Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) fit-8 ta’ Lulju 2019 – CB vs Tribunal Económico Administrativo Regional de Galicia

(Kawża C-521/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Galicia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: CB

Konvenuta: Tribunal Económico Administrativo Regional de Galicia

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-prinċipji ta’ newtralità u ta’ projbizzjoni tal-frodi fiskali, tal-abbuż mid-dritt u ta’ distorsjoni illegali tal-kompetizzjoni, l-Artikoli 73 u 78 tad-Direttiva 2006/112/KE 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali u l-ġurisprudenza li tinterpretaha li skonthom, meta l-awtorità fiskali tiskopri tranżazzjonijiet moħbija suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud mhux iffatturati, għandu jitqies li t-taxxa fuq il-valur miżjud hija inkluża fil-prezz maqbul mill-partijiet għall-imsemmija tranżazzjonijiet?

Tali interpretazzjoni tippermetti, f’każijiet ta’ FRODI li fihom it-tranżazzjoni ma tkunx ġiet żvelata lill-awtorità fiskali, li jitqies, kif jista’ jiġi dedott mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Lulju 2016, Astone (C-332/15 2 ), tal-5 ta’ Ottubru 2016, Maya Marinova (C-576/15 3 ), u tas-7 ta’ Marzu 2018, Dobre (C-159/17 4 ), li l-ammonti mħallsa u rċevuti ma jinkludux il-VAT għall-finijiet tal-likwidazzjoni tal-impożizzjoni tas-sanzjoni korrispondenti.

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

2     Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Astone (C-332/15, EU:C:2016:614).

3     Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2016, Maya Marinova (C-576/15, EU:C:2016:740).

4     Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Dobre (C-159/17, EU:C:2018:161).