Language of document : ECLI:EU:F:2008:141

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Novembru 2008 (*)

“Servizz pubbliku – Assistent tekniku – Eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ”

Fil-Kawża F‑88/07,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Aritkoli 236 KE u 152 KEEA,

Juan Luís Domínguez González, residenti f’Girona (Spanja), inizjalment irrappreżentat minn R. Nicolazzi Angelats, avukat, sussegwentement minn R. Nicolazzi Angelats u M.-C. Oller Gil, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

kompost, waqt id-deliberazzjonijiet, minn P. Mahoney (Relatur), President, I. Boruta u H. Tagaras, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2008,

jagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Awwissu 2007, J. L. Domínguez González talab li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ EUR 20,310.68 bħala kumpens għad-danni li huwa allegatament ġarrab mit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu wara l-eżami mediku li jsir mar-reklutaġġ.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 235 KE, “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Komunitajiet Ewropej] hi kompetenti li tittratta każijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kumpens għal danni kif previst fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 [KE]”.

3        Skont l-Artikolu 236 KE, “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja hi kompetenti tiddeċiedi kull tilwima bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal [tal-Komunitajiet Ewropej] jew il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg”.

4        L-Artikolu 238 KE jipprovdi li “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja hi kompetenti li tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola ta’ l-arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt li jkun sar, skond id-dritt pubbliku jew privat, mill-Komunità jew f’isimha”.

5        L-Artikolu 282 KE jipprovdi li:

“F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Komunità għandha tippossjedi il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesa’ mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; b’mod partikolari, hija tkun tista’ tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. Għal dan il-għan, il-Komunità għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni.”

6        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE jipprovdi dan li ġej:

“Fil-każ ta’ responsabilità mhux kontrattwali, il-Komunità għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.”

7        Skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-azzjonijiet kontra l-Komunitajiet f’materja ta’ responsabbiltà non-kontrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. […]”

8        L-Artikolu 1 tal-Anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li:

“It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea […] għandu jeżerċita fi prim’istanza l-kompetenza li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom skond l-Artikolu 236 […] KE u l-Artikolu 152 […] KE[E]A, inklużi dawk il-kwistjonijiet bejn il-korpi jew agenziji kollha u l-impjegati tagħhom li fir-rigward tagħhom il-kompetenza hija attribwita lill-Qorti tal-Ġustizzja.”

9        It-Titolu VII, intitolat “Appelli” tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jinkludi l-Artikolu 91, li jipprovdi li “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja […] għandu jkollu [jkollha] ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn il-Komunitajiet u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal […]”.

10      L-Artikolu 1 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ meta ġie konkluż il-kuntratt tar-rikorrent (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki” jew il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), jipprovdi:

“Dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandhom japplikaw għal kull impjegat irreklutat b’kuntratt mill-Komunitajiet.

Tali impjegat jista’ jkun:

–      membru tal-persunal temporanju,

–      membru tal-persunal awżiljarju,

–      membru tal-persunal lokali,

–      konsulent speċjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Skont l-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki:

“Għall-finijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa kkunsidrat bħala ‘membru tal-persunal temporanju’ l-impjegat irreklutat:

a)      sabiex jokkupa pożizzjoni inkluża fil-lista tal-pożizzjonijiet annessa mat-taqsima tal-baġit marbuta ma’ kull istituzzjoni u li l-awtoritajiet baġitarji kkunsidraw bħala ta’ natura temporanja;

b)      sabiex jokkupa, fuq bażi temporanja, pożizzjoni permanenti inkluża fil-lista tal-pożizzjonijiet annessa mat-taqsima tal-baġit marbuta ma’ kull istituzzjoni;

ċ)      sabiex jassisti persuna li l-mandat tagħha huwa previst mit-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet, jew mit-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, jew sabiex jassisti president elett ta’ istituzzjoni jew ta’ organu tal-Komunitajiet jew ta’ grupp politiku tal-Parlament Ewropew u li ma jkunx uffiċjal tal-Komunitajiet;

d)      sabiex jokkupa, fuq bażi temporanja, pożizzjoni permanenti li r-remunerazzjoni tiegħu titħallas mill-approprjazzjonijiet tar-riċerka u l-investiment u li huwa inkluż fil-lista tal-pożizzjonijiet annessi mal-baġit tal-istituzzjoni kkonċernata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Skont l-Artikolu 3 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki:

“Għall-finijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impieg, huwa kkunsidrat bħala ‘membru tal-persunal awżiljarju’ l-impjegat irreklutat:

a)      sabiex jeżerċita, fuq bażi full-time jew part-time, fil-limiti previsti fl-Artikolu 52, funzjonijiet f’istituzzjoni mingħajr ma jkun assenjat f’pożizzjoni inkluża fil-lista tal-pożizzjonijiet annessa mat-taqsima tal-baġit marbuta ma’ din l-istituzzjoni;

b)      wara li jkunu eżaminati l-possibbiltajiet ta’ pożizzjoni interim minn fost l-uffiċjali tal-istituzzjoni, sabiex jissostitwixxi ċerti persuni li ma jkunux jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod provviżorju […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Skont l-Artikolu 4 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki:

