Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-31 ta’ Lulju 2020 – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra L; parti oħra fil-proċedura: Openbaar Ministerie

(Kawża C-354/20)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra: L

Parti oħra fil-proċedura: Openbaar Ministerie

Domandi preliminari

Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI 1 , it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u/jew it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludu effettivament lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew li huwa maħruġ minn qorti, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru emittenti tal-MAE tkun ġiet emendata wara l-ħruġ ta’ dan il-MAE b’mod li din il-qorti ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għaliex din il-leġiżlazzjoni ma tibqax tiggarantixxi l-indipendenza ta’ din il-qorti?

Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprekludu effettivament lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli teżegwixxi MAE meta hija tkun ikkonstatat li jeżisti riskju reali ta’ ksur ta’ dritt fundamentali, fl-Istat Membru emittenti, għal qorti indipendenti għall-persuni kollha akkużati, u għaldaqstant ukoll għall-persuna mitluba, indipendentement mill-qrati ta’ dan l-Istat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom ser tkun suġġetta l-persuna mitluba u indipendentement mis-sitwazzjoni personali tal-persuna mitluba, min-natura tal-ksur li bih hija akkużata u mill-kuntest fattwali li fuqu huwa bbażat il-MAE, liema riskju reali huwa marbut mal-fatt li l-qrati tal-Istat Membru emittenti ma għadhomx indipendenti minħabba difetti strutturali u fundamentali?

Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprekludu effettivament lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli teżegwixxi MAE meta hija tkun ikkonstatat li:

o    jeżisti, fl-Istat Membru emittenti, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq għall-persuni kollha akkużati, u li huwa marbut ma’ difetti strutturali u fundamentali f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-poter ġudizzjarju ta’ dan l-Istat Membru,

o    dawn id-difetti strutturali u fundamentali, għaldaqstant, mhux biss jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-qrati ta’ dan l-Istat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom ser tkun suġġetta l-persuna mitluba, iżda għandhom effettivament tali effett negattiv, u

o    jeżistu għaldaqstant raġunijiet serji u fattwali sabiex jiġi preżunt li l-persuna mitluba qiegħda f’riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u, għalhekk, ta’ ksur tal-essenza tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq,

u dan, anki jekk, minbarra dawn id-difetti strutturali u fundamentali, il-persuna mitluba ma tkunx esprimiet tħassib speċifiku u anki jekk is-sitwazzjoni personali tagħha, in-natura tal-ksur li bih hija akkużata u l-kuntest li fuqu huwa bbażat l-MAE ma jagħtux lok għal biża’, minbarra dawn id-difetti strutturali u fundamentali, ta’ eżerċizzju ta’ presssjoni konkreta jew ta’ influwenza fuq il-proċedura kriminali tagħha mill-poter eżekuttiv u/jew leġiżlattiv.

____________

1 Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).