Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Settembru 2007 - Rebizant et vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-94/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Jean Rebizant (Karlsruhe, il-Ġermanja) u oħrajn (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J-N. Lois, E. Marchal, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara l-illegalità tad-deċizjoni li titstabbilixxi l-limiti minimi ta' promozzjoni lejn il-grad AD 13 applikabbli għall-uffiċjali li jaqgħu taħt il-baġit ta' Riċerka/Ċentru komuni ta' riċerka (CCR), u tal-baġit Operazzjoni;

tannulla d-deċiżjoni ta' l-Awtorità ta' Ħatra li ma tippromwovix lir-rikorrenti għall-grad AD 13 taħt il-proċedura ta' promozzjoni 2006;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw l-argumenti li ġejjin:

-     il-ksur ta' l-Artikolu 5(5) tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-Regolamenti);

-     il-ksur ta' l-Artikolu 6(2) tar-Regolamenti kif ukoll ta' l-Artikolu 9 ta' l-Anness XIII tiegħu;

-    il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Ir-rikorrenti jispeċifikaw li billi ġie ffissat għal 98,5 il-limitu minimu ta' promozzjoni lejn il-grad AD13 għall-uffiċjali li jaqgħu taħt il-baġit tar-Riċerka u l-baġit CCR, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni, minn naħa, postijiet ta' impjieg li, skond l-Artikolu 9 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti, kienu effettivament vakanti fid-DĠ Riċerka u DĠ CCR u, min-naħa l-oħra, tan-natura speċifika tas-sitwazzjoni ta' l-uffiċjali li jaqgħu taħt dawn il-baġits.

Ir-rikorrenti jsostnu li fin-nuqqas ta' dan, il-Kummissjoni injorat id-deċiżjoni tagħha ta' l-20 ta' Lulju 2005, dwar il-metodi relatati mal-proċedura ta' promozzjoni ta' l-uffiċjali rremunerati mill-parti tar-riċerka tal-baġit ġenerali, deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli li jiggarantixxu l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-uffiċjali tad-diversi baġits.

____________