“Għall-finijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa kkunsidrat bħala membru tal-persunal lokali l-impjegat irreklutat skont l-użanzi lokali sabiex iwettaq kompiti manwali jew ta’ servizz f’pożizzjoni mhux prevista fil-lista tal-pożizzjonijiet annessa mat-taqsima tal-baġit marbuta ma’ kull istituzzjoni, u li r-remunerazzjoni tiegħu titħallas mill-approprjazzjonijiet globali disponibbli għal dan il-għan f’din it-taqsima tal-baġit. B’mod eċċezzjonali, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll bħala membru tal-persunal lokali l-impjegat irreklutat sabiex iwettaq kompiti eżekuttivi fi ħdan l-uffiċċji tad-dipartiment tal-istampa u l-informazzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

Fil-postijiet ta’ assenjazzjoni li jinsabu barra mill-Istati tal-Komunitajiet, jista’ jiġi kkunsidrat bħala membru tal-persunal lokali l-impjegat irreklutat sabiex iwettaq kompiti differenti minn dawk indikati fl-ewwel paragrafu u li, fl-interess tas-servizz, ma setgħux jiġu assenjati lil uffiċjali jew lil impjegat ieħor li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji l-oħra msemmija fl-Artikolu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Skont l-Artikolu 5 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki:

“Għall-finijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa kkunsidrat bħala konsulent speċjali l-impjegat li, minħabba l-kwalifiki eċċezzjonali tiegħu u minkejja li jeżerċita attivitajiet professjonali oħra, jitqabbad sabiex jagħti l-assistenza tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet jew b’mod regolari jew għal perijodi fissi, u li r-remunerazzjoni tiegħu titħallas mill-approprjazzjonijiet globabli disponibbli għal dan il-għan fit-taqsima tal-baġit marbuta mal-istituzzjoni kkonċernata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      L-Artikolu 79 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki jipprovdi li:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu, il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal lokali, b’mod partikolari fir-rigward:

a)      tal-modalitajiet tar-reklutaġġ tagħhom u tat-terminazzjoni tal-impjieg tagħhom,

b)      tal-leave,

c)      tar-remunerazzjoni tagħhom,

għandhom jiġu stabbiliti minn kull istituzzjoni fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni u tal-użanzi eżistenti fil-post fejn l-impjegat huwa meħtieġ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      L-Artikolu 81 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki jipprovdi dan li ġej:

“1. Kull tilwima bejn l-istituzzjoni u l-membru tal-persunal lokali li jservi fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għall-qorti kompetenti skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-post fejn dan il-membru tal-persunal jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.

2. Kull tilwima bejn l-istituzzjoni u l-membru tal-persunal lokali li jservi f’pajjiż terz għandha tkun suġġetta għal bord ta’ arbitraġġ skont il-kondizzjonijiet iddefiniti fil-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt ta’ dan il-membru tal-pesunal.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      Skont l-Artikolu 122 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ wara l-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg il-ġodda” jew il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”, kull tilwima bejn l-istituzzjoni u l-membru tal-persunal lokali li jservi f’pajjiż terz għandha tintbagħat quddiem bord ta’ arbitraġġ skont il-kondizzjonijiet iddefiniti fil-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt ta’ membru tal-persunal lokali.

18      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 46, 73 u 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanji, għall-membri tal-persunal awżiljarji u għall-konsulenti speċjali. Mill-Artikoli 46, 73, 117 u 124 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg il-ġodda jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanji, għall-membri tal-persunal awżiljarji, għall-membri tal-persunal kuntrattwali u għall-konsulenti speċjali.

19      L-Artikolu 3 tad-Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss ta’ assistenti tekniċi għall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-benefiċċju ta’ pajjiżi terzi u fil-kuntest tal-għajnuna umanitarja jew alimentari tal-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem id-“Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg ta’ assistenti tekniċi”) kien jippreċiża dan li ġej:

“Il-kontraenti huwa rreklutat taħt kuntratt ta’ impjieg għal żmien fiss inkonformità mal-klawżoli tal-kuntratt.

[…]

Fid-dawl tal-kuntest li tagħmel parti minnu l-missjoni ta’ assistenza teknika, tan-numru kbir ta’ partijiet li jintervjenu fl-implementazzjoni u fil-finanzjament tagħha, u fid-dawl tal-għan tagħha – jiġifieri li eventwalment tiġi ssostitwita bir-riżorsi u l-potenzjal tal-pajjiż benefiċjarju stess –, huwa magħruf li l-funzjoni ta’ assistent tekniku għandha element partikolari u aleatorja fejn jidħlu l-evoluzzjoni u t-tul ta’ żmien tagħha li la l-prinċipal u lanqas il-kontraenti ma għandhom kontroll fuqu. Għalhekk, din il-funzjoni ta’ assistent tekniku ma taqax f’kuntest normali ta’ impjieg u tista’ tagħti lok biss għall-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien fiss, għal żmien limitat u li ma jistgħux jiġġeddu b’tiġdid taċitu. Madankollu, iċ-ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq jistgħu jiġġustifikaw, jekk ikun il-każ, kuntratti għal żmien fiss suċċessivi.

