Language of document : ECLI:EU:C:2007:613

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Ottubru 2007 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Attivitajiet ta’ xandir televiżiv – Direttivi 89/552/KEE u 97/36/KE – Kunċetti ta’ ‘teleshopping’ u ta’ ‘reklamar fuq it-televiżjoni’ – Logħba bi premjijiet”

Fil-kawża C‑195/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundeskommunikationssenat (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-4 ta’ April 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ April 2006, fil-kawża

Kommunikationsbehörde Austria (KommAustria)

vs

Österreichischer Rundfunk (ORF),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Kommunikationsbehörde Austria (KommAustria), minn M. Ogris, bħala aġent,

–        għall-Österreichischer Rundfunk (ORF), minn S. Korn, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u J. Marques Lopes, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris u M. Hoskins, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ 24 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36/KE tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 202, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/552”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Kommunikationsbehörde Austria (KommAustria) (awtorità regolatorja Awstrijaka fil-qasam tat-telekomunikazzjoni; iktar ’il quddiem “KommAustria”) u l-Österreichischer Rundfunk (ORF) (iktar ’il quddiem l-“ÖRF”) dwar il-klassifikazzjoni bħala “teleshopping” jew ta’ “reklamar fuq it-televiżjoni” ta’ logħba bi premjijiet organizzata matul it-trasmissjoni minn ORF ta’ xandira intitolata “Quiz-Express”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skond it-tlettax-il premessa tad-Direttiva 89/552:

“[…] din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi meħtieġa biex tiġi garantita l-libertà tat-trasmissjoni fix-xandir; […]”

4        Skond is-seba’ u għoxrin premessa ta’ din id-Direttiva:

“[…] sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumaturi bħala telespettaturi jiġu protetti bis-sħiħ u kif għandu jkun, huwa essenzjali li r-reklamar fuq it-televizjoni jkun soġġett għal ċertu numru ta’ regoli u standards minimi u li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu regoli iktar dettaljati jew iktar stretti u f’ċerti ċirkostanzi li jistabbilixxu kondizzjonijiet differenti għal xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom;”

5        L-Artikolu 1 ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

[…]

(ċ)       reklamar fuq it-televiżjoni tfisser kull forma ta avviż imxandar sew bi ħlas kif ukoll għal rimunerazzjoni simili jew imxandar għal skopijiet ta promozzjoni tagħha stess minn impriża pubblika jew privata inkonnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex tiġi promossa l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas;

[…]

(f)      teleshopping tfisser offerti diretti mxandra lill-pubbliku bil-għan li ssir provvista ta oġġetti jew servizzi, inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas.”

6        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/552 jipprovdi:

“1.      Ir-reklamar fuq it-televiżjoni u t-teleshopping għandu jkun jista jingħaraf mill-ewwel bħala tali u jinżamm separat sew minn partijiet oħra tas-servizz ta’ programmi permezz ta’ mezzi ottiċi u/jew akustiċi.

2.      Spots iżolati ta reklamar u teleshopping għandhom jibqgħu l-eċċezzjoni.

3.       Ir-reklamar u t-teleshopping m’għandhomx jużaw metodi ta’ teknika subliminali.

4.       Ir-reklamar u teleshopping bil-moħbi għandhom jiġu pprojbiti.”

7        Skond l-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva:

“1.      Il-proporzjon tal-ħin tat-trasmissjoni ddedikat għal spots tat-teleshopping, spots ta’ reklamar u forom oħra ta’ reklamar, bl-eċċezzjoni ta twieqi tat-teleshopping fis-sens ta’ l-Artikolu 18a, m’għandux jeċċedi l-20 % tal-ħin tat-trasmissjoni ta kuljum. Il-ħin tat-trasmissjoni għal spots ta’ reklamar m’għandux jeċċedi l-15 % tal-ħin ta’ trasmissjoni ta kulljum.

2.      Il-proporzjon ta spots ta reklami u spots tat-teleshopping matul perijodu partikolari ta siegħa bl-arloġġ m’għandux jeċċedi l-20 %.

