Language of document : ECLI:EU:C:2011:809

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-ħaddiema – It-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 u Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – Direttivi 64/221/KEE, 2003/109/KE u 2004/38/KE – Dritt ta’ residenza ta’ Tork li twieled fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li rrisjeda fih legalment għal iktar minn għaxar snin mingħajr interruzzjoni bħala wild ta’ ħaddiem Tork – Kundanni kriminali – Legalità ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C-371/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura

Nural Ziebell

vs

Land Baden-Württemberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J.‑J. Kasel (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal N. Ziebell, minn B. Fresenius u R. Gutmann, Rechtsanwälte,

–        għal-Land Baden-Württemberg, minn M. Schenk, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u R. Holdgaard, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn G. Karipsiadis u T. Papadopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao u C. Murrell, bħala aġenti, assistiti minn T. Eicke, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turikija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni” u l-“Assoċjazzjoni KEE-Turkija”). Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn N. Ziebell, ċittadin Tork li qabel iż-żwieġ tiegħu ma’ persuna ta’ nazzjonalità Ġermaniża kien kunjomu “Örnek”, u l-Land Baden-Württemberg, fir-rigward ta’ proċedura ta’ tkeċċija mit-territorju Ġermaniż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 L-Assoċjazzjoni KEE-Turkija

–       Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni) kif ukoll bl-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment (l-Artikolu 13 tal-imsemmi Ftehim) u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 14 tal-istess Ftehim), bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ għajxien tal-poplu Tork u sussegwentment tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità (ir-raba’ premessa tal-preambolu u l-Artikolu 28 ta’ dan il-Ftehim).

4        Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (l-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim), fażi tranżitorja li matulha jiġu żgurati l-implementazzjoni progressiva ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika (l-Artikolu 4 tal-imsemmi Ftehim), u fażi definittiva li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u tinvolvi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti (l-Artikolu 5 tal-istess Ftehim).

5        L-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa redatt kif ġej:

“Sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni, il-Partijiet kontraenti għandhom jiltaqgħu fi ħdan Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li għandu jaġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mill-ftehim [ta’ assoċjazzjoni].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, bit-titolu “Implementazzjoni tal-fażi tranżitorja”:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi, qabel ma tibda l-fażi tranżitorja, u skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 1 tal-Protokoll provviżorju, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmi tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma koperti mit-[Trattat KE] li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari dawk imsemmija f’dan it-titolu, kif ukoll kull klawżola ta’ salvagwardja li tirriżulta utli”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li wkoll jinsab fit-Titolu II tiegħu, Kapitolu 3, bit-titolu “Dispożizzjonijiet oħra ta’ natura ekonomika”, jistipula:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li ser ikunu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex bejniethom jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Skont l-Artikolu 22(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

“Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-ftehim [ta’ assoċjazzjoni] u fil-każijiet previsti minnu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni. Kull waħda miż-żewġ partijiet għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda. […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

–       Il-Protokoll Addizzjonali

9        Il-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmu għall-implementazzjoni tal-fażi tranżitorja msemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmi ftehim.

10      Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, bit-titolu “Moviment ta’ persuni u servizzi” u l-Kapitolu I ta’ dan it-titolu jkopri “[i]l-Ħaddiema” filwaqt li l-Kapitolu II jirrigwarda d-“[d]ritt tal-istabb[i]liment, tas-servizzi u tat-trasport”.

11      L-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, li jifforma parti mill-Kapitolu I, jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija għandu jinkiseb gradwalment b’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bejn it-tmiem tat-tnax u tat-tnejn u għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi l-modalitajiet neċessarji għal dan il-għan.

–       Id-Deċiżjoni Nru 1/80

12      Id-Deċiżjoni Nru 1/80 ġiet adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u kompost, minn naħa, minn membri tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u, min-naħa l-oħra, minn membri tal-Gvern Tork.

13      Hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, l-imsemmija deċiżjoni hija intiża sabiex ittejjeb fil-qasam soċjali lis-sistema li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema Torok u l-familji tagħom, fil-konfront tas-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 2/76, dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, adottata fl-20 ta’ Diċembru 1976 mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

14      L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, bit-titolu “Dispożizzjonijiet soċjali”, Taqsima I li tittratta l-“Kwistjonijiet rigward l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu:

–        għandhom ikunu intitolati – bla ħsara għall-prijorità mogħtija lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità – sabiex jirrispondu għal kwalunkwe offerta ta’ impjieg wara li jkunu ilhom residenti legalment għal ta’ mill-inqas tliet snin f’dak l-Istat Membru;

–        għandhom igawdu aċċess liberu għal kwalunkwe impjieg bi ħlas li jagħżlu huma kemm-il darba jkun ilhom residenti hemmhekk legalment għal mill-inqas ħames snin.”

15      L-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni 1/80, li jidher fl-istess Taqsima 1 jipprovdi:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom ikunu applikabbli ħlief għal limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.

2.      Huma ma jippreġudikawx id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew ftehim bilaterali eżistenti bejn it-Turkija u l-Istati Membri tal-Komunità, sa fejn huma jipprovdu, sistema iktar favorevoli liċ-ċittadini tagħhom.”