Fil-każ li l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet ta’ assistenza teknika ta’ pajjiż benefiċjarju u tar-riżorsi tal-għajnuna Komunitarja tippermetti l-konklużjoni ta’ diversi kuntratti għal missjonijiet differenti, irrispettivament mir-ritmu u/jew mid-dettalji ta’ dawn il-kuntratti suċċessivi u mit-tul tal-eventwali waqfien, il-kontinwità apparenti fil-funzjonijiet tal-kontraenti ma għandhiex l-effett li tibdel in-natura tal-kuntratt f’kuntratt għal żmien indeterminat. Il-partijiet jirrikonoxxu li n-natura partikolari tal-missjoni ta’ assistenza teknika u n-natura aleatorja tagħha jorbtuhom bl-istess mod u jaċċettaw espressament l-effetti tagħha fuq in-natura tal-obbligi kuntrattwali tagħhom.

Il-kontraenti jirrikonoxxi b’mod partikolari li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni bħala prinċipal ma tistax tkun f’pożizzjoni li tassiguralu impjieg ta’ natura permanenti u li dan l-aspett huwa meħud inkunsiderazzjoni fil-livell tar-remunerazzjonijiet.

Dan ir-rikonoxximent huwa kondizzjoni essenzjali tal-kutnratt.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      L-Artikolu 8 tad-Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg ta’ assistenti tekniċi kien ifformulat kif ġej:

“Il-kontraenti huwa marbut jissottometti ruħu, għand tobba approvati mill-Kummissjoni, għall-eżamijiet mediċi kollha u għat-tilqim kollu li jistgħu jiġu deċiżi minnha. […]

Il-Kummissjoni tista’ ttemm dan il-kuntratt jekk jiġi ddikjarat li l-kontraent mhux tajjeb sabiex iwettaq il-kompiti [ta’ assistent tekniku].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

21      Fit-30 ta’ Ġunju 1999, ir-rikorrent iffirma mal-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, “kuntratt ta’ impjieg”, bil-ħsieb li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ “assistent tekniku” fir-Repubblika tal-Kongo u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fil-kuntest tal-għajnuna umanitarja implementata mill-Uffiċċju għall-Għajnuna Umanitarja tal-Komunitajiet Ewropej (ECHO).

22      Bejn l-1 ta’ Lulju 1998 u t-30 ta’ Ġunju 1999, ir-rikorrent ħadem fil-Kolombja bl-istess status ta’ assistent tekniku.

23      Mal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent konkluż fit-30 ta’ Ġunju 1999 kienu mehmuża tliet annessi. L-Anness I kien jinkludi d-Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg ta’ assistenti tekniċi, li kienu applikabbli taħt l-Artikolu 3 tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent. L-anness II kien jistabbilixxi l-kondizzjonijiet finanzjarji relatati ma’ dan il-kuntratt ta’ impjieg filwaqt li l-Anness III kien jispeċifika l-portata tal-missjoni mogħtija lill-persuna kkonċernata.

24      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent kien ifformulat kif ġej:

“Dan il-kuntratt huwa rregolat mid-dritt Belġjan u b’mod partikolari mil-Liġi tat-3 ta’ Lulju 1978 dwar il-kuntratti ta’ impjieg, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar it-terminazzjoni ta’ kuntratt minn waħda mill-partijiet kontraenti.”

25      L-Artikolu 6 tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent fih il-klawżola segwenti:

“Kull tilwima bejn il-partijiet kontraenti u kull pretensjoni ta’ parti fil-konfront tal-oħra, ibbażati fuq dan il-kuntratt, li fir-rigward tagħhom ma setax jintlaħaq ftehim bonarju bejn il-partijiet kontraenti, għandhom ikunu suġġetti għall-qrati ta’ Brussell.”

26      L-Artikolu 7 tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent kien jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Artikolu 8 tad-Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg ta’ assistenti tekniċi kien emendat kif ġej:

“Eżami mediku: Jekk ir-riżultat tal-eżami mediku għand tobba approvati mill-Kummissjoni jkun negattiv, il-kuntratt għandu jintemm b’effett immedjat.”

27      L-Anness III tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent kien jistabbilixxi l-portata tal-missjoni assenjata lilu. Skont il-punt 2.1 ta’ dan l-anness, il-kompiti ġenerali fdati lir-rikorrent kienu jikkonsistu fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni umanitarja ġenerali fir-Repubblika tal-Kongo u fil-punent tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni, fl-għoti ta’ pariri lill-ECHO dwar kif għandha tiġi ppjanata l-għajnuna tiegħu, u fl-assigurazzjoni ta’ kontroll adegwat tal-implementazzjoni tal-programmi ffinanzjati mill-Kummissjoni. Il-kompiti speċifiċi tar-rikorrent kienu jinkludu kompiti ta’ analiżi, ta’ evalwazzjoni tal-ħtiġijiet u kif ukoll ta’ ppjanar (punt 2.2.1 tal-Anness III), kompiti ta’ għażla, ta’ sorveljanza u ta’ koordinazzjoni (punt 2.2.2 tal-Anness III), kif ukoll kompiti ta’ koordinazzjoni mal-attivitajiet ta’ żvilupp (punt 2.2.3 tal-Anness III).

