjega tista’ tikseb eżami ta’ pretensjoni, diretta kontra l-ħaddiem, minn qorti li ma hijiex dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dan tal-aħħar huwa ddomiċiljat, iżda li l-persuna li timpjega għażlet peress li hija kienet tqis li din kienet l-eqreb għall-interessi tagħha (10).

25.      Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu jiġi spjegat kif jista’ jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “kontrotalba” fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001, hekk kif il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fit-tieni domanda tagħha.

26.      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel kliem differenti minn dak tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II, li jipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni dderivata, li jikkompetu mal-ġurisdizzjoni bħala prinċipju tal-qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut. Fil-fatt, huwa miżjud f’din id-dispożizzjoni li din għandha tkun talba “li toriġina mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali” (11). Dawn il-kliem, li ma nbidlux minn wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, lanqas ma jinsabu fis-sezzjonijiet iddedikati għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-assigurati jew lill-konsumaturi. Din il-preċiżjoni ma ġietx miżjuda la fl-okkażjoni tal-inklużjoni fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 tas-Sezzjoni 5, iddedikata għall-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol (12), lanqas fir-redazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, applikabbli mill-10 ta’ Jannar 2015.

27.      Ix-xogħlijiet preparatorji jgħallmuna li “[i]l-ġurisdizzjoni prevista f’din is-sezzjoni tissostitwixxi ruħha ma’ dik prevista fis-Sezzjonijiet 1 u 2” (13) u li “[i]d-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti ta’ xogħol essenzjalment huma ftit modifikati, iżda pjuttost huma miġbura flimkien f’sezzjoni speċifika, hekk kif previst għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni u ta’ konsum” (14). Minn dan isegwi li l-leġiżlatur ma għażilx dispożizzjonijiet speċifiċi għal-litigazzjoni dwar ix-xogħol minkejja l-għan li jrid jintlaħaq ta’ protezzjoni tal-parti l-iktar dgħajfa, li seta’ jiġġustifika li jiġu previsti kundizzjonijiet speċjali dwar it-talba tal-persuna li timpjega, bħal dik issuġġerita minn L. Guida fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

28.      Sussegwentement, għandhom jitfakkru l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ talba għall-interpretazzjoni ta’ wieħed mill-erba’ artikoli (18 sa 21) li jifformaw din is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 li tirrigwarda l-“Ġurisdizzjoni dwar kuntratti individwali ta’ impjieg”:

–        din is-sezzjoni tistabbilixxi sensiela ta’ regoli li, kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, għandhom bħala għan li jipproteġu lill-parti kontraenti l-iktar dgħajfa permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi ta’ din il-parti (15);

–        mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija sezzjoni jirriżulta li dawn huma ta’ natura mhux biss speċifika, iżda wkoll eżawrjenti (16), u

–        sabiex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tar-Regolament Nru 44/2001, il-kunċetti ġuridiċi li jinsabu fih għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, li jkun għaldaqstant komuni għall-Istati Membri kollha (17).

29.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li r-regola prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001, li tkopri l-każ ta’ kontrotalba, ġiet inkorporata fl-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament, u b’hekk saret approssimazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet (18).

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward tal-espressjoni “li toriġina mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali”, li din għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma, fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmi regolament (19).

31.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li huwa fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kontrotalba tippermetti lill-partijiet jiksbu deċiżjoni, matul l-istess proċeduri u quddiem l-istess qorti, dwar il-pretensjonijiet reċiproċi tagħhom li għandhom oriġini komuni. Għalhekk, jiġu evitati proċeduri multipli u li ma humiex meħtieġa (20). Għaldaqstant ġie deċiż li, “[f]’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kontrotalba għal rimbors taħt arrikkiment indebitu għandha tiġi kkunsidrata bħala li toriġina minn kuntratt ta’ leasing, li kien għall-oriġini tal-azzjoni inizjali ta’ min jagħti l-leasing. Fil-fatt, l-allegat arrikkiment sa l-ammont tas-somma mħallsa b’eżekuzzjoni tas-sentenza li sadanittant ġiet annullata ma kienx iseħħ mingħajr dan il-kuntratt” (21). Għalhekk, ir-rabta stretta mal-mertu tat-tilwima hija fattur determinanti.

32.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-protezzjoni dovuta lill-impjegat bħala l-parti l-iktar dgħajfa tiġġustifika l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni differenti tal-kunċett ta’ “kontrotalba”, fl-assenza ta’ preċiżjoni li tinsab fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001? Bħall-Kummissjoni, jiena nqis li l-kunċett ta’ “kontrotalba” għandu jkun uniformi fil-każ tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Ewropej, speċjalment peress li l-kriterji fil-każ ta’ ġurisdizzjoni derivata s’issa ma qajmux ħafna diffikultajiet ta’ interpretazzjoni, u huma jissodisfaw ukoll, bħal fil-każ ta’ konnettività, l-għan li jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi kellhom ikunu deċiżi separatament (22).

