Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju) fit-2 ta’ Awwissu 2018 – Ordre des barreaux francophones et germanophone, Académie Fiscale ASBL, UA, Liga voor Mensenrechten ASBL, Ligue des Droits de l’Homme ASBL, VZ, WY, XX vs Conseil des ministres

(Kawża C-520/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour constitutionnelle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ordre des barreaux francophones et germanophone, Académie Fiscale ASBL, UA, Liga voor Mensenrechten ASBL, Ligue des Droits de l’Homme ASBL, VZ, WY, XX

Konvenut: Conseil des ministres

Parti oħra fil-proċedura: Child Focus

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, 1 meta moqri flimkien mad-dritt għas-sigurtà, iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u mad-dritt għall-osservanza tad-data personali, kif iggarantit mill-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tipprevedi obbligu ġenerali għall-operaturi u għall-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jżommu d-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2002/58/KE, iġġenerata jew ipproċessata minnhom fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, liema leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex biss l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji bħala għan, iżda wkoll il-garanzija tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża tat-territorju u tas-sigurtà pubblika, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati oħra minbarra dawk kriminali serji jew il-prevenzjoni ta’ użu pprojbit ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni elettronika, jew it-twettiq ta’ għan ieħor imsemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 2 u li, barra minn hekk, huwa suġġett għal garanziji ppreċiżati f’din il-leġiżlazzjoni mil-lat taż-żamma tad-data u tal-aċċess għaliha?

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, flimkien mal-Artikoli 4, 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tipprevedi obbligu ġenerali għall-operaturi u għall-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jżommu d-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2002/58/KE, iġġenerata jew ipproċessata minnhom fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, jekk din il-leġiżlazzjoni għandha, b’mod partikolari, l-għan li twettaq l-obbligi pożittivi li jaqgħu fuq l-awtorità skont l-Artikoli 4 u 8 tal-Karta, li jikkonsistu milli din tipprevedi qafas legali li jippermetti investigazzjoni kriminali effettiva u repressjoni effettiva tal-abbuż sesswali tal-minuri u li effettivament jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna responsabbli għar-reat, anki meta jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika?

Jekk, abbażi tar-risposti mogħtija għall-ewwel jew għat-tieni domanda preliminari, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkonkludi li l-liġi attakkata ma jirnexxiliex twettaq xi obbligu jew diversi obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dawn id-domandi, tista’ din temporanjament iżżomm l-effetti tal-liġi tad-29 ta’ Mejju 2016 dwar il-ġbir u ż-żamma tad-data fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika sabiex tiġi evitata l-inċertezza ġuridika u sabiex ikun permess li d-data miġbura u miżmuma preċedentement tkun tista’ terġa’ tiġi użata għall-għanijiet imsemmija fil-liġi?

____________

1     Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

2     Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1.