Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-16 ta’ Diċembru 2019 – LH vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-921/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LH

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 40(2) tad-Direttiva [2013/32/UE] 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2011/95/UE] 2 u mal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi li dokumenti oriġinali qatt ma jistgħu jikkostitiwixxu elementi jew fatti ġodda jekk in-natura awtentika ta’ dawn id-dokumenti ma tkunx tista’ tiġi stabbilita? Fil-każ li dan ma huwiex kompatibbli, jagħmel differenza jekk, f’applikazzjoni sussegwenti, l-applikant jissottometti kopji ta’ dokumenti jew dokumenti li ġejjin minn sors li ma jistax jiġi vverifikat b’mod oġġettiv?

L-Artikolu 40 tad-Direttiva [2013/32/UE], moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2011/95/UE], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-evalwazzjoni ta’ dokumenti u fl-attribuzzjoni ta’ valur probatorju lil dawn id-dokumenti, l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni ta’ Stat Membru hija awtorizzata tagħmel distinzjoni bejn dokumenti prodotti mal-ewwel applikazzjoni u dawk prodotti meta ssir l-applikazzjoni sussegwenti? Stat Membru huwa awtorizzat, fil-kuntest tal-produzzjoni ta’ dokumenti meta ssir applikazzjoni sussegwenti, li ma jibqax jikkonforma mal-obbligu ta’ kooperazzjoni jekk in-natura awtentika ta’ dawn id-dokumenti ma tkunx tista’ tiġi stabbilita?

____________

1     Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2     Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).