 Id-Direttiva 2003/109/KE

16      Skont il-premessi 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272):

“(1)      Bil-ħsieb ta’ l-istabbiliment progressiv ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jipprovdi kemm għall-adozzjoni ta’ miżuri mmirati li jassiguraw il-moviment liberu ta’ persuni, flimkien ma’ miżuri konnessi li jirrelataw mal-kontrolli tal-fruntieri esterni, asil u immigrazzjoni, u għall-adozzjoni ta’ miżuri li jirrelataw mal-kenn, immigrazzjoni u l-salvagward tad-drittijiet ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi.

(2)      Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.”

17      Il-premessa 6 tal-imsemmija direttiva tippreċiża:

“Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. […]”

18      Il-premessi 8 u 17 tal-istess direttiva jipprovdu:

“(8)      Barra minn dan, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ li jiksbu u iżommu statutus ta’ residenti ta’ perjodu twil ta’ żmien ma għandhomx jikkostitwixxu theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika. L-idea ta’ politika pubblika tista’ tkopri kundanna ta’ ħtija għat-twettieq ta’ reat serju.

(16)      Ir-residenti f’poerjodu twil ta’ żmien jistgħu igawdu minn protezzjoni rinfurzata kontra t-tkeċċija. Din il-protezzjoni hija bbażata fuq il-kriterji stabbiliti bid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem […]”

19      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva

a)      ‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser xi persuna li ma tkunx ċittadin tal-l-Unjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

b)      ‘residenti għat-tul’ tfisser xi ċittadin ta’ pajjiż terz li ikollu status ta’ residenti għat-tul kif hekk provdut taħt l-Artikoli 4 sa 7;

[…]”

20      Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, din “tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat membru.”

21      Skont l-Artikolu 3(3):

–        “Din id-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar favorevoli ta’:

a)      patti ta’ ftehim bilaterali u multilaterali bejn il-Komunita jew il-Komunità u l-Istati membri tagħha, min-naħa l-waħda, u pajjiżi terzi min-naħa l-oħra;

[…]”

22      Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għal żmien twil lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni rilevanti.

23      L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat: “Protezzjoni kontra tkeċċija”: jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għat-tul unikament fejn hu/i jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika.

2.      Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun ibbażata fuq konsiderazzjonijiet ekonomiċi.

3.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jitkeċċa residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu kont tal-fatturi li ġejjin:

a)      it-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom;

b)      l-età tal-persuna konċernata;

ċ)      il-konsegwenzi għall-persuna konċernata u l-membri tal-familja;

d)      ir-rabtiet mal-pajjiż tar-residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

[…]”

 Id-Direttiva 2004/38

24      Il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/38 tipprovdi:

“Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.”

25      Il-premessa 22 ta’ din id-direttiva tippreċiża:

“It-Trattat jikkonsenta restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza għal raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Sabiex tiġi żgurata definizzjoni rigoruża taċ-ċirkostanzi u tal-garanziji proċedurali li minħabba fihom ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom ma jitħallewx jidħlu jew jistgħu jitkeċċew, din id-Direttiva għandha tibdel id-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-kordinazzjoni tal-miżuri speċjali dwar il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin, li huma ġustifikati minn raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11) hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill, 75/35/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1974, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 174, iktar ’il quddiem id-‘Direttiva 64/221’)].”

26      Skont it-termini tal-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38:

“(23) It-tkeċċija taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-familji tagħhom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika hi miżura li tista’ tweġġa’ serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l-libertajiet konferiti lilhom mit-Trattat [KE], ġenwinament integraw rwieħhom fl-Istat Membru ospitanti. L-iskop ta’ dawn il-miżuri għandu għalhekk ikun limitat skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, waqt li jkun ikkunsidrat il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati, it-tul tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, l-età tagħhom, il-kondizzjonijiet ta’ saħħa, tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika u r-rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini

(24)      Għalhekk, aktar ma tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, aktar għandha tkun kbira l-protezzjoni kontra tkeċċija. F’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, fejn hemm raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, għandha tittieħed miżura ta’ tkeċċija kontra ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għexu għal diversi snin fit-territorju ta’ l-Istat Membru, b’mod partikolari meta jkunu twieldu u għexu hemm matul il-ħajja kollha tagħhom. B’addizzjoni, dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom japplikaw ukoll għal miżura ta’ tkeċċija meħuda kontra minorenni, sabiex jiġu protetti r-rabtiet tagħhom mal-familja, skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

27      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“1. Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk […]”

28      L-Artikolu 27(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

29      Skont l-Artikolu 28 tal-istess direttiva intitolat “Protezzjoni minn tkeċċija”:

“1. Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.      L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

3.      Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)      għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti; jew

b)      huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

30      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-liġi dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju Federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet – Aufenthaltsgesetz), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, fiha d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 53 – Tkeċċija obbligatorja

Barrani għandu jkun suġġett għal miżura ta’ tkeċċija meta:

1.      jkun ġie kkundannat għal reat jew iktar imwettaq intenzjonalment taħt piena ta’ ċaħda tal-libertà jew piena għal att kriminali minn minuri ta’ mill-inqas tliet snin li tkun saret res judicata jew li, matul perijodu ta’ ħames snin, ikun ġie kkundannat għal reati mwettqa intenzjonalment għal pieni ta’ ċaħda tal-libertà jew għal pieni għal atti kriminali minn minuri li jkunu saru res judicata b’total ta’ mill-inqas tliet snin jew tkun ġiet ordnata detenzjoni preventiva mal-aħħar kundanna definittiva tiegħu.