28      Fl-1 ta’ Lulju 1999, ir-rikorrent issottometta ruħu għall-eżami mediku li jsir mar-reklutaġġ għand it-tabib G., tabib mal-“Medical Centre of Brussels”.

29      Fid-9 ta’ Lulju 1999, it-tabib G. ħareġ ir-rapport tiegħu fejn esprima l-ikbar riżervi dwar il-possibbiltà li r-rikorrent jeżerċita l-missjoni prevista fir-Repubblika tal-Kongo u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u kkunsidra lir-rikorrent “bħala mhux tajjeb sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu fid-dawl tan-natura, tat-tul u tal-post” tal-missjoni.

30      Ir-rikorrent wasal f’Kinshasa (ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo) fil-15 ta’ Lulju 1999.

31      Fis-16 ta’ Lulju 1999, ir-rikorrent irċieva telefonata mingħand il-Kummissjoni fejn ġie informat li kellu jmur lura Brussell b’urġenza, mingħajr ma ngħata ebda spjegazzjoni oħra.

32      Ir-rikorrent wasal lura Brussell fl-20 ta’ Lulju 1999. Fl-istess jum, il-Kummissjoni nnotifikatu bit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu b’effett immedjat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 ta’ dan il-kuntratt u tal-Artikolu 8 tad-Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg ta’ assistenti tekniċi.

33      Fil-5 ta’ Awwissu 1999, ir-rikorrent bagħat ittra lid-Direttur tas-“Servizz komuni Relex għall-amministrazzjoni tal-għajnuna lill-pajjiżi terzi” fejn indika li minflok ma għadda lit-tabib G. l-aħħar elettrokardjogramm tiegħu, li ttieħed fi Frar 1999 u li kien perfettament normali, huwa kien għaddielu, bi żball, elettrokardjogramm li kien sar f’Jannar 1999, jiġifieri ftit wara l-episodju ta’ trombożi li ġarrab f’Diċembru 1998. Fid-dawl ta’ dan l-iżball, ir-rikorrent talab eżami mediku ġdid u offra li jipproduċi t-testijiet u l-analiżi kollha li jitqiesu meħtieġa.

34      B’ittra tat-18 ta’ Awwissu 1999, ir-rikorrent irreġistra lment mal-Ombudsman Ewropew. Dan tal-aħħar għamel diversi skambji ta’ ittri mal-Kummissjoni.

35      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2001 dwar l-ilment tar-rikorrent, l-Ombudsman ikkonkluda li l-fatt li r-rikorrent ma kienx suġġett għall-eżami mediku qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu kien jikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina. Huwa indika wkoll li, peress li l-Kummissjoni kienet qed tirrifjuta li tagħti kwalunkwe kumpens lir-rikorrent u kienet qed tirrifjuta li tinnegozja ftehim bonarju għat-tilwima, l-uniku rimedju possibbli kien li tiġi adita qorti kompetenti. Skont l-Ombudsman, qorti biss setgħet “tieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-partijiet, tisma’ l-argumenti tagħhom, tikkunsidrahom fid-dawl tal-liġijiet nazzjonali rilevanti u tevalwa l-elementi ta’ evalwazzjoni diverġenti fir-rigward tal-kwistjonijiet fattwali kollha fit-tilwima”.

36      Fit-3 ta’ Lulju 2001, ir-rikorrent talab parir mingħand avukat Belġjan, N. Dan wieġbu li azzjoni bbażata fuq il-“kuntratt ta’ impjieg” kellha titressaq fi żmien sena mit-tmiem tar-relazzjonijiet kuntrattwali. F’dan il-każ, skont l-avukat N., l-azzjoni kellha titressaq mhux iktar tard mid-19 ta’ Lulju 2000.

37      Fid-29 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrent ressaq il-każ tiegħu quddiem il-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

38      Fid-9 ta’ Ottubru 2003, il-President tal-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet tal-Parlament bagħat ittra lill-Ombudsman fejn indika li l-membri tal-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet kienu esprimew is-sorpriża tagħhom dwar il-fatt li l-Ombudsman kien ikkonkluda li dan kien każ ta’ amministrazzjoni ħażina iżda l-Kummissjoni ma kinitx segwiet ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li tipprova tilħaq ftehim bonarju dwar it-tilwima, u li l-amministrazzjoni tal-ECHO ma kienet offriet ebda impjieg lil-lanjant wara l-konklużjoni tal-Ombudsman.

39      Fl-20 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrent ressaq il-każ tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

40      Fit-8 ta’ Ġunju 2005, ir-Reġistratur tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem indika lir-rikorrent li l-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti kienet limitata għal rikorsi ppreżentati kontra l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u ma kellhiex ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati kontra l-istituzzjonijiet Komunitarji. Għalhekk, ir-Reġistratur tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem issuġġerixxa lir-rikorrent li jressaq il-każ tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

41      Wara li r-rikorrent bagħat ittra lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’data li mhijiex speċifikata, dan tal-aħħar informah, permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2005, li l-qorti speċjalizzata fir-rigward tas-servizz pubbliku Komunitarju kienet it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-28 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura, qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà fil-konfront tar-rikors.

