Language of document : ECLI:EU:F:2008:137

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

5 ta’ Novembru 2008

Kawża F-48/06

Eric Avanzata et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni u remunerazzjoni – Ex ħaddiema impjegati taħt id-dritt Lussemburgiż”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu E. Avanzata u 20 membru ieħor tal-persunal bil-kuntratt tal‑Kummissjoni jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-kap tad-diviżjoni tal‑persunal tal-Uffiċċju “Infrastruttura u loġistika” fil-Lussemburgu li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ tagħhom u, b’mod partikolari, il-grupp ta’ funzjonijiet tagħhom, il-grad tagħhom, l-iskala tagħhom u r-remunerazzjoni tagħhom.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Terminu għall-produzzjoni tal-provi – Artikolu 42 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(1), u l-Artikoli 48(1) u 66(2); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(1), u l-Artikoli 42 u 58(5)).

2.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Nuqqas ta’ produzzjoni tal-att ikkontestat

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(3) sa (6))

3.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 117)

4.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Data tat-tressiq – Riċezzjoni mill-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 117)

5.      Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – Applikabbiltà tat-Titolu IV, dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt, mhux suġġetta għall-adozzjoni minn qabel tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi li fir-rigward ta’ kull tip ta’ kompitu tad-diversi gruppi ta’ funzjonijiet ta’ dawn il-membri tal-persunal

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 80(2) u (3), u Titolu IV; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

6.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Kumpens għat-tnaqqis fir-remunerazzjoni mġarrab mill-membri tal-persunal preċedentament impjegati taħt id-dritt nazzjonali

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Anness, Artikolu 2(2))

7.      Uffiċjali – Rappreżentanza – Kumitat tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3))

1.      Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li huwa riprodott, essenzjalment, fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-provi li jkunu ser jiġu prodotti għandhom, fil-prinċipju, jiġu indikati fir-risposta. Madankollu, kif hemm fl-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Artikolu 42 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprovdi li l-partijiet jistgħu wkoll jipproduċu provi sat-tmiem tas-seduta, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw debitament għaliex dawn il-provi ġew prodotti tard.

Madankollu, il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti wara li titressaq prova kuntrarja mill-kontroparti ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 42 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-produzzjoni ta’ provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 58(5) tal-imsemmija regoli, li jirriproduċi l-Artikolu 66(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprovdi li parti tista’ dejjem tipproduċi prova kuntrarja jew tippreżenta elaborazzjoni tal-provi prodotti.

Il-kopji ta’ kuntratti tal-membri tal-persunal bil-kuntratt li l-kontenut tagħhom huwa differenti minn dak ta’ kuntratti kkomunikati mill-kontroparti ma jikkostitwixxux provi ġodda, iżda provi kuntrarji għal dawk prodotti mill-kontroparti li ma humiex suġġetti għall-imsemmija regola ta’ dekadenza.

(ara l-punti 33 sa 38)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punti 71 u 72; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Settembru 1993, Nielsen u Møller vs KES, T‑84/92, Ġabra p. II‑949, punt 39; 6 ta’ Marzu 2001, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑100/00, ĠabraSP p. I‑A‑71 u II‑347, punt 19; 5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 189; 12 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Trends, T‑449/04, Ġabra p. II‑106*, punt 59

2.      Għalkemm, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-Artikolu 44(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors għandu jkollu anness, jekk ikun il-każ, l-att li qed jintalab l-annullament tiegħu, la l-imsemmi statut u lanqas l-imsemmija regoli tal-proċedura ma jipprovdu li n-nuqqas li jiġi anness dan l-att iwassal awtomatikament għall-inammissibbiltà tar-rikors. Fil-fatt, skont l-Artikolu 44(6) tal-imsemmija regoli tal-proċedura, jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-obbligi stabbiliti mill-Artikolu 44(3) sa (5) ta’ dawn l-istess regoli, ir-reġistratur għandu jistabbilixxi terminu raġonevoli sabiex ir-rikorrent jirregolarizza r-rikors jew il-produzzjoni tal-atti msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet. Fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni jew ta’ produzzjoni ta’ atti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi jekk il-ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet iwassalx għall-inammissibbiltà formali tar-rikors.

Fil-każ madankollu li r-reġistratur ma jitlobx lir-rikorrent sabiex jirregolarizza r-rikors tiegħu jew sabiex jipproduċi l-atti neqsin, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tipprekludi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jieħu miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex jiġi prodott l-att inkwistjoni. Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(6) tal-imsemmija regoli tal-proċedura ma jirriżultax li rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fuq il-bażi biss ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44(4) tal-istess regoli meta r-rikorrent ma jkunx ġie mistieden jikkompleta r-rikors tiegħu.

(ara l-punti 48 sa 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Awwissu 2003, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, T‑158/03 R, Ġabra p. II‑3041, punt 44

3.      Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għal membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 117 tal-Kondizzjoni ta’ impieg applikabbli għal impjegati oħra, ilment kontra att li jikkawża preġudizzju għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni lid-destinatarju u, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard mill-jum meta l-persuna kkonċernata tkun taf li hija miżura ta’ natura individwali. Sabiex deċiżjoni tkun debitament innotifikata fis-sens tal-imsemmi Artikolu 90(2), jeħtieġ mhux biss li hija tiġi nnotifikata lid-destinatarju tagħha, iżda wkoll li dan ikun f’pożizzjoni li jkun effettivament jaf bil-kontenut tagħha.