[…]

Artikolu 55 – Tkeċċija diskrezzjonali

1.      Barrani jista’ jitkeċċa meta r-residenza tiegħu tippreġudika l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika jew interessi ewlenin oħra tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

[…]

Artikolu 56 – Protezzjoni speċjali kontra t-tkeċċija

(1)      Barrani li

1.      ikollu permess ta’ residenza permanenti u jkun għex legalment għal mill-inqas ħames snin fit-territorju federali.

[…]

jibbenefika minn protezzjoni speċjali kontra t-tkeċċija. It-tkeċċija trid tkun ibbażata biss fuq raġunijiet gravi ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika. Bħala regola ġenerali, jeżistu raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku fil-każijiet previsti mill-Artikoli 53 u 54(5), (5a) u (7). Jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 53 ikunu sodisfatti, il-barrani, fil-prinċipju, jitkeċċa. Jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 54 ikunu sodisfatti, it-tkeċċija tiegħu hija suġġetta għal deċiżjoni diskrezzjonali.

[…]”

31      Il-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern – Freizügigkeitsgesetz/EU), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, tipprovdi, b’mod partikolari:

“Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni

Din il-liġi tirregola d-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (ċittadini tal-Unjoni) u tal-membri tal-familja tagħhom.

Artikolu 6 – Telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza

“(1) […] it-telf tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 2(1) jista’ jiġi kkonstatat biss, l-attestazzjoni tad-dritt ta’ residenza taħt id-dritt Komunitarju, jew ta’ residenza permanenti tista’ tiġi kkonfiskata u jista’ jiġi rrevokat il-permess ta’ residenza jew ta’ residenza permanenti, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika (Artikoli 39(3) u 46(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea).

[…]

(5)      F’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li għexu fit-territorju Federali matul l-aħħar għaxar snin u fir-rigward tal-minuri, id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ ssir biss minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Din ir-regola ma tapplikax għal minuri meta t-telf tad-dritt ta’ residenza huwa meħtieġ fl-interess tat-tfal. Jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata għal reat jew reati mwettqa intenzjonalment b’piena ta’ ċaħda tal-libertà jew b’piena minħabba att kriminali minn minuri ta’ mhux inqas minn ħames snin li tkun saret res judicata jew tkun ġiet imposta detenzjoni preventiva matul l-aħħar kundanna definittiva tagħha, fil-każ li tkun involuta s-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew meta l-persuna kkonċernata tippreżenta theddida terroristika.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

32      N. Ziebell twieled fil-Ġermanja fit-18 ta’ Diċembru 1973 u trabba hemmhekk mal-ġenituri tiegħu.

33      Missieru, li kien ċittadin Tork ukoll irresjeda legalment fit-territorju Ġermaniż bħala ħaddiem. Wara l-mewt tiegħu fl-1991, omm N. Ziebell tqiegħdet f’dar għall-anzjani. Minn dak iż-żmien, dan tal-aħħar qatt ma għex ma’ membru ieħor tal-familja tiegħu, peress li ħutu kollha għandhom il-familji tagħhom.

34      N. Ziebell telaq mill-iskola mingħajr ma kiseb diploma u wara abbanduna taħriġ bħala bajjad. Huwa wettaq diversi impjiegi temporanji, interrotti regolarment b’perijodi ta’ qgħad u ta’ ħabs. Bejn ix-xahar ta’ Lulju 2000 u d-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni tar-rinviju huwa ma eżerċità l-ebda attività professjonali.

35      Ir-rikorrent għandu permess ta’ residenza mingħajr limitu fil-Ġermanja sa mit-28 ta’ Jannar 1991, liema permess sar awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment permanenti mill-1 ta’ Jannar 2005. It-talba għal naturalizzazzjoni li huwa ppreżenta fil-frattemp ġiet miċħuda minħabba l-fatt li huwa kien wettaq diversi reati.

36      Fl-1991, N. Ziebell beda jpejjep il-marijuana. Mill-1998, huwa beda juża l-eroina u l-kokaina b’mod regolari. Il-programm ta’ kura bil-methadone li huwa segwa fl-2001 u trattament ta’ disintossikazzjoni fl-isptar fl-2003 fallew it-tnejn.