33.      Konsegwentement, din is-soluzzjoni toffri l-vantaġġ li jiġi evitat l-użu ta’ kunċetti iktar diffiċli li jiġu implementati bħal dak tal-eżistenza ta’ “rabta oġġettiva permezz tas-suġġett jew permezz tal-kawża”, propost mill-Gvern Taljan. Madankollu, interpretazzjoni stretta wisq tat-“talba li tirriżulta mill-kuntratt ta’ xogħol”, bħal dik proposta mill-Kummissjoni, ibbażata fuq “ir-relazzjoni ta’ xogħol invokata mill-ħaddiem fit-talba oriġinali tiegħu”, ma jidhirlix li għandha tiġi adottata għal diversi raġunijiet.

34.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “talba li tirriżulta mill-kuntratt” (23), meta ammettiet li talba għal rimbors minħabba arrikkiment indebitu tirriżulta mill-kuntratt ta’ leasing konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, f’ċirkustanzi proċedurali partikolari. Fil-fatt, il-każ kien jirrigwarda talba għal rimbors li kellha bħala suġġett somma li tikkorrispondi għall-ammont miftiehem fil-kuntest ta’ ftehim extraġudizzjarju, u li kienet tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja ġdida bejn l-istess partijiet, sussegwentement għall-annullament tad-deċiżjoni li kienet ingħatat fil-kuntest tal-azzjoni inizjali bejniethom u li l-eżekuzzjoni tagħha rriżultat f’dan il-ftehim extraġudizzjarju. Għalhekk, jista’ jiġi rrilevat li ma hijiex daqshekk ir-rabta diretta mal-kuntratt li kienet ġiet meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda iktar il-fatt li ma kienx ikun hemm arrikkiment indebitu mingħajr dan il-kuntratt, fatt li juri li “dawn il-pretensjonijiet imorru lura għall-istess materja inkwistjoni” (24).

35.      It-tieni nett, għandhom ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-intersezzjonijiet tar-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ xogħol (25), li huma frekwenti f’każ ta’ kollokament fejn il-kuntratt ta’ xogħol inizjali jista’ jinżamm filwaqt li jeżisti flimkien ma’ kuntratt ta’ xogħol lokali.

36.      F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet konkordanti tal-partijiet jirriżulta li PL Italy kienet 100 % proprjetarja ta’ PL Poland, u li, mix-xahar ta’ Lulju 2001, kuntratt speċifiku “parallel” kien ġie konkluż ma’ PL Poland sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi għal din ir-relazzjoni ta’ xogħol. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-proċeduri mibdija minn L. Guida kellhom bħala suġġett il-kuntratt inizjali u mhux l-aħħar kuntratt konkluż ma’ PL Poland.

37.      It-tielet nett, mir-raġunijiet għat-tkeċċija u mit-talba pekunjarja ta’ PL Italy jirriżulta li dawn huma bbażati fuq l-istess fatti, li jikkonċernaw iż-żewġ kumpanniji b’mod indifferenti. F’dan il-każ, L. Guida ġie akkużat, minn naħa, li diversi drabi kiseb indebitament mingħand PL Poland ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ trasferiment professjonali u ħlasijiet kumpensatorji għal leave mhux meħud u, min-naħa l-oħra, li għarraq lil PL Italy, fir-rigward tal-likwidazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu, billi kkomunikalha rata tal-kambju zloty/euro iktar favorevoli mir-rata uffiċjali. Huwa paċifiku li dawn il-fatti pprovdew il-bażi għad-deċiżjoni li jintemmu r-relazzjonijiet ta’ xogħol, meħuda minn PL Italy u PL Poland, u li l-kontrotalba għandha bħala suġġett il-ħlas lura tas-somom korrispondenti mħallsa indebitament.

38.      Din ir-relazzjoni stretta bejn il-kontestazzjoni mill-ħaddiem tar-raġunijiet għat-tkeċċija u t-talba għal rimbors imressqa mill-persuna li timpjega twassal sabiex jiġu miċħuda l-argumenti ta’ L. Guida u tal-Kummissjoni dwar l-imprevedibbiltà tat-talba tal-konvenut minħabba t-trasferiment tal-kreditu li jawtorizzah iressaqha.