Madankollu, il-fatt li membru tal-persunal bil-kuntratt isir jaf bil-kontenut tal-kuntratt tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ tliet xhur sabiex jitressaq ilment. Fil-fatt, huwa minn meta jiġi ffirmat il-kuntratt bejn membru tal-persunal u istituzzjoni li dan il-kuntratt ikollu l-effetti tiegħu u, għaldaqstant, ikun jista’ jikkawża preġudizzju lill-membru tal-persunal, sa fejn l-elementi kollha tal-kuntratt ikunu stabbiliti.

(ara l-punti 59 sa 62)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Ġunju 1976, Jänsch vs Il‑Kummissjoni, 5/76, Ġabra p. 1027, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Lulju 2002, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑137/99 u T‑18/00, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑639, punt 56; 14 ta’ Frar 2005, Ravailhe vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑406/03, ĠabraSP p. I‑A‑19 u II‑79, punt 57; 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 121; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 21 ta’ Frar 2008, Vande Velde vs Il‑Kummissjoni, F‑60/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25; 10 ta’ Lulju 2008, Maniscalco vs Il‑Kummissjoni, F‑141/04, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 25

4.      Rigward id-determinazzjoni tad-data li fiha jitressaq ilment kontra att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għalkemm huwa minnu li l-fatt li amministrazzjoni twaħħal timbru ta’ reġistrazzjoni fuq dokument li ntbagħat lilha ma jistax jagħti data definittiva għall-preżentata ta’ dan id-dokument, dan xorta waħda jikkostitwixxi mezz, li jaqa’ taħt ġestjoni amministrattiva tajba, tali li abbażi tiegħu wieħed jista’ jippreżumi, sakemm jiġi pprovat mod ieħor, li l-imsemmi dokument wasal għandha fid-data indikata. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-uffiċjal li għandu jressaq il-provi kollha li jistgħu jirribattu l-preżunzjoni mogħtija mit-timbru ta’ reġistrazzjoni u b’hekk jistabbilixxi li l-ilment kien effettivament tressaq f’data oħra.

(ara l-punt 67)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 15 ta’ Mejju 2006, Schmit vs Il‑Kummissjoni, F‑3/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑9 u II‑A‑1‑33, punti 29 u 30

5.      Ebda dispożizzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jew tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra, ma tissuġġetta l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar ir-reklutaġġ tagħhom, għall-adozzjoni ta’ deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi prevista fl-Artikolu 80(3) tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg.

Għalhekk, ma jistax jiġi argumentat validament li istituzzjoni Komunitarja kisret il-prinċipju ta’ ġestjoni tajba u ta’ amministrazzjoni tajba meta ma tkunx iddeskriviet b’mod preċiż, fid-dispożizzjonijiet interni tagħha dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, il-funzjonijiet u l-kompetenzi għal kull tip ta’ kompiti li jikkaratterizzaw kull wieħed mill-gruppi ta’ funzjonijiet deskritti fl-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra.

Barra minn hekk, minħabba li l-imsemmija dispożizzjonijiet interni ma jiddeskrivux il-funzjonijiet u l-kompetenzi fis-sens tal-Artikolu 80(3) tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra, ebda irregolarità proċedurali ma tista’ tiġi invokata li tirriżulta min-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, kif prevista fl-istess Artikolu 80(3).

(ara l-punti 89 sa 93)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, ĠabraSP p. II‑A‑1‑409, punt 52, ikkonfermata mill-Qorti tal‑Prim’Istanza 9 ta’ Lulju 2007, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, T‑415/06 P, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 40

6.      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta b’mod ċar li l-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali, fil-każ ta’ tnaqqis ta’ remunerazzjoni, wara r-reklutaġġ, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, ta’ ħaddiem li qabel kien marbut mal-istituzzjoni permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg taħt il-liġi tal-Istat Membru fejn kien assenjat, meta mqabbla ma’ dik li kien jirċievi f’din l-aħħar attività, huwa sempliċi għażla tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 2(2) iħalli marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-istituzzjoni sabiex tistabbilixxi l-ammont addizzjonali sa fejn hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet applikabbli fil-qasam tat-tassazzjoni, tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet u r-regoli applikabbli għall-membru tal-persunal bil-kuntratt.

(ara l-punt 101)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 5 ta’ Lulju 2007, Abarca Montiel et vs Il‑Kummissjoni, F‑24/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 92; 5 ta’ Lulju 2007, Ider et vs Il‑Kummissjoni, F‑25/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 92; 5 ta’ Lulju 2007, Bertolete et vs Il‑Kummissjoni, F‑26/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 80

7.      Għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-Kumitat tal-Persunal jirrappreżenta l-interessi tal-persunal fl‑istituzzjoni, jiżgura kuntatt permanenti bejn din l-istituzzjoni u l-persunal u jikkopera għat‑tħaddim tajjeb tas-servizzi billi jippermetti l-formulazzjoni u l-espressjoni tal-opinjoni tal-membri tal-persunal, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li toħloq, għall-istituzzjoni, obbligu ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal dwar il-miżuri kollha meħuda minn din l-istituzzjoni dwar il-funzjonament tas-servizzi.

(ara l-punti 115 u 116)