37      Mill-1993, N. Ziebell, minħabba r-reati diversi li wettaq, ġie kkundannat għall-pieni li ġejjin:

–        fil-15 ta’ April 1993, piena għal att kriminali minn minuri ta’ sentejn u sitt xhur għal erbgħa u għoxrin serqa mwettqa ma’ oħrajn;

–        fis-17 ta’ Ottubru 1994, piena għal att kriminali minn minuri ta’ sentejn u seba’ xhur, għal feriti gravi fuq il-persuni, fejn din il-piena ġiet konfuża mal-kundanna preċedenti;

–        fid-9 ta’ Jannar 1997, għal multa minħabba l-pussess intenzjonali ta’ oġġett ipprojbit;

–        fid-9 ta’ April 1998, għal piena kkumulata ta’ sentejn ħabs minħabba tliet każijiet ta’ serq;

–        fis-7 ta’ Marzu 2002, għal piena ta’ sentejn u sitt xhur ħabs minħabba falsifikazzjoni ta’ flus, erba’ każijiet ta’ serq aggravat u attentat ta’ serq aggravat;

–        fit-28 ta’ Lulju 2006, għal piena ta’ ħabs ikkumulata ta’ tliet snin u tliet xhur għal tmien każijiet ta’ serq aggravat.

38      Sabiex jiskonta l-pieni ta’ ħabs li ġie kkundannat għalihom, N. Ziebell ġie ddetenut għal perijodi minn Jannar 1993 sa Diċembru 1994, minn Awwissu sa Ottubru 1998, minn Lulju sa Ottubru 2000, minn Settembru 2001 sa Mejju 2002, kif ukoll minn Novembru 2005 sa Ottubru 2008.

39      Fit-28 ta’ Ottubru 2008, N. Ziebell beda kura terapewtika f’istitut speċjalizzat. Mill-informazzjoni ppreżentata waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-problemi tiegħu rrelatati mad-drogi jidhru li ġew riżolti, u li ma wettaqx iktar reati minn dak iż-żmien. B’deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2009, ġiet sospiża l-eżekuzzjoni tal-parti li kienet għadha ma ġietx skontata tal-piena li kien ġie kkundannat għaliha N. Ziebell fit-28 ta’ Lulju 2006. Ir-rikorrent iżżewweġ fit-30 ta’ Diċembru 2009, sar missier u issa qed jeżerċita attività professjonali.

40      Fit-28 ta’ Ottubru 1996, N. Ziebell irċieva intimazzjoni mill-Ausländerbehörde (servizz tal-barranin), skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-barranin, minħabba ir-reati li huwa kien wettaq sa din id-data.

41      B’deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2007, ir-Regierungspräsidium Stuttgart ordnat it-tkeċċija tar-rikorrent b’effett immedjat. Madankollu, l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ġiet sospiża.

42      Ir-Regierungspräsidium Stuttgart immotivat id-deċiżjoni tagħha ta’ tkeċċija permezz tal-fatt li l-aġir tar-rikorrent kien jikkostitwixxi reati serji kontra l-ordni pubbliku, u li, fl-opinjoni tagħha, kien hemm riskju konkret u kbir li N. Ziebell iwettaq reati gravi oħra.

43      B’deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2007, il-Verwaltungsgericht Stuttgart ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn N. Ziebell kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ tkeċċija.

44      N. Ziebell ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg, fejn talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjoni ta’ tkeċċija li tirrigwardah. Insostenn tal-appell tiegħu, huwa jsostni li d-Direttiva 2004/38 tirrestrinġi l-possibbiltà għall-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri ta’ tbegħid kontra ċittadini tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħu, fid-dawl, minn naħa, tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tittrasponi l-garanziji mogħtija lir-residenti Torok li jistgħu jinvokaw dritt abbażi tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li huwa ilu jirresjedi b’mod legali fl-Istat Membru ospitanti għal iktar minn għaxar snin konsekuttivi, il-protezzjoni li huwa jibbenefika minnha kontra t-tkeċċija hija issa rregolata mill-Artikolu 28(3)(a) tal-imsemmija direttiva. Issa, fil-kawża preżenti, il-kundizzjoni determinanti meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li t-tkeċċija għandha tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika ma hijiex sodisfatta.

45      Il-Land Baden-Württemberg issostni, bil-kontra, li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma jistax japplika, b’analoġija, għal residenti Torok li għandhom dritt ta’ residenza fi Stat Membru abbażi tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Fil-fatt, b’differenza minn din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 14(1) tal-istess deċiżjoni, applikabbli fil-kawża prinċipali, isemmi bħala motivi li jistgħu jirrevokaw id-dritt ta’ residenza tar-residenti Torok fit-territorju tal-Istat Membru, mhux biss ir-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, iżda wkoll dawn tal-ordni u s-saħħa pubblika. L-Assoċjazzjoni KEE-Turkija ma timplikax l-assimilazzjoni totali maċ-ċittadini tal-Unjoni tar-residenti Torok li jistgħu jinvokaw dritt abbażi ta’ din l-assoċjazzjoni, iżda jipprevedi biss l-introduzzjoni progressiva tal-moviment liberu ta’ dawn ir-residenti.