3.       Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, ir-reklamar ma jinkludix:

–        avviżi magħmula mix-xandar inkonnessjoni mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari mnissla minn dawk il-programmi;

–        avviżi tas-servizz pubbliku u appelli għall-karità mxandra mingħajr ħlas.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Il-liġi federali dwar ix-xandir Awstrijak (Bundesgesetz über den Östereichischen Rundfunk, BGBl. I, 83/2001, iktar ’il quddiem l-“ORF-Gesetz”) ittrasponiet id-Direttiva 89/552.

9        L-Artikolu 13(1) sa (3) ta’ l-ORF-Gesetz jipprovdi:

“1.      L-[ORF] tista’, fil-kuntest ta’ l-attività tagħha ta’ programmar ta’ radju u ta’ televiżjoni u bi ħlas, tassenja perijodu ta’ xandir għar-reklami kummerċjali. Ir-reklamar kummerċjali huwa kull forma ta’ avviż, sew bi ħlas kif ukoll għal rimunerazzjoni simili jew imxandar għal skopijiet ta’ promozzjoni tagħha stess in konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex tiġi promossa l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas.

2.      L-[ORF] hija pprojbita milli tagħti spażji għax-xandir ta’ l-offerti diretti għall-pubbliku għall-finijiet tal-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas (teleshopping).

3.      Ir-reklamar għandu jkun jista’ jingħaraf mill-ewwel bħala tali. Huwa għandu jinżamm separat sew minn partijiet oħra tas-servizz ta’ programmi permezz ta’ mezzi ottiċi u/jew akustiċi.”

10      Skond l-Artikolu 11 tal-liġi federali li tistabbilixxi l-KommAustria u l-Bundeskommunikationssenat (Bundesgesetz über die Einrichtung einer Kommunikationsbehörde Austria und eines Bundeskommunikationssenates, BGBl. I, 32/2001, iktar ’il quddiem il-“KOG”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument meta ġraw il-fatti:

“1.      Għandu jitwaqqaf il-Bundeskommunikationssenat fil-Kanċellerija Federali bil-għan li jistħarreġ id-deċiżjonijiet tal-[KommAustria] u sabiex jeżerċita stħarriġ ġudizzjarju fuq l-[ORF].

2.      Il-Bundeskommunikationssenat jiddeċiedi bħala awtorità ġudikanti ta’ l-aħħar grad:

–        fuq appelli mid-deċiżjonijiet tal-KommAustria, bl-eċċezzjoni ta’ l-appelli fil-kawżi amministrativi ta’ natura kriminali;

–        fuq ilmenti u talbiet kif ukoll fi proċeduri li għandhom bħala suġġett reati amministrattivi, ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-ORF-Gesetz.

3.       Id-deċiżjonijiet tal-Bundeskommunikationssenat ma jistgħux jiġu annullati jew riformati permezz ta’ azzjoni amministrattiva. Jistgħu jitressqu appelli mid-deċiżjonijiet tiegħu quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.

[...]”

11      Skond l-Artikolu 11a tal-KOG:

“1.      Il-Bundeskommunikationssenat jiddeċiedi fuq l-ilmenti mressqa mill-KommAustria dwar ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 13 sa 17 u 9(4), u (18) ta’ l-ORF-Gesetz, safejn dawn l-aħħar żewġ artikoli jirreferu għal dispożizzjonijiet konkreti ta’ l-Artikoli 13 sa 17 ta’ l-ORF-Gesetz. Għal dan il-għan, huwa jista’ jisma’ lill-KommAustria.

[...]”

12      L-Artikolu 12 tal-KOG jipprovdi:

“1.      Il-Bundeskommunikationssenat għandu jkun kompost minn ħames membri, li tlieta minnhom għandhom ikunu mħallfin. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, il-membri tal-Bundeskommunikationssenat jkunu indipendenti u ma jirċievu ebda struzzjoni jew ordni. Il-Bundeskommunikationssenat għandu jeleġġi President u Viċi-President minn fost il-membri tiegħu li jappartjenu lill-ġudikatura.