43      Ir-rikorrent bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà fit-22 ta’ Frar 2008 permezz ta’ faks (l-oriġinali ġew ippreżentati fil-25 ta’ Frar ta’ wara).

44      Skont l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew l-inammissibbiltà mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-kawża, hija għandha tippreżenta t-talba tagħha permezz ta’ att separat. Meta jiġi ppreżentat l-att li bih titressaq it-talba, il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-kontroparti tippreżenta, bil-miktub, it-talbiet u l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt tagħha. Sakemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jiddeċidix mod ieħor, il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment.

45      F’din il-kawża t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li kien hemm lok li tinżamm seduta dwar it-talba mressqa mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura.

46      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu s-somma ta’ EUR 20,310.68 bħala kumpens għad-danni li huwa ġarrab minħabba t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

47      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż tiegħu.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

48      Il-Kummissjoni tikkunsidra, fl-ewwel lok, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku m’għandux ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors. Fil-fatt, ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn l-istituzzjoni u r-rikorrent hija rregolata mil-leġiżlazzjoni Belġjana u hija suġġetta għall-qrati ta’ Brussell. Fis-seduta, il-Kummissjoni pproduċiet sentenza tat-23 ta’ April 2008, fil-kawża M. vs Il-Kummissjoni, mogħtija mit-18-il Awla tat-Tribunal tax-xogħol ta’ Brussell, fejn ir-rikorrenti, li kienet ġiet impjegata bħala assistent tekniku fil-kuntest tal-għajnuna umanitarja implementata mill-ECHO, kienet talbet li l-kutnratt ta’ assistent tekniku tagħha, konkluż għal żmien fiss, jiġi kkwalifikat bħala kuntratt għal żmien indeterminat. It-Tribunal tax-xogħol ta’ Brussell eżamina l-mertu tal-kawża, kif kien diġà għamel f’kawżi oħra mressqa minn assistenti tekniċi, u dan juri li dak it-tribunal iddikjara li kellu ġurisdizzjoni jiddeċiedi dwar dan it-tip ta’ kawżi.

49      Il-Kummissjoni tikkunsidra, fit-tieni lok, li r-rikors huwa manifestament inammissibbli minħabba li ġie ppreżentat b’mod tardiv u dan peress li t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent tmur lura għall-20 ta’ Lulju 1999 filwaqt li dan ir-rikors ġie ppreżentat fid-29 ta’ Awwissu 2007.

50      Ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala impjegat fis-sens tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Huwa jqis li l-klawżola li tissuġġetta l-kuntratt tiegħu għad-dritt Belġjan hija “klawżola abbużiva”. Fil-fehma tiegħu, ir-rikors tiegħu għandu jiġi kkwalifikat bħala rikors għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali sa fejn huwa intiż għall-kisba ta’ kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja. Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni, bla ħsara għall-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Brussell stabbilita fil-kuntratt ta’ impjieg tiegħu ffirmat fit-30 ta’ Ġunju 1999.

51      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li r-rikors ġie ppreżentat b’mod tardiv. Fil-fatt, huwa jsostni li l-passi li huwa ħa quddiem l-Ombudsman, il-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet tal-Parlament kif ukoll quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kisru l-preskrizzjoni fir-rigward tar-rikors. Għalhekk, l-azzjoni tiegħu għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tressqet fit-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

52      Minkejja li f’din il-kawża hemm dubji serji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jeżamina din il-kwistjoni qabel ma jkun eżamina, preliminarjament, jekk għandux ġurisdizzjoni.

53      F’din il-kawża, mill-Artikoli 5 u 6 tal-kuntratt ta’ impjieg ta’ assistent tekniku konkluż bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni jirriżulta li dan il-kuntratt huwa suġġett għad-dritt Beljġan u għall-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Brussell.

54      Madankollu, sa fejn il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija ta’ ordni pubbliku (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T-174/95, Ġabra p. II-2289, punt 80; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Lulju 2002, Comitato organizzatore del convegno internazionale vs Il-Kummissjoni, T-387/00, Ġabra p. II-3031, punt 36), din il-kwistjoni ma tistax tiġi deċiża abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ impjieg inkwistjoni biss.

55      Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fid-data meta jagħti d-deċiżjoni tiegħu.

56      Il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija prevista u stabbilita mill-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, mill-Artikolu 1 tal-Anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u kif ukoll mill-Artikoli 46, 73, 117 u 124 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg il-ġodda.

57      L-Artikolu 236 KE jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal dawn tal-aħħar.

58      Skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab fit-Titolu VII ta’ dawn ir-regolamenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kull tilwima bejn il-Komunitajiet u persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal.

59      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 46, 73 u 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki, kif ukoll skont l-Artikoli 46, 73 u 124 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg il-ġodda, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-appelli japplikaw b’analoġija għall-impjegati, bl-esklużjoni ta’ dawk l-impjegati kklassifikati bħala membri tal-persunal lokali.