46      Wara li nnotat li d-determinazzjoni tad-dritt tal-Unjoni relevanti bħala riferiment għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fil-kawża prinċipali ma hijiex ċara, sa fejn, minn naħa, għadha ma teżistix ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà b’analoġija tad-Direttiva 2004/38 fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija u sa fejn, min-naħa l-oħra, id-Direttiva 64/221 tħassret mid-Direttiva 2004/38, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-protezzjoni kontra t-tkeċċija stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […] u li tapplika għal ċittadin Tork, li l-pożizzjoni legali tiegħu tirriżulta mit-tieni inċiż […] tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 […] tal-imsemmija deċiżjoni u li f’dawn l-aħħar għaxar snin kellu r-residenza tiegħu fl-Istat Membru li fir-rigward tiegħu tapplika din il-pożizzjoni legali, hija konformi mal-Artikolu [hija rregolata mill-Artikolu] 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, kif implementat mill-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li tkeċċija hija ġġustifikata biss għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif iddefiniti mill-Istat Membru?”

 Fuq id-domanda preliminari

47      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ resident Tork li ssodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex jibbenefika legalment mill-istatus ġuridiku previst fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48      Hekk kif diġà ddeċidiet kemm il-darba l-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, l-imsemmi paragrafu 1 tal-Artikolu 7 jipproduċi effett dirett fl-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet ta’ impjieg li din id-dispożizzjoni tikkonferixxi fuq resident Tork partikolari jimplikaw neċessarjament ir-rikonoxximent għal dan tad-dritt relatat ta’ residenza fuq it-territtorju tal-Istat Membru ospitanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt, C‑303/08, Ġabra p. I‑13445, punti 31, 35 u 36, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2011, Pehlivan, C‑484/07, Ġabra p. I‑0000, punti 39 u 43).

49      Skont ġurisprudenza stabbilita, membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jista’ jitlef id-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħtih biss f’żewġ każijiet, jiġiferi meta l-preżenza tal-immigrant Tork fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi, minħabba l-aġir personali tiegħu, periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmija deċiżjoni, jew meta l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju ta’ dan l-Istat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Bozkurt, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Pehlivan, punt 62).

50      Din it-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-ewwel miż-żewġ sitwazzjonijiet li jwasslu għat-telf tad-drittijiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jikkonferixxi fuq ir-residenti Torok u, b’mod iktar partikolari, id-determinazzjoni tal-portata eżatta tal-eċċezzjoni tad-dritt ta’ residenza fondata fuq ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, kif stabbilit fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-deċiżjoni, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

51      Fil-fatt, huwa nnegabbli li resident Tork, bħal N. Ziebell, peress li għandu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti bl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jista’ jinvoka b’mod validu l-imsemmi Artikolu 14(1) quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru sabiex jevita l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali li tmur kontra din id-dispożizzjoni.

52      Wara li fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li kemm il-kunċett stess tal-ordni pubbliku fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u kemm il-kriterji relevanti f’dan ir-rigward u l-garanziji li l-persuna kkonċernata tista’ tinvoka f’dan il-kuntest għandhom jiġu interpretati b’analoġija mal-prinċipji ammessi għar-residenti tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 48(3) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 48(3) tat-Trattat KE, li huwa stess sar l-Artikolu 39(3) KE), kif implementat u kkonkretizzat bid-Direttiva 64/221 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, Nazli, C‑340/97, Ġabra p. I‑957, punti 55, 56 u 63; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Dörr u Ünal, C‑136/03, Ġabra p. I‑4759, punti 62 u kif ukoll 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, peress li din id-direttiva tħassret mid-Direttiva 2004/38 u li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha kien skada, jekk hemmx lok li jiġu applikati b’analoġija r-regoli stabbiliti minn din id-direttiva tal-aħħar fuq ir-residenti Torok.

53      Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ resident Tork bħal N. Ziebell, li rrisjeda b’mod regolari u mhux interrot għal iktar minn għaxar snin fl-Istat Membru ospitanti, għandu jiġi ddeterminat, b’mod iktar partikolari, jekk il-protezzjoni kontra t-tkeċċija li jibbenefika minnha skont l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni 1/80 hijiex irregolata mill-istess regoli bħal dawk li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tal-Unjoni taħt l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

54      F’dan ir-rigward, N. Ziebell isostni li hemm lok li jiġu trasposti u applikati b’analoġija d-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija stabbiliti fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, fuq sitwazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

55      Il-motivi invokati minn N. Ziebell insostenn tal-interpretazzjoni tiegħu huma bbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li wieħed mill-oġġettivi prinċipali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jikkonsisti fl-implementazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema li jikkostitwixxi wieħed mill-aspetti essenzjali tat-Trattat KE, it-tieni nett, il-fatt li ġurisprudenza stabbilità tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, kienet ittrasponiet lir-residenti Torok li jibbenefikaw minn dritt abbażi ta’ dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-prinċipji applikabbli f’dan ir-rigward fuq ir-residenti tal-Istati Membri u, it-tielet nett, il-fatt li l-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38 huma, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, issostitwiti bir-regoli previsti mid-Direttiva 64/221. Tali analoġija hija iktar iġġustifikata peress li d-Direttiva 2004/38 tippreċiża biss il-protezzjoni kontra t-tkeċċija stabbilità mid-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja billi jikkodifika, iżda mingħajr ma jestendih fundamentalment, is-sustanza tad-drittijiet individwali fil-qasam tal-moviment liberu u ta’ residenza kif stabbiliti mill-ġurisprudenza qabel id-data li fiha din id-direttiva saret applikabbli.