2.      Il-membri tal-Bundeskommunikationssenat jinħatru mill-President Federali fuq proposta tal-Gvern Federali għal perijodu ta’ sitt snin. Jinħatar sostitut għal kull membru, f’każ ta’ impediment milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

[...]”

13      Skond l-Artikolu 20(2) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgesetz):

“Fil-każ li, b’liġi federali jew reġjonali, jitwaqqaf organu kolleġġjali ta’ l-aħħar grad li d-deċiżjonijiet tiegħu, skond dik il-liġi, mhumiex suġġetti għal tibdil jew tħassir b’mod amministrattiv u li jkun hemm fih ta’ l-anqas imħallef wieħed, lanqas il-membri l-oħra ta’ dan l-organu kolleġġjali m’għandhom ikunu suġġetti għal struzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      B’ittra ta’ l-20 ta’ Mejju 2005, il-KommAustria ressqet, wara proċedura preliminari, ilment quddiem il-Bundeskommunikationssenat għal ksur, mill-ORF, ta’ l-Artikolu 13(2) ta’ l-ORF‑Gesetz. Il-KommAustria sostniet li, fil-programm “Quiz-Express”, imxandar mill-ORF, jingħata spazju għat-teleshopping, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

15      Fl-imsemmija xandira, permezz tal-preżentatur u tad-dehra fuq l-iskrin ta’ numru tat-telefown speċjali, il-pubbliku jiġi mistieden jipparteċipa f’logħba bi premjijiet billi jċempel dan in-numru, bil-ħlas ta’ EUR 0.70 lill-operatur tat-telefon, li huwa marbut bi Ftehim ma’ l-ORF. Il-logħba hija maqsuma f’żewġ partijiet: l-ewwel waħda tinkludi element li jiddependi mix-xorti, jiġifieri li, sabiex min iċempel jinstema’ fil-programm, jinħtieġ li jaqbad linja tat-telefon partikolari; fit-tieni parti, it-telespettatur magħżul iwieġeb għal mistoqsija fix-xandira. Il-persuni li ma jinstemgħux fil-programm jipparteċipaw għat-tlugħ ta’ “premju ta’ kull ġimgħa”.

16      Wara li eżamina l-argumenti ppreżentati mill-KommAustria, il-Bundeskommunikationssenat ikkunsidra li huwa possibbli li tali forma ta’ xandir tkun ikklassifikata bħala “teleshopping”. Huwa kkunsidra li huwa kellu jeżamina, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni komprensiva tiegħu, jekk l-avviżi li dehru f’din ix-xandira jew f’parti minn din ix-xandira kinux jiksru dispożizzjonijiet oħra ta’ l-ORF-Gesetz, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-reklamar. Iżda huwa kkunsidra wkoll li, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli jittrasponu d-Direttiva 89/552, huma għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din id-Direttiva.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundeskommunikationssenat iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għandu l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 89/552 [...] jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘teleshopping’ kull avviż li jidher fix-xandiriet, jew parti mix-xandiriet bit-televiżjoni, fejn l-istazzjon televiżiv joffri lit-telespettaturi l-possibbiltà li jipparteċipaw, billi jċemplu mill-ewwel numru tat-telefon bi ħlas, u għalhekk b’titolu oneruż, f’logħba bi premjijiet organizzata mill-istazzjon tat-televiżjoni stess?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva, l-Artikolu 1(c) tad-Direttiva 89/522 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ‘reklamar fuq it-televiżjoni’ anki l-avviżi li jidhru fix-xandiriet jew parti mix-xandiriet bit-televiżjoni, fejn l-istazzjon televiżiv joffri lit-telespettaturi l-possibbiltà li jipparteċipaw, billi jċemplu mill-ewwel numru tat-telefon bi ħlas, u għalhekk b’titolu oneruż, f’logħba bi premjijiet organizzata mill-istazzjon tat-televiżjoni stess?”

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

18      Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk il-Bundeskommunikationssenat huwiex qorti fis-sens ta’ l-Artikolu 234 KE u, għaldaqstant, jekk dawn id-domandi humiex ammissibbli.