60      Mill-Artikolu 81(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki u mill-Artikolu 122 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg il-ġodda jirriżulta li t-tilwim bejn l-istituzzjoni u l-membru tal-persunal lokali li jservi f’pajjiż terz għandu jkun suġġett għal bord ta’ arbitraġġ skont il-kondizzjonijiet iddefiniti fil-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt tal-membru tal-persunal.

61      Issa, huwa paċifiku li r-rikorrent ma għandux il-kwalità ta’ uffiċjal jew ta’ persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal u ma kkonkludiex kuntratt mal-Kummissjoni bħala impjegat.

62      Madankollu, fis-seduta, ir-rikorrent sostna li l-klawżola li tissuġġetta l-kuntratt tiegħu għal-leġiżlazzjoni Belġjana hija “klawżola abbużiva” u li, minkejja din il-klawżola, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala impjegat fis-sens tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki.

63      Minkejja li saritlu mistoqsija fir-rapport preparatorju għas-seduta, ir-rikorrent ma speċifikax f’liema kategorija ta’ impjegat huwa kien imissu, fil-fehma tiegħu, ġie rreklutat. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-pretensjoni tar-rikorrent tista’ tikkonċerna biss kwalità ta’ impjegat, bl-esklużjoni ta’ impjegat ikklassifikat bħala membru tal-persunal lokali, sa fejn il-kwalità ta’ membru tal-persunal lokali, minħabba l-Artikolu 81(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki u l-Artikolu 122 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg il-ġodda, ma tistax isservi ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għat-talba li jiġi applikat id-dritt Komunitarju.

64      Skont ġurisprudenza stabbilita, mhumiex biss il-persuni li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjal jew ta’ impjegat, bl-esklużjoni ta’ impjegat ikklassifikat bħala membru tal-persunal lokali, iżda wkoll dawk li jippretendu li għandhom dawn il-kwalitajiet, li jistgħu jikkontestaw quddiem il-qorti Komunitarja deċiżjoni li tikkawżalhom preġudizzju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1975, Porrini et, 65/74, Ġabra p. 319, punt 13; tal-5 ta’ April 1979, Bellintani et vs Il-Kummissjoni, 116/78, Ġabra p. 1585, punt 6, u tal-20 ta’ Ġunju 1985, Klein vs Il-Kummissjoni, 123/84, Ġabra p. 1907, punt 10; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 1999, Mammarella vs Il-Kummissjoni, T-74/98, Ġabra SP p. I-A-151 u II-797, punt 16).

65      Il-portata ta’ din il-ġurisprudenza hija li tispeċifika li l-qorti Komunitarja għandha minn tal-inqas il-poter li teżamina, fl-ewwel lok, jekk hija effettivament għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-ammissibbiltà u tal-mertu tat-tilwima.

66      Għalhekk, sabiex tiġi eżaminata din il-ġurisdizzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrent setax effettivament jiġi kkunsidrat bħala persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal jew bħala impjegat, bl-esklużjoni ta’ impjegat ikklassifikat bħala membru tal-persunal lokali.

67      Kif intqal iktar ’il fuq, ir-rikorrent jippretendi l-kwalità ta’ impjegat, bl-esklużjoni ta’ impjegat ikklassifikat bħala membru tal-persunal lokali, minkejja li ma jikkontestax li huwa ma kkonkludiex kuntratt bħala impjegat mal-Kummissjoni.

68      Sa fejn, meta jittieħdu flimkien id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 236 KE, tal-Artikolu 1 tal-Anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 46, 73 u 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki kif ukoll tal-Artikoli 46, 73 u 124 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg il-ġodda, eventwali ksur mill-istituzzjoni konvenuta tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 1, 2, 3 u 5 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki jkollu bħala konsegwenza li tilwima ma tibqax taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja, filwaqt li, kif ġie mfakkar iktar ’il fuq, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni huma ta’ ordni pubbliku, għandu jiġi vverifikat, anki ex officio, jekk f’din il-kawża l-Kummissjoni kisritx il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija artikoli.

69      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar, b’mod preliminari, li, ħlief f’każijiet speċifiċi ħafna u debitament iġġustifikati, ir-relazzjonijiet ta’ impjieg tal-Komunitajiet Ewropej mal-membri tal-persunal tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fil-qafas tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat b’kondizzjonijiet vinkolanti l-fakultà li impjegati jiġu rreklutati b’kuntratt li ma jkunx irregolat mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Klein vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Maag vs Il-Kummissjoni, 43/84, Ġabra p. 2581).