39.      Ir-raba’ nett, għandu jiġi osservat li L. Guida għażel li jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni waħda biss ta’ tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol tiegħu, dik li kienet teżisti ma’ PL Italy, u li ma jħarrikhiex quddiem il-qorti tal-Istat Membru tal-post li fih huwa kien normalment iwettaq xogħolu, hekk kif kien jippermettilu jagħmel l-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, iżda quddiem dik tal-post li fih hija ddomiċiljata PL Italy. Din l-għażla ma għandhiex ikollha konsegwenzi fuq l-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “kontrotalba”. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi diversi regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-ħaddiem, huwa ma ddeċidiex li jistabbilixxi kriterji li jirrestrinġu l-fakultà għall-persuna li timpjega li tressaq kontrotalba.

40.      Għall-istess raġunijiet, l-argument ibbażat fuq il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol, li skont L. Guida u l-Kummissjoni jiġġustifika interpretazzjoni strettament limitata għall-kuntratt ta’ xogħol imsemmi fit-talba oriġinali, għandu jiġi miċħud. Għalkemm, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni minħabba l-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol li jiġġustifika l-koinċidenza tal-ġurisdizzjoni u tal-kompetenza leġiżlattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset xieraq li tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet korrispondenti li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Ruma (26) tal-1980 fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali(27), għandu jitqies li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ kontrotalba għandha tkun b’mod ċar indipendenti minn dik dwar il-liġi applikabbli għall-mertu.

41.      Konsegwentement, inqis li ċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali juru li l-kunċett ta’ “kontrotalba” ma għandux jiġi interpretat billi jiġi limitat biss għall-kuntest kuntrattwali. Il-konkordanza tal-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba oriġinali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll. Għalhekk, fil-każ li għandna quddiemna, il-fatt li jiġi ammess, għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-istess qorti tista’ teżamina r-realtà tal-fatti li ġġustifikaw it-tkeċċija u tislet minnhom il-konsegwenzi pekunjarji ma jidhirlix li huwa kuntrarju għall-interessi tal-impjegat. L-assenza ta’ kontradizzjoni ta’ sentenzi hija wkoll iggarantita, konformement mal-għan stabbilit fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 44/2001. F’dawn iċ-ċirkustanzi ftit huwa rilevanti li t-trasferiment tal-kreditu invokat mill-persuna li timpjega seħħ wara li ġiet adita l-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

42.      Għaldaqstant, jidhirli possibbli li tingħata interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ “kontrotalba”, f’termini ġenerali għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ effiċjenza, li għandha twassal lill-qrati nazzjonali jivverifikaw in-natura komuni tal-oriġini tal-pretensjonijiet tal-partijiet, kemm kuntrattwali kif ukoll fattwali, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni.

43.      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li huwa propost lill-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-persuna li timpjega, kif ukoll lill-ħaddiem, id-dritt li jressqu kontrotalba quddiem il-qorti adita b’mod regolari bit-talba oriġinali u li din il-qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali talba bil-kundizzjoni li din tkun ġiet imressqa sabiex jiġu rregolati l-pretensjonijiet reċiproċi kollha tagħhom li għandhom oriġini komuni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

IV.    Konklużjoni

44.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Corte d’appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino, l-Italja) kif ġej:

L-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-persuna li timpjega, kif ukoll lill-ħaddiem, id-dritt li jressqu kontrotalba quddiem il-qorti adita b’mod regolari bit-talba oriġinali u li din il-qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali talba bil-kundizzjoni li din tkun ġiet imressqa sabiex jiġu rregolati l-pretensjonijiet reċiproċi kollha tagħhom li għandhom oriġini komuni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


3      Applikabbli fil-kawża prinċipali, peress li l-azzjoni tal-impjegat kienet tressqet qabel l-10 ta’ Jannar 2015. Kif ġie mfakkar fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Concurrence (C‑618/15, EU:C:2016:976, punt 9), ir-Regolament Nru 44/2001 kien ġie mħassar bl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). U, skont l-Artikolu 66(1) ta’ dan ir-regolament, dan huwa applikabbli biss għall-azzjonijiet ġudizzjarji mressqa mill-10 ta’ Jannar 2015.


4      Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 34).


5      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1995, Danværn Production (C‑341/93, EU:C:1995:239, punti 15 u 18).


6      Għandu jiġi enfasizzat li l-istess dispożizzjonijiet jinsabu fis-sezzjonijiet l-oħra li jistabbilixxu regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-parti l-iktar dgħajfa (l-Artikolu 12(2), fil-qasam tal-assigurazzjoni, l-Artikolu 16(3), fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi). Il-formulazzjoni ta’ dawn l-artikoli, li tirriżulta minn dik tal-Artikoli 11 u 14 tal-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), ġiet ukoll riprodotta mingħajr tibdil fl-Artikoli 14 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012.