56      Konsegwentement, skont N. Ziebell, deċiżjoni li tippronunċa t-tkeċċija tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mit-territorju Ġermaniż ma tistax tittieħed ħlief għal “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Il-ksur ta’ natura kriminali mwettaq mir-rikorrent ma jistax, evidentement, jikkostitwixxi tali raġunijiet imperattivi u, għaldaqstant, it-tkeċċija ta’ dan tal-aħħar mill-imsemmi territorju ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni.

57      Madankollu, din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sostnuta minn N. Ziebell ma tistax tintlaqa’.

58      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza stabbilità tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-prinċipji ammessi fil-kuntest tal-artikoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema għandhom jiġu trasposti, sa fejn huwa possibbli, lir-residenti Torok li jibbenefikaw minn drittijiet abbażi tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, tali interpretazzjoni b’analoġija hija valida mhux biss għall-imsemmija artikoli tat-Trattat stess, iżda wkoll għall-atti tad-dritt derivat, adottati fuq il-bażi ta’ dawn l-artikoli, li għandhom bħala għan li jimplementaw u li jikkonkretizzaw lil dawn tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, fir-rigward tad-Direttiva 64/221, is-sentenza Dörr u Ünal, iċċitata iktar ’il fuq).

59      Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku kif stabbilità fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għall-interpretazzjoni li hija tat lil din l-istess eċċezzjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini Komunitarji, kif prevista fl-Artikolu 48(3) tat-Trattat, kif ukoll fid-Direttiva 64/221 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Nazli, iċċitata iktar ’il fuq).

60      Madankollu, hekk kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 u ta’ wara tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex possibbli li tiġi operata t-traspożizzjoni tas-sistema tal-protezzjoni li jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni kontra t-tkeċċija, kif prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, fuq il-garanziji kontra t-tkeċċija taċ-ċittadini Torok għall-ħtiġiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

61      Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li ftehim internazzjonali għandu jiġi interpretat mhux biss permezz tat-termini tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/91, tal-14 ta’ Diċembru 1991, Ġabra p. I‑6079, punt 14, u s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 1999, Eddline El-Yassini, C‑416/96, Ġabra p. I‑1209, punt 47).

62      Sabiex jiġi deċiż jekk dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tippermettix applikazzjoni b’analoġija fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija, huwa importanti li jsir paragun bejn il-finalità segwita mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll il-kuntest li tinsab fih, minn naħa, u dak segwit mill-istrument inkwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

63      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija, għandu jitfakkar li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu bħala għan, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, permezz, b’mod partikolari, tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

64      Hekk kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Assoċjazzjoni KEE-Turkija ssegwi finalità esklużivament ekonomika.

65      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, “[i]l-Partijiet Kontraenti jaqblu li ser ikunu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex bejniethom jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema.” Il-Protokoll Addizzjonali jistabbilixxi, fl-Artikolu 36 tiegħu, it-termini għat-twettiq gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija u jipprovdi li “[i]l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi l-modalitajiet neċessarji għal dan il-għan”. Minn naħa tagħha, id-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha bħala għan, skont it-tielet premessa tagħha, li ttejjeb, fil-qasam soċjali, is-sistema li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema Torok u l-membri tal-familji tagħhom.

66      Issa, kien preċiżament mit-termini tal-imsemmija dispożizzjonijiet kif ukoll mill-finalità segwita minnhom li ġurisprudenza stabbilita wara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt, (C‑434/93, Ġabra p. I‑1475, punti 19 u 20), iddeduċiet li l-prinċipji ammessi fil-kuntest tal-Artikoli 39 KE sa 41 KE għandhom, sa fejn huwa possibbli, jiġu trasposti fuq ir-residenti Torok li jibbenefikaw minn drittijiet irrikonoxxuti mill-Assoċjazzjoni KEE-Turkija (ara l-punt 58 ta’ din is-sentenza).

67      Għal dak li huwa iktar speċifikament il-portata tal-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jsir riferiment għall-interpretazzjoni li din l-istess eċċezzjoni ngħatat fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema ċittadini tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li interpretazzjoni bħal din hija iktar u iktar iġġustifikata peress li l-imsemmija dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija miktuba f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 39(3) KE (ara, b’mod partikolari s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Polat, C‑349/06, Ġabra p. I‑8167, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Isegwi li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali traspożizzjoni tal-prinċipji li huma l-bażi tal-moviment liberu abbażi tad-dritt tal-Unjoni huma ġġustifikati biss mill-għan, segwit mill-Assoċjazzjoni KEE-Turkija, li jitwettaq gradwalment il-moviment liberu tal-ħaddiema, kif jistabbilixxi l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dörr u Ünal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66). Issa, dan l-artikolu, billi jagħmel riferiment għall-artikoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiem jikkorrobora l-għan esklużivament ekonomiku li huwa l-bażi tal-imsemmija assoċjazzjoni.

