Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2020 minn Sigrid Dickmanns mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-18 ta’ Novembru 2019 fil-Kawża T-181/19, Sigrid Dickmanns vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(Kawża C-63/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Sigrid Dickmanns (rappreżentant: H. Tettenborn, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tiegħu d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Novembru 2019 fil-Kawża T-181/19 u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali wara l-annullament tal-imsemmi digriet;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka aggravju wieħed insostenn tal-appell, jiġifieri l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), b’mod partikolari tal-Artikolu 90(2), kif ukoll, fl-istess ħin, ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti għal smigħ xieraq u għal amministrazzjoni tajba.

Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-ilment ippreżentat minnha taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kien ġie ppreżentat tard. Dan l-ilment kien ġie ppreżentat fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni motivata tal-EUIPO, iżda mhux fi żmien tliet xhur miċ-ċaħda impliċita ta’ talba mressqa mill-appellanti, ċaħda li kienet ippreċeduta minn din id-deċiżjoni u li kienet immaterjalizzat fis-sens tat-tielet inċiż tat-tielet sentenza tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali lill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tmur kontra t-test ta’ din id-dispożizzjoni. Hija targumenta li l-ilment tagħha ma kienx jikkonċerna ċ-ċaħda impliċita, fis-sens tat-tielet inċiż tat-tielet sentenza tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda kien jikkonċerna deċiżjoni li kienet ġiet innotifikata lilha, fis-sens tat-tieni inċiż tat-tielet sentenza tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u għalhekk kien ammissibbli fid-dawl tat-test. L-appellanti ssostni li la mit-test tat-tielet sentenza tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, la minn dak tat-tieni inċiż tat-tielet sentenza tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas minn dak tat-tielet inċiż tat-tielet sentenza tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirriżulta li, fil-każ ta’ ċaħda impliċita ta’ talba, it-tieni inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni għandu jibqa’ inapplikabbli jew li t-tielet inċiż għandu japplika bi prijorità. L-appellanti ssostni li ċ-ċaħda espliċita tal-EUIPO lanqas ma kienet sempliċi konferma taċ-ċaħda impliċita li kienet diġà mmaterjalizzat, jekk xejn minħabba li l-EUIPO ma għamilx riferiment għaċ-ċaħda impliċita. Barra minn hekk, l-elementi li jmorru lil hinn minn sempliċi konferma, b’mod partikolari l-motivazzjoni, ifissru, skont l-appellanti, li hija involuta deċiżjoni ġdida.

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra s-suġġett u l-finalità tat-tieni u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll kontra l-għan ta’ ċertezza legali. Is-suġġett u l-finalità primarji ta’ dawn ir-regoli huma l-protezzjoni tal-persuna li tressaq it-talba, u mhux li l-Awtorità tal-Ħatra jkollha l-possibbiltà tibbenefika, fuq livell proċedurali, min-nuqqas tagħha li twettaq l-obbligi tagħha, li madankollu huwa r-riżultat tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali. L-appellanti tqis li l-interpretazzjoni proposta minnha tissodisfa ħafna aħjar l-għan ta’ ċertezza legali. Minn naħa, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u ma twassalx sabiex din id-dispożizzjoni tiġi tgħid il-kuntrarju tat-test tagħha, kif huwa l-każ bl-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali twassal sabiex it-tul tat-terminu wara deċiżjoni espliċita u motivata jkun jiddependi minn jekk din id-deċiżjoni kinitx ippreċeduta minn deċiżjoni impliċita jew le.

Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ksur serju tad-drittijiet fundamentali tagħha għal smigħ xieraq u għal amministrazzjoni tajba. Il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq jikkonsisti b’mod partikolari fil-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra bbenefikat min-nuqqas li twettaq l-obbligi tagħha (jiġifieri l-obbligu tagħha li tagħti deċiżjoni f’terminu ta’ erba’ xhur dwar talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal) u naqqset b’mod arbitrarju t-terminu disponibbli għall-persuna li tressaq it-talba sabiex tirreaġixxi għar-raġunijiet ta’ ċaħda kkomunikati lilha mill-Awtorità tal-Ħatra. Skont l-appellanti, sa fejn it-test tat-tieni u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jindika l-kuntrarju, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tesponi lill-persuna li tressaq it-talba għal riskju nettament ikbar li titlef il-kawża tagħha minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu. Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li tkun konformi mad-drittijiet fundamentali tista’ twassal biss għall-konklużjoni difiża mill-appellanti.

____________