70      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tispeċifika li r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jikkostitwixxux regolamenti eżawrjenti ta’ natura li jipprojbixxu r-reklutaġġ ta’ persuni barra mill-qafas regolatorju stabbilit f’dawn l-istrumenti. Għall-kuntrarju, il-kapaċità tal-Komunità, rikonoxxuta fl-Artikoli 282 u 238 KE, li tidħol f’relazzjonijiet kuntrattwali suġġetti għad-dritt ta’ Stat Membru testendi għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg jew ta’ prestazzjoni ta’ servizzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-reklutaġġ ta’ persuna permezz ta’ kuntratt li jirreferi espressament għal liġi nazzjonali jista’ jiġi kkunsidrat bħala illegali fil-każ biss li l-istituzzjoni konvenuta tkun iddefiniet il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persuna kkonċernata bil-għan li tevita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u mhux minħabba l-bżonnijiet tas-servizz, hekk li tkun wettqet abbuż ta’ proċedura (ara s-sentenza Mammarella vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39 u 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni setgħetx, fid-data ta’ meta ġie ffirmat il-kuntratt tar-rikorrent, taqa’ f’waħda mit-tliet kategoriji ta’ kuntratti suġġetti għad-dritt Komunitarju u li fir-rigward tagħhom il-qorti Komunitarja għandha ġurisdizzjoni skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Maag vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq), jiġifieri, l-ewwel nett, dik ta’ membru tal-persunal temporanju, it-tieni nett, dik ta’ membru tal-persunal awżiljarju, u, it-tielet nett, dik ta’ konsulenti speċjali.

72      F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom terminoloġija preċiża li l-estensjoni tagħha b’analoġija għal każijiet li ma jissemmewx espliċitament hija eskluża, u li dan jgħodd ukoll għad-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (sentenza Klein vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      L-ewwel nett, il-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju hija kkaratterizzata b’mod partikolari mill-fatt li dan l-impjegat jokkupa pożizzjoni permanenti fis-servizz tal-amministrazzjoni Komunitarja (sentenza Maag vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Issa, kif jispeċifika espliċitament l-Artikolu 3 tad-Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg ta’ assistenti tekniċi, il-missjonijiet ta’ għajnuna umanitarja lill-pajjiżi terzi huma ta’ natura partikolari u aleatorji fir-rigward tal-evoluzzjoni u tat-tul tagħhom.

75      Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju ma kienx jikkostitwixxi qafas legali adegwat għar-reklutaġġ tal-kollaboraturi li lilhom setgħet tafda l-missjonijiet ta’ għajnuna umanitarja partikolari u aleatorji.

76      It-tieni nett, skont l-Artikolu 52 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki, it-tul effettiv tar-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal awżiljarju, inkluż it-tul tal-eventwali tiġdid tal-kuntratt tiegħu, ma jistax ikun iktar mit-tul tal-interim li l-impjegat ikun mitlub jassigura, jekk ikun ġie rreklutat sabiex jissostitwixxi uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju li ma jkunux jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod provviżorju, u lanqas ma jista’ jkun itwal minn sena fil-każijiet l-oħra kollha.

77      Il-ġurisprudenza tispeċifika li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju huwa kkaratterizzat mill-prekarjetà fiż-żmien tiegħu sa fejn jista’ jintuża biss sabiex tiġi assigurata sostituzzjoni temporanja jew sabiex ikunu jistgħu jitwettqu kompiti amministrattivi ta’ natura temporanja jew li jkunu meħtieġa b’mod urġenti jew li ma jkunux iddefiniti b’mod preċiż. Peress li l-għan ta’ dan il-kuntratt huwa li jiġu sodisfatti kompiti prekarji, min-natura tagħhom jew minħabba li ma jkunx hemm pożizzjoni partikolari ddedikata għalihom, bir-reklutaġġ ta’ persunal okkażjonali, dan il-kuntratt ma jistax jintuża b’mod abbużiv sabiex kompiti permanenti jiġu fdati lil persuna għal perijodi twali (sentenza Maag vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 u 19, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78      Issa, minn naħa, ir-rikorrent ma kienx qed jissostitwixxi uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju li ma setgħux iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod provviżorju, u, min-naħa l-oħra, għalkemm ċerti missjonijiet ta’ assistenza teknika lill-pajjiżi terzi jista’ jkollhom natura temporanja jew ikunu meħtieġa b’urġenza, ma jistax jiġi eskluż li missjonijiet oħra jkunu jeħtieġu intervent li jdum iktar minn sena.

79      Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju ma kienx jikkostitwixxi qafas legali adegwat għar-reklutaġġ tal-kollaboraturi li lilhom setgħet tafda ċerti missjonijiet ta’ għajnuna umanitarja.

80      It-tielet nett, it-Titolu V tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki jipprovdi għall-possibbiltà li jiġu rreklutati konsulenti speċjali.

81      Mill-isem stess ta’ “konsulent speċjali” jirriżulta li l-persuna kkonċernata għandha tipprovdi servizz ta’ konsulenza.

82      Issa, mid-deskrizzjoni tal-pożizzjoni tar-rikorrent li tinsab fl-Anness III tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu jirriżulta li l-kompiti tiegħu kienu ta’ natura iktar ġenerali u kienu jmorru lil’hinn mill-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza. Fil-fatt, parti mill-kompiti tiegħu kienet tikkonsisti f’kompiti ta’ osservazzjoni, ta’ koordinazzjoni u kif ukoll ta’ ppjanar.

83      Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki jipprovdi li l-konsulent speċjali jiġi rreklutat “minħabba l-kwalifiki eċċezzjonali tiegħu u minkejja li jeżerċita attivitajiet professjonali oħra”.

