Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja) fit-22 ta’ Novembru 2019 – G. Sp. z o.o. vs Dyrektorowi Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy

(Kawża C-855/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Naczelny Sąd Administracyjny

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: G. Sp. z o.o

Konvenut: Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy

Domandi preliminari

L-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 1 u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 2 kif emendata (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”), ma jipprekludux dispożizzjoni, bħall-Artikolu 103(5a) tal-ustawa z dnia 11 marca 2004 r. o podatku od towarów i usług (il-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2004 dwar il-VAT)3 kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), li tipprevedi li fil-każ ta’ akkwist intrakomunitarju ta’ karburanti, il-persuna taxxabbli għandha, mingħajr ma tintalab tagħmel dan mid-Direttur tal-Uffiċċju tad-Dwana, tikkalkola u tħallas it-taxxa lill-amministrazzjoni tad-dwana kompetenti għall-ħlas tad-dazji tas-sisa:

f’terminu ta’ 5 ijiem mill-jum fejn l-oġġetti jkunu ġew ippreżentati fil-post ta’ riċeviment tal-prodotti suġġetti għas-sisa stabbilit fl-awtorizzazzjoni xierqa – jekk l-oġġetti kienu suġġetti għal akkwist intrakomunitarju fis-sens tal-ustawa z dnia 6 grudnia 2008 r. o podatku akcyzowym (il-Liġi tas-6 ta’ Diċembru 2008 dwar id-Dazju tas-Sisa) minn konsumatur irreġstrat taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tad-dazji tas-sisa;

f’terminu ta’ 5 ijiem mill-jum fejn l-oġġetti jkunu ġew importati f’entrepôt fiskali mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

waqt it-trasferiment ta’ dawn l-oġġetti fit-territorju nazzjonali – jekk l-oġġetti jiġu ttrasferiti barra minn sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa konformement mad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dazji tas-sisa?

L-Artikolu 69 tad-Direttiva 2006/112 ma jipprekludix dispożizzjoni, bħall-Artikolu 103(5a) tal-Liġi dwar il-VAT, li tipprevedi li fil-każ ta’ akkwist intrakomunitarju ta’ karburanti l-persuna taxxabbli għandha, mingħajr ma tintalab tagħmel dan mid-Direttur tal-Uffiċċju tad-Dwana, tikkalkola u tħallas it-taxxa lill-amministrazzjoni tad-dwana kompetenti għall-ħlas tad-dazji tas-sisa:

f’terminu ta’ 5 ijiem mill-jum fejn l-oġġetti jkunu ġew ippreżentati fil-post ta’ riċeviment tal-prodotti suġġetti għas-sisa stabbilit fl-awtorizzazzjoni xierqa – jekk l-oġġetti kienu suġġetti għal akkwist intrakomunitarju fis-sens tal-ustawa z dnia 6 grudnia 2008 r. o podatku akcyzowym (il-Liġi tas-6 ta’ Diċembru 2008 dwar id-Dazji tas-Sisa) minn konsumatur irreġistrat taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tad-dazji tas-sisa;

f’terminu ta’ 5 ijiem mill-jum fejn l-oġġetti jkunu ġew importati f’entrepôt fiskali mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

waqt it-trasferiment ta’ dawn l-oġġetti fit-territorju nazzjonali – jekk l-oġġetti jiġu ttrasferiti barra minn sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa konformement mad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dazji tas-sisa;

- meta din tiġi interpretata fis-sens li l-ammont inkwistjoni ma jikkostitwixxix ħlas interim ta’ VAT fis-sens tal-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112?

Ħlas interim fuq il-VAT fis-sens tal-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112 li ma jsirx fit-terminu previst jitlef l-eżistenza legali fi tmiem il-perijodu ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa li fuqu għandu jsir tali ħlas interim?

____________

1 ĠU 2012, C 326, p. 1, verżjoni kkonsolidata.

2 ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, u fil-ĠU 2018, L 329, p. 63.

3 Dz. U. 2016, pożizzjoni 710.