Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ottubru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Najwyższy - il-Polonja) – proċedura mibdija minn POLBUD – WYKONAWSTWO sp. z o.o., fi stralċ

(Kawża C-106/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Konverżjoni transkonfinali ta’ kumpannija – Trasferiment tas-sede statutorja mingħajr trasferiment tas-sede reali – Rifjut ta’ tħassir mir-reġistru kummerċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tħassir mir-reġistru kummerċjali għax-xoljiment tal-kumpannija wara proċedura ta’ stralċ – Kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati – Ġlieda kontra l-prattiki abbużivi)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

POLBUD - WYKONAWSTWO sp. z o.o., fi stralċ

Dispożittiv

L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-libertà ta’ stabbiliment tapplika għat-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħha, konformement mal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ieħor, f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan tal-aħħar, mingħajr trasferiment tas-sede reali tal-imsemmija kumpannija.

L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta t-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħha f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan l-aħħar Stat Membru, konformement mal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tiegħu, għall-istralċ tal-ewwel kumpannija.

____________

1     ĠU C 211, 13.6.2016