19      Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp li qed jagħmel ir-rinviju għandux karatteristiċi ta’ qorti fis-sens ta’ l-Artikolu 234 KE, kwistjoni li hija rregolata biss mid-dritt Komunitarju, il-Qorti għandha tqis numru ta’ fatturi, bħall-kwistjoni jekk il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli ta’ dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et, C‑53/03, Ġabra p. I‑4609, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata, u ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C‑246/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 16).

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 11, 11a u 12 tal-KOG juru, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, li l-Bundeskommunikationssenat jissodisfa l-kriterji relattivi għall-fatt li jkun korp stabbilit mil-liġi, għan-natura obbligatorja u permanenti tal-korp, għan-natura kontradittorja tal-proċedura u għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt.

21      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 tal-KOG, moqrija flimkien ma’ dawk ta’ l-Artikolu 20(2) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgesetz), jiggarantixxu l-indipendenza tal-Bundeskommunikationssenat.

22      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Bundeskommunikationssenat għandu jiġi kkunsidrat bħala qorti fis-sens ta’ l-Artikolu 234 KE, b’mod li d-domandi tiegħu huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

23      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552 għandux jiġi interpretat fis-sens li xandira jew parti minn xandira li matulha l-istazzjon televiżiv stess joffri lit-telespettaturi l-possibbiltà li jipparteċipaw f’logħba bi premjijiet billi jċemplu mill-ewwel numru tat-telefon speċjali u għalhekk bi ħlas, taqa’ taħt id-definizzjoni li dan l-Artikolu jagħti lit-teleshopping jew, jekk ikun il-każ, lir-reklamar fuq it-televiżjoni.

24      Għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ħtiġijiet kemm ta’ l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jinkludu ebda referenza espliċita għad-dritt ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u ta’ l-għan tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43, tas-17 ta’ Marzu 2005, Feron, C‑170/03, Ġabra p. I‑2299, punt 26; u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Nokia, C-316/05, Ġabra p. I-12083, punt 21).

25      Il-portata li l-leġiżlatur ried jagħti lill-kunċetti ta’ “reklamar fuq it-televiżjoni” u ta’ “teleshopping” fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552, għandha għalhekk tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u ta’ l-għan tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni.

26      Kif jirriżulta mis-seba’ u għoxrin premessa tad-Direttiva 89/552, il-leġiżlatur Komunitarju ried jiżgura li l-interessi tal-konsumaturi bħala telespettaturi jiġu protetti bis-sħiħ u kif għandu jkun, billi jissuġġetta d-diversi forom ta’ promozzjoni bħar-reklamar fuq it-televiżjoni, it-teleshopping u l-isponsorship għal ċertu numru ta’ regoli u standards minimi.

27      F’din il-perspettiva, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 89/552, li jiddefinixxu dawn ir-regoli u dawn l-istandards, jesprimu r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju, kif jisħaq l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiddistingwi dawn l-attivitajiet ta’ promozzjoni minn dawk li jidħlu fil-kumplament tal-programmi mxandra, li jagħmilhom identifikabbli bla ambigwità għat-telespettaturi u li jillimita l-ispazju għat-trażmissjoni tagħhom. B’hekk, il-ħarsien tal-konsumaturi bħala telespettaturi kontra r-reklamar eċċessiv jikkostitwixxi aspett essenzjali ta’ l-għan tad-Direttiva 89/552 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, RTL Television, C‑245/01, Ġabra p. I‑12489, punt 64).

28      Huwa bl-iskop li jintlaħaq dan il-għan li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552 jiddefinixxi b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “reklamar fuq it-televiżjoni” u ta’ “teleshopping”. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dan il-għan li għandha tiġi evalwata l-portata ta’ dawn il-kunċetti.

29      Għaldaqstant, sabiex tirrispondi għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk xandira bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il-kriterji li l-leġiżlatur Komunitarju għamel riferenza għalihom sabiex jiddefinixxi l-imsemmija kunċetti.

30      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 89/552 sabiex jiddefinixxu t-teleshopping