Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Awwissu 2019 minn Csanád Szegedi mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-27 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-135/18, Csanád Szegedi vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-628/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Appellant: Csanád Szegedi (rappreżentant: K. Bodó, ügyvéd)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

fir-rigward tal-ewwel aggravju, sa fejn dan jirreferi għall-ammont mitlub għar-reklutaġġ ta’ László Tibor Erdélyi u ta’ Dr. József Virág bħala assistenti parlamentari akkreditati, temenda s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tilqa’ l-appell u tannulla d-Deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Novembru 2017 u n-nota ta’ debitu Nru 2017-1635 tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew;

fir-rigward tat-tieni aggravju, sa fejn dan jirreferi għall-ammont mitlub għar-reklutaġġ ta’ László Tibor Erdélyi u ta’ Dr. József Virág bħala assistenti parlamentari akkreditati, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji:

L-ewwel aggravju:

Ksur, fil-proċedura ta’ rkupru quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tad-dritt għal smigħ xieraq (Artikolu 6(1) KEDB u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) u tal-prinċipji li jsostnuh (il-prinċipju ta’ proċedura kontradittorja, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u l-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża), sa fejn ir-rikorrent la kellu aċċess għar-rapport tal-OLAF li fuqu ġiet ibbażata d-deċizjoni u għall-provi insostenn tal-imsemmi rapport, u lanqas ma seta’ jeżerċita d-dritt għal smigħ tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, bi ksur tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 68(2) tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem, “miżuri ta’ implimentazzjoni”). Fil-punt 44 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi invokat l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 883/2013, peress li dan l-artikolu ma jirregolax il-proċedura ta’ rkupru quddiem is-Segretarju Ġenerali, iżda il-proċedura tal-OLAF. F’dan il-kuntest, fil-punt 45 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 35 tas-sentenza IMG vs Il-Kummissjoni. Fil-punt 48 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali interpretat contra legem l-Artikolu 68(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, meta ekwiparat id-dritt għal preżentata ta’ osservazzjonijiet mad-dritt għal smigħ. Fil-punt 51 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ukoll l-Artikolu 68 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, li jirregola il-proċedura ta’ rkupru, sa fejn ir-regola rilevanti la toħloq drittijiet u lanqas obbligi fil-konfront tar-rikorrent fir-rigward tal-produzzjoni tal-provi fil-proċedura quddiem is-Segretarju Ġenerali.

It-tieni aggravju:

Ksur tad-dritt għal smigħ xieraq (Artikolu 6(1) KEDB u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn din tal-aħħar, mingħajr ebda raġuni sostanzjali, iddikjarat bħala inammissibbli l-proposta għad-depożizzjoni tax-xhieda ta’ Dr. József Virág u ta’ László Tibor Erdélyi. Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddikjara bħala inammissibbli l-proposta għall-produzzjoni tal-prova ċaħdet lill-appellant mill-possibbiltà li jiddefendi ruħu fir-rigward tal-mertu tal-kawża.

____________