69      Fir-rigward, it-tieni nett, id-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li d-Direttiva 2004/38 hija bbażata fuq l-Artikoli 12 KE, 18 KE, 40 KE, 44 KE u 52 KE. Din id-direttiva, li ma hijiex limitata sempliċiment li ssegwi għan purament ekonomiku, hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali li wieħed jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea mit-Trattat u għandha b’mod partikolari l-għan li ssaħħaħ l-imsemmi dritt (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, Ġabra p. I‑11979, punt 23).

70      B’hekk, l-imsemmija direttiva timplementa sistema ta’ protezzjoni kunsiderevolment imsaħħa kontra l-miżuri ta’ tkeċċija, li tipprovdi garanziji akbar li l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni tkun iktar b’saħħitha fl-Istat Membru ospitanti (sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 28 kif ukoll 40 u 41).

71      Barra minn hekk, il-kunċett stess ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”, li jidher fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, li jipprevedi theddida għas-sigurtà pubblika li tippreżenta livell ta’ gravità partikolarment għoli u li ma tippermettix l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tkeċċija ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, ma għandux dispożizzjoni ekwivalenti fid-Deċiżjoni Nru 1/80 (sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41).

72      Minn dan il-paragun jirriżulta li, b’differenza mid-dritt tal-Unjoni kif jirriżulta mid-Direttiva 2004/38, l-Assoċjazzjoni KEE-Turkija ssegwi biss għan purament ekonomiku u hija llimitata sabiex twettaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema.

73      Bil-kontra, il-kunċett stess ta’ ċittadinanza, li jirriżulta mill-fatt li persuna għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, bl-esklużjoni tal-kwalità ta’ ħaddiem, u li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 82, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, Ġabra p. I‑1177, punt 41), kif deskritt fl-Artikoli 17 KE sa 21 KE, huwa adattat għad-dritt tal-Unjoni fil-fażi attwali tal-iżvilupp tiegħu u jiġġustifika r-rikonoxximent għall-benefiċċju taċ-ċittadini biss tal-Unjoni ta’ garanziji li huma msaħħa b’mod raġonevoli fir-rigward it-tkeċċija, bħal dawk iddikjarati fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

74      B’hekk, peress li jeżistu differenzi sostanzjali mhux biss fit-termini tagħhom, iżda wkoll fir-rigward tal-għan u l-finalità tagħhom bejn l-Assoċjazzjoni KEE-Turkija u d-dritt tal-Unjoni li tirrigwarda ċ-ċittadinanza, iż-żewġ sistemi legali inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti, fis-sens li s-sistema ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija li jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma tistax tiġi applikata mutatis mutandis għall-bżonnijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

75      Wara li dan ġie ppreċiżat sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, trid tingħatalha xi elementi ta’ interpretazzjoni dwar il-portata konkreta tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fil-kuntest ta’ kawża bħal dik li tressqet quddiemha.

76      Hekk kif intqal diġà fil-punti 52, 58 u 59 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddetermina s-sens u l-portata tal-imsemmija dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, irreferiet tradizzjonalment għall-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva 64/221.

77      Issa, din id-direttiva tħassret mid-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 38(3) tagħha jipprovdi li r-riferimenti għad-direttivi mħassra huma kkunsidrati bħala riferimenti għad-Direttiva 2004/38.

78      Madankollu, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, li fih id-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva 2004/38 ma tapplikax b’analoġija (ara l-punt 74 ta’ din is-sentenza), hemm lok li jiġi ddeterminat kuntest ta’ referenza li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

79      L-imsemmi kuntest jikkostitwixxi, fir-rigward ta’ barrani bħal N. Ziebell, li jirresjedi legalment fl-Istat Membru ospitanti għal iktar minn għaxar snin mingħajr interuzzjoni, mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109, li, fin-nuqqas ta’ regoli iktar favorevoli fid-dritt tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija, igawdi n-natura ta’ regoli ta’ protezzjoni minima kontra t-tkeċċija ta’ kwalunkwe ċittadin ta’ Stat terz li għandu l-istatus ta’ residenti regolari għal żmien twil fit-territorju ta’ Stat Membru.

80      Qabel kollox, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-resident għal żmien twil ikkonċernat ma jistax jitkeċċa sakemm ma jirrapreżentax theddida reali u suffiċjentement gravi għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tistax tiġi ġġustifikata minn motivi ekonomiċi. Fl-aħħar, qabel ma jadottaw deċiżjoni tali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti huma marbuta jikkunsidraw id-dewmien tar-residenza tal-persuna interessata fuq it-territorju ta’ dan l-Istat, l-età tiegħu, il-konsegwenzi ta’ tkeċċija għall-persuna kkonċernata u għall-membri tal-familja tiegħu, kif ukoll ir-rabtiet li dan tal-aħħar għandu mal-Istat ta’ residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-Istat ta’ oriġini.

