Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2020 minn Ernests Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA u Cassandra Holding Company SIA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fl-14 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-282/18, Bernis et vs SRB

(Kawża C-364/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ernests Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA, Cassandra Holding Company SIA (rappreżentant: O.H. Behrends, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali;

tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż tal-appellanti u għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw l-aggravji segwenti.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq il-fatt li r-Regolament Nru 806/2014 1 ma jinkludi ebda dispożizzjoni, fir-rigward ta’ ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, għall-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. L-appellanti jsostnu li dan l-aspett jikkonċerna l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati ta’ SRB tat-23 ta’ Frar 2018 u għalhekk il-fondatezza filwaqt li l-ammissibbiltà tiddependi biss mill-mod li bih effettivament aġixxa SRB (u mhux kif kellu jaġixxi).

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset bħala kunsiderazzjoni li ssostni l-konklużjoni ta’ inammissibbiltà tagħha l-fatt li l-qorti Lussemburgiża ċaħdet it-talba ta’ Luxembourg NRA għall-ħall u għall-istralċ ta’ ABLV Luxembourg. Iċ-ċaħda ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni Ewropea minn qorti nazzjonali ma trendix tali deċiżjoni ineżistenti u ma teliminax il-bżonn ta’ annullament mill-qrati Ewropej.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li n-natura volontarja tal-istralċ ta’ ABLV Bank bħala kwistjoni tad-dritt Latvjan tkun rilevanti jekk, kif tikkonferma l-Qorti Ġenerali, l-istralċ kien ordnat mid-deċiżjonijiet ta’ SRB.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li effett legali dirett suffiċjenti huwa eskluż minħabba l-fatt li l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati tinvolvi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali. L-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-implimentazzjoni hija irrilevanti sa fejn l-allegat effett legali huwa rregolat mid-dritt Ewropew.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li n-natura tal-implimentazzjoni tal-att speċifikament ġudizzjarja hija rilevanti skont l-Artikolu 263 TFUE.

Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li kwalunkwe diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-implimentazzjoni teskludi l-effett legali dirett.

Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq fehim skorrett tal-kunċett ta’ “regoli intermedji” kif żviluppat fil-ġurisprudenza.

It-tmien aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali siltet konklużjonijiet żbaljati mis-sempliċi forma tal-atti kkontestati.

Id-disa’ aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tapplika l-Artikolu 263 TFUE fi-dawl tal-gwida speċifika pprovduta fir-Regolament Nru 806/2014 dwar l-istħarriġ tal-atti ta’ SRB.

L-għaxar aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dritt tal-appellanti skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u ħolqot lakuna fil-protezzjoni legali.

Il-ħdax-il aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li bħala prekawzjoni d-digriet appellat huwa bbażat fuq distorsjoni manifesta tal-atti kkontestati jekk ġie interpretat fis-sens li l-atti kkontestati ma ordnawx l-istralċ ta’ ABLV Latvia u ta’ ABLV Luxembourg. Dan l-aggravju huwa invokat sempliċement bħala prekawzjoni. L-appellanti ma humiex tal-fehma li hemm bażi sabiex id-digriet appellat jiġi interpretat b’dan il-mod.

It-tnax-il aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-digriet appellat huwa bbażat fuq interpretazzjoni skorretta tal-ġurisprudenza rilevanti, inklużi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Trasta Komercbanka et vs BĊE (C-663/17) u Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-463/10).

It-tlettax-il aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-digriet appellat ma huwiex suffiċjentement motivat.

____________

1     Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014 L 225, p. 1).