Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2018 minn Silec Cable SAS, General Cable Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-438/14: Silec Cable, General Cable vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-599/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Silec Cable SAS, General Cable Corp. (rappreżentanti: I. Sinan, Barrister, C. Renner, Rechtsanwältin)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1 sa fejn dan jikkonċerna lil Silec Cable u lil General Cable;

sussidjarjament, temenda l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni u tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq Silec Cable u fuq General Cable fid-dawl tal-argumenti mressqa insostenn ta’ dan l-appell;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tapplika korrettament ir-regoli relatati mal-provi u żnaturat il-provi prodotti quddiemha fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-appellanti Silec fil-ksur allegat.

Il-Qorti Ġenerali użat b’mod żbaljat il-kriterju tad-disassoċjazzjoni pubblika sabiex taqleb l-oneru tal-prova sabiex jiġi stabbilit l-allegat ksur tal-appellanti Silec. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta bbażat esklużivament ruħha fuq il-perċezzjoni suġġettiva ta’ parteċipanti oħra fil-ksur allegat sabiex tipprova l-parteċipazzjoni tal-appellanti Silec. L-appellanti jqisu wkoll li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi prodotti quddiemha, u kisret ukoll l-obbligu tas-sigriet professjonali (Artikolu 339 TFUE), meta kkonstatat li l-appellanti Silec kienet ipparteċipat fil-ksur allegat.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta rrifjutat li tikkwalifika l-involviment ta’ Silec fl-allegat ksur bħala dak ta’ “attur marġinali”.

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali illegalment ħadet inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ Safran/Sagem/Sagem Communications meta evalwat l-involviment individwali tal-appellanti Silec sabiex tevalwa l-ammont tal-multa. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali stess barra minn hekk tipprovdi motivazzjoni manifestament kontradittorja f’dan ir-rigward. L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali tipparaguna s-sitwazzjonijiet fattwali żbaljati meta tikkonkludi li l-Kummissjoni ma tiddiskriminax kontra l-appellanti Silec meta tirrifjuta li tikkwalifikaha bħala attur marġinali.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39610 — Kejbils tal-Elettriku) (notifikat bid-dokument C(2014) 2139 finali) (ĠU 2014, C 319, p. 10).