84      Issa, mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrent kellu kwalifiki eċċezzjonali.

85      Għalhekk, ma jistax jingħad li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li l-qafas legali applikabbli għall-konsulenti speċjali ma kienx adegwat għar-reklutaġġ tar-rikorrent fil-kuntest ta’ missjoni ta’ għajnuna umanitarja.

86      B’hekk, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki ma kienu jipprovdu, fost it-tliet tipi ta’ kuntratti bħala impjegat, eskluż il-kuntratt bħala membru tal-persunal lokali, ebda possibbiltà flessibbli biżżejjed sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-persunal irreklutat għal ċerti missjonijiet fil-kuntest tal-għajnuna umanitarja lill-pajjiżi terzi.

87      Madankollu, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx abbuż ta’ proċedura, mhuwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat li din setgħet ġustament tikkunsidra li t-tipi differenti ta’ kuntratti previsti mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg u suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja ma kinux adegwati għas-sitwazzjoni tal-kollaboraturi li lilhom xtaqet tafda ċerti missjonijiet ta’ għajnuna umanitarja, iżda huwa meħtieġ li jiġi vverifikat ukoll, fit-tieni lok, jekk il-kondizzjonijiet ta’ impjieg offerti lir-rikorrent kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti soċjali minimi li jeżistu f’kull Stat tad-dritt.

88      F’dan ir-rigward, b’mod partikolari mill-kondizzjonijiet finanzjarji applikabbli għall-kuntratt ta’ impjieg jirriżulta li l-livell ta’ remunerazzjoni tar-rikorrent seta’ jiġi kkunsidrat bħala relattivament għoli sa fejn, li kieku l-kuntratt ġie eżegwit, ir-rikorrent kien jirċievi remunerazzjoni bażika fix-xahar ta’ EUR 5,442.98. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg ta’ assistenti tekniċi jispeċifika espliċitament li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-missjoni ta’ assistenza teknika, il-Kummissjoni ma setgħetx tkun f’pożizzjoni li tassigura lill-parti kontraenti l-oħra impjieg ta’ natura permanenti u li dan l-aspett huwa meħud inkunsiderazzjoni fil-livell tar-remunerazzjonijiet. Li kieku l-kuntratt tar-rikorrent ġie eżegwit, huwa kien jirċievi wkoll allowance tal-familja, allowance għat-tfal dipendenti, allowance minħabba l-kondizzjonijiet tal-għajxien, u kif ukoll allowance fissa ta’ kuljum minħabba akkomodazzjoni provviżorja. Huwa kien jibbenefika minn assigurazzjoni kontra l-mard kif ukoll minn assigurazzjoni marbuta mal-pensjoni. Huwa seta’ jinvoka d-drittijiet tiegħu quddiem qorti nazzjonali peress li l-kuntratt tiegħu kien fih klawżola li kienet tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat, kif sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, li, meta jkun hemm tali klawżola, it-Tribunal tax-xogħol ta’ Brussell effettivament jiddikjara li għandu ġurisdizzjoni sabiex jaqta’ kawżi mressqa minn assistenti tekniċi dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg bħala assistenti tekniċi tagħhom. Fl-aħħar nett, il-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent u kif ukoll id-Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg ta’ assistenti tekniċi jobbligaw lir-rikorrent jissottometti ruħu għal eżami mediku li jsir mar-reklutaġġ u li jikkostitwixxi garanzija iktar u iktar indispensabbli fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent kien mitlub iwettaq il-missjoni tiegħu f’pajjiż terz.

89      F’dan il-kuntest, il-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent, suġġett għal-liġi Belġjana u li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell, ma jistax jiġi analizzat bħala kuntratt li ma ġiex konkluż abbażi tal-bżonnijiet tas-servizz iżda bil-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Ir-reklutaġġ tar-rikorrent fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ impjieg suġġett għal-liġi Belġjana ma jistax għalhekk jiġi kkunsidrat bħala abbuż ta’ proċedura li kellu bħala konsegwenza ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni.

90      Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 236 KE, tal-Artikolu 1 tal-Anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 46, 73 u 83 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg l-antiki, u kif ukoll tal-Artikoli 46, 73 u 124 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg il-ġodda, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-istess Regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, japplikaw biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri mill-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej jibqgħu japplikaw mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel dik id-data.

92      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 88 tal-istess Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

93      Sa fejn il-ġurisprudenza tispeċifika li mhumiex biss il-persuni li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjal jew ta’ impjegat, bl-esklużjoni ta’ impjegat ikklassifikat bħala membru tal-persunal lokali, iżda wkoll dawk li jippretendu li għandhom dawn il-kwalitajiet, li jistgħu jikkontestaw quddiem il-qorti Komunitarja deċiżjoni li tikkawżalhom preġudizzju, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu japplika wkoll għal dawn tal-aħħar.

94      Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jordna li:

1)      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku m’għandux ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Il-Lussemburgu, it-12 ta’ Novembru 2008.

W. Hakenberg

 

      P. Mahoney

Reġistratur

 

      Il-President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.