Language of document : ECLI:EU:F:2013:168

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

5 ta’ Novembru 2013

Kawża F‑104/11

Gábor Bartha

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/56/06 — Ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni — Miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza F‑50/08”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Bartha prinċipalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/56/06 li tinformah li huwa ma għaddiex mill-eżamijiet il-ġodda tal-kompetizzjoni organizzati sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. G. Bartha għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikors tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tiftaħ mill-ġdid proċedura ta’ kompetizzjoni li ma tobbligax lill-kandidat jissottometti ruħu għal eżamijiet ġodda — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

2.      Rikors tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Annullament tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li kandidat ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva — Ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni fir-rigward tar-rikorrent biss — Modalità ta’ eżekuzzjoni adegwata

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 28(d))

1.      Deċiżjoni tal-amministrazzjoni, meħuda bħala miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament, li tillimita ruħha tinforma lill-kandidat ikkonċernat dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ mill-ġdid, fir-rigward tiegħu, il-proċedura ta’ kompetizzjoni u li twaqqaf Bord tal-Għażla kompost skont il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza ta’ annullament, li ma tobbligax lill-kandidat jissottometti ruħu għall-eżamijiet il-ġodda, ma tistax titqies bħala li tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tiegħu, u għaldaqstant ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punti 32 u 33)

2.      Fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla li kandidat ma jiġix inkluż f’lista ta’ riżerva, is-sentenza ta’ annullament titqies bħala li ġiet korrettament eżegwita jekk tinsab soluzzjoni xierqa.

Fil-każ ta’ kompetizzjoni ġenerali organizzata għall-istabbiliment ta’ riżerva għar-reklutaġġ li l-eżamijiet tagħha kienu ġew ivvizzjati, id-drittijiet ta’ kandidat li ġie eliminat illegalment huma protetti b’mod xieraq jekk l-Awtorità tal-Ħatra tipproċedi għall-ftuħ mill-ġdid ta’ din il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ dan il-kandidat.

Anki jekk huwa veru li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ kompetizzjoni la jista’ jirrimedja kompletament il-vizzju ssanzjonat mis-sentenza ta’ annullament u lanqas jiżgura osservanza sħiħa tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dan jista’ jippermetti li s-sentenza ta’ annullament tiġi eżegwita b’mod xieraq, peress li dan fil-fatt jikkostitwixxi l-unika soluzzjoni li tista’ toffri mill-ġdid lill-kandidat eliminat illegalment, fil-kuntest tal-kompetizzjoni, possibbiltà li jinħatar bħala uffiċjal. Fil-fatt, mill-Artikolu 28(d) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li ħadd ma jista’ jinħatar bħala uffiċjal jekk huwa ma jkunx, b’mod partikolari, għadda minn kompetizzjoni.

(ara l-punti 36, 37, 39, 42 u 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 144/82, punt 33; 6 ta’ Lulju 1993, Il‑Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Mejju 2000, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99, punt 23

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2012, Honnefelder vs Il‑Kummissjoni, F‑42/11, punt 49