7      Id-duttrina hija unanima fuq dan il-punt, ikun xi jkun ir-regolament applikabbli, ara, b’mod partikolari, Gaudemet-Tallon, H., Compétence et exécution des jugements en Europe, Matières civile et commerciale, Règlements 44/2001 et 1215/2012, Conventions de Bruxelles (1968) et de Lugano (1998 u 2007), il-5 edizzjoni, Librairie générale de droit et de jurisprudence, collection Droit des affaires, Pariġi, 2015, p. 394, il-paragrafu 2 tal-punt 302; Blanco-Morales Limones, P., Garau Sobrino, F. F., Lorenzo Guillén M. L., Montero Muriel, F. J., Comentario al Reglamento (UE) nº 1215/2012 relativo a la competencia judicial, el reconocimiento y la ejecución de resoluciones judiciales en materia civil y mercantil, Reglamento Bruselas I refundido, Thomson Reuters Aranzadi, Madrid, 2016, p. 495, punt 2, paragrafu 7; Magnus, U., Mankowski, P., European Commentaries on Private International Law, Brussels Ibis Regulation, volum 1, Sellier European Law Publishers, Otto Schmidt, Cologne, 2015, p. 554, punt 5; Czernich, D., Kodek, G., Mayr, P., Europäisches Gerichtsstands- und Vollstreckungsrecht Brüssel Ia-Verordnung (EuGVVO 2012) und Übereinkommen von Lugano 2007 Herausgeber, LexisNexis, Vienna, 2015, p. 296, paragrafu 3.


8      Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 29).


9      Sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, EU:C:2003:219, punti 17 u 22), tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 27), u tat-12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec (C‑185/15, EU:C:2016:763, punt 37).


10      Espressjoni misluta mis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Fir-rapport ta’ M. P. Jenard fuq il-Konvenzjoni [ta’ Brussell] (ĠU 1979, C 59, p. 1), huwa ppreċiżat li, “sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni, il-kontratalba għandha tkun konnessa mat-talba prinċipali. Peress li l-konnettività ma hijiex magħrufa fil-leġiżlazzjonijiet kollha, it-test, ispirat mill-abbozz tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, jindika li l-kontrotalba għandha tirriżulta mill-kuntratt jew mill-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba oriġinali” (p. 28).


12      Ara, għal tfakkira ddettaljata tal-istorja leġiżlattiva, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punti 14 sa 17), u tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C-168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 46).


13      Din il-frażi diġà ġiet iċċitata fis-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 24).


14      Ara l-proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (KUMM(1999) 348 finali), espożizzjoni tal-motivi.


15      Sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punti 17 u 30), kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 18), kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u, fir-rigward tal-Artikolu 19(2) tal-imsemmi regolament, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


18      Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 22).


19      Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec (C‑185/15, EU:C:2016:763, punt 36).


20      Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec (C‑185/15, EU:C:2016:763, punt 37).


21      Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec (C‑185/15, EU:C:2016:763, punt 38).


22      Ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 42), dwar l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, u l-kummentarju ta’ Czernich, D., Kodek, G., u Mayr, P., Europäisches Gerichtsstands- und VollstreckungsrechtBrüssel Ia-Verordnung (EuGVVO 2012) und Übereinkommen von Lugano 2007 Herausgeber, LexisNexis, Vienna, 2015, p. 296, paragrafu 3.


23      Ara l-analiżi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 f’Magnus, U., Mankowski, P., European Commentaries on Private International Law, Brussels Ibis Regulation, Volum 1, Sellier European Law Publishers, Otto Schmidt, Cologne, 2015, p. 401, b’mod partikolari dwar l-espressjoni “same contract” li tinsab fil-verżjoni Ingliża ta’ dan ir-regolament.


24      Espressjoni użata fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Kostanjevec (C‑185/15, EU:C:2016:397, punt 44).


25      Ara, bħala tfakkira ġenerali tal-partikolaritajiet tal-kuntratt ta’ xogħol, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1987, Shenevai (266/85, EU:C:1987:11, punt 16). Bħala eżempju ta’ każ ta’ diversi relazzjonijiet kuntrattwali, ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Pugliese C‑437/00, EU:C:2003:219, punti 4 sa 9), u, speċjalment fir-rigward ta’ kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punti 7 sa 10), kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574 punti 12 sa 18).


26      Bħala illustrazzjoni riċenti ħafna, ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Noguiera et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 55), dwar l-interpretazzjoni awtonoma tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001.


27      ĠU 1998, C 27, p. 34. L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni huwa applikabbli għall-kuntratti konklużi sas-17 ta’ Diċembru 2009. Wara din id-data, l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6) huwa applikabbli, konformement mal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament.