Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzgericht (Außenstelle Graz) (l-Awstrija) fil-5 ta’ Awwissu 2019 – SK Telecom Co. Ltd.

(Kawża C-593/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzgericht (Außenstelle Graz)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SK Telecom Co. Ltd.

Konvenut: Finanzamt Graz-Stadt

Domandi preliminari

L-Artikolu 59a(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , fil-verżjoni li tinstab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 206/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ roaming fi Stat Membru, fil-kuntest ta’ aċċess għan-netwerk tat-telefonija ċellulari nazzjonali sabiex jiġu stabbiliti telefonati li jkunu deħlin u telefonati li jsiru, minn “klijent finali li ma huwiex taxxabbli” li jirrisjedi b’mod temporanju fit-territorju nazzjonali jikkostitwixxi “użu u sfruttar” fit-territorju nazzjonali li jippermetti t-trasferiment tal-post ta’ provvista tas-servizz mill-pajjiż terz għal dan l-Istat Membru, minkejja li la l-operatur tat-telefonija ċellulari li jipprovdi s-servizzi u lanqas il-klijent finali ma huma stabbiliti fit-territorju tal-Komunità u l-klijent finali wkoll ma għandux id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tal-Komunità?

L-Artikolu 59a(b) tad-Direttiva 2006/112, fil-verżjoni li tinstab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/8, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post ta’ provvista tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni kif deskritt fl-ewwel domanda, li skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2006/112, fil-verżjoni li tinstab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/8 jinsab barra mit-territorju tal-Komunità, jista’ jiġi ttrasferit lejn it-territorju ta’ Stat Membru, minkejja li la l-operatur tat-telefonija ċellulari li jipprovdi s-servizzi u lanqas il-klijent finali ma huma stabbiliti fit-territorju tal-Komunità u l-klijent finali wkoll ma għandux id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tal-Komunità, sempliċement għaliex, fil-pajjiż terz, is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni ma huma suġġetti għall-ebda taxxa komparabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud prevista mid-dritt tal-Unjoni?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

2     ĠU 2008, L 44, p. 11.