81      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilità tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eċċezzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni, kif previst mit-Trattat u applikabbli b’analoġija fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija jirriżulta li l-imsemmija eċċezzjoni tikkostitwixxi deroga minn dan il-libertà fundamentali, li għandha tiġi interpretata b’mod strett u li l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Anki l-miżuri ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni jew ta’ sigurtà pubblika jistgħu jittieħdu biss, wara evalwazzjoni individwali ta’ kull każ mill-awtoritajiet kompetenti, jekk jirriżulta li l-aġir individwali tal-persuna kkonċernata attwalment jirrapreżenta theddida reali u suffiċjentement gravi għall-interessi fundamentali tas-soċjetà. Waqt din l-evalwazzjoni, dawn l-awtoritajiet huma marbuta li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-parti interessata, u b’mod partikolari, id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 sa 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Miżuri bħal dawn b’hekk ma jkunux ordnati awtomatikament wara l-kundanna kriminali u bil-għan ta’ prevenzjoni ġenerali intiża sabiex tiddiswadi lill-barranin oħra milli jwettqu reati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk l-eżistenza ta’ numru ta’ kundanni penali preċedenti hija, fiha nnifisha, irrilevanti sabiex tiġġustifika tkeċċija li ċċaħħad lil ċittadin Tork mid-drittijiet li huwa għandu awtomatikament mid-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara s-sentenza Polat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36), l-istess jgħodd għal ġustifikazzjoni li tirrigwarda d-dewmien tal-perijodu ta’ priġunerija li l-persuna kkonċernata kienet suġġetta għalih.

84      Fir-rigward tad-data li għandha tinżamm sabiex tiġi ddeterminata n-natura attwali tat-theddida konkreta għall-ordni jew is-sigurtà pubblika, għandu jitfakkar ukoll li l-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, waqt il-verifika tal-legalità ta’ miżura ta’ tkeċċija meħuda kontra ċittadin Tork, li l-elementi ta’ fatt li seħħew wara d-deċiżjoni finali tal-awtoritajiet kompetenti jistgħu jindikaw it-twaqqif jew it-tnaqqis tat-theddida preżenti li l-aġir tal-persuna kkonċernata jikkostitwixxi għall-interess fundamentali inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya, C‑467/02, Ġabra p. I‑10895, punt 47).

85      Hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 sa 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa għaldaqstant fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ta’ N. Ziebell li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq bilanċ bejn, minn naħa, il-ħtieġa tal-intrużjoni prevista fuq id-dritt ta’ residenza għall-finijiet tal-protezzjoni tal-għan leġittimu segwit mill-Istat Membru ospitanti u, min-naħa l-oħra, tar-realtà tal-fatturi ta’ integrazzjoni ta’ natura li jippermettu d-dħul mill-ġdid fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Għal dan il-għan, l-imsemmija qorti jkollha tevalwa b’mod iktar partikolari jekk l-aġir taċ-ċittadin Tork jirrapreżenta attwalment theddida suffiċjentement gravi għall-interessi fundamentali tas-soċjetà, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti konkreti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar, li fosthom ma jidhrux biss l-elementi ppreżentati waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 39 ta’ din is-sentenza), iżda wkoll ir-rabtiet partikolarment stretti li l-barrani kkonċernat ħoloq fis-soċjetà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fuq it-territorju fejn twieled, għex b’mod regolari għal perijodu mhux interott ta’ iktar minn 35 sena, u issa żżewweġ ma’ ċittadina ta’ dan l-Istat Membru u qiegħed iwettaq attività professjonali.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha tiġi interpretata fis-sens li:

–        il-protezzjoni kontra t-tkeċċija mogħtija minn din id-dispożizzjoni liċ-ċittadini Torok ma tgawdix l-istess portata ta’ dik li jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, fis-sens li s-sistema ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija li jibbenefikaw minnha dawn iċ-ċittadini ma tistax tiġi applikata mutatis mutandis għall-imsemmija ċittadini Torok għall-bżonnijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata ta’ dan l-Artikolu 14(1);

–        din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tipprekludix li miżura ta’ tkeċċija bbażata fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku tittieħed kontra ċittadin Tork li għandu d-drittijiet li jipprovdilu t-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn l-aġir personali tal-persuna interessata jikkostitwixxi attwalment theddida reali u suffiċjentement gravi li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti u li din il-miżura hija indispensabbli għas-salvagwardja tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi relevanti kollha, jekk tali miżura hijiex legalment iġġustifikata fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-protezzjoni kontra t-tkeċċija mogħtija minn din id-dispożizzjoni liċ-ċittadini Torok ma għandhiex l-istess portata li jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, fis-sens li s-sistema ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija li jibbenefikaw minnha dawn iċ-ċittadini ma tistax tiġi applikata mutatis mutandis għall-imsemmija ċittadini Torok bżonnijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata ta’ dan l-Artikolu 14(1);

–        din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tipprekludix li miżura ta’ tkeċċija bbażata fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku tittieħed kontra ċittadin Tork li għandu d-drittijiet li jipprovdilu t-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn l-aġir personali tal-persuna interessata attwalment tikkostitwixxi theddida reali u suffiċjentement gravi li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti u li din il-miżura hija indispensabbli għas-salvagwardja tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi relevanti kollha, jekk tali miżura hijiex legalment iġġustifikata fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.