Language of document : ECLI:EU:F:2012:72

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

5 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑83/10

Kostantinos Giannakouris

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tal-edukazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Tnaqqis ta’ allowance tal-istess natura riċevuta minn sorsi oħra”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu K. Giannakouris jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2010, dwar it-tnaqqis tal-allowance tal-edukazzjoni mogħtija lilu u dwar iż-żamma tas-somom żejda li rċieva abbażi tar-rendikont ta’ remunerazzjoni peress li bintu tirċievi benefiċċju finanzjarju mogħti minn Stat Membru taħt il-forma ta’ borża ta’ studju.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Sommarju

Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tal-edukazzjoni — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola antikumulu prevista fl-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ ta’ ħlas minn sorsi oħra ta’ allowances tal-istess natura — Applikazzjoni għall-benefiċċju finanzjarju Lussemburgiż intiż għall-istudenti — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 67(1)(ċ) u (2))

Huma biss l-allowances li huma komparabbli u li għandhom l-istess għan huma “tal-istess natura” skont ir-regola antikumulu pprovduta fl-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tal-allowances tal-familja. Il-kriterju deċiżiv fil-klassifikazzjoni ta’ allowance tal-istess natura huwa dak tal-għan mixtieq mill-allowances inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, l-allowance tal-edukazzjoni msemmi fl-Artikolu 67(1)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-benefiċċju finanzjarju Lussemburgiż mogħti f’forma ta’ boroż ta’ studju u ta’ self, li għandu bħala għan li jipprovdi lill-istudenti għajnuna finanzjarja intiża sabiex tippermettilhom isostnu l-ispejjeż ta’ studju u l-manteniment tagħhom fil-kuntest tat-tkomplija tal-istudji tagħhom, għandhom għanijiet simili billi jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-edukazzjoni tal-wild dipendenti tal-uffiċjal.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li l-benefiċjarji taż-żewġ benefiċċji ma jkunux l-istess. Fil-fatt, il-fatt li l-allowance tar-Regolament tal-Persunal tingħata lill-uffiċjal u l-benefiċċju nazzjonali jiġi riċevut mill-wild jew formalment jingħata lilu ma huwiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk dawn il-benefiċċji humiex tal-istess natura skont l-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Bħalma lanqas ma huwa determinanti l-fatt li l-allowance tar-Regolamenti tal-Persunal tingħata bħala salarju kumplimentari tal-uffiċjal u għalhekk hija marbuta ma’ relazzjoni ta’ impjieg, kuntrarjament għall-benefiċċju finanzjarju Lussemburgiż li jiġi mħallas lill-wild.

(ara l-punti 29, 31, 32, 37 u 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Ottubru 1977, Gelders‑Deboeck vs Il‑Kummissjoni, 106/76, punt 16; 13 ta’ Ottubru 1977, Emer‑van den Branden vs Il‑Kummissjoni 14/77, punt 15; 18 ta’ Diċembru 2007, Weiβenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, punt 89

Il-Qorti tal-Prim Istanza: 10 ta’ Mejju 1990, Sens vs Il‑Kummissjoni, T‑117/89, punt 14; 11 ta’ Ġunju 1996, Pavan vs Il‑Parlament, T‑147/95, punt 41

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Frar 2007, Guameri vs Il‑Kummissjoni, F‑62/06, punti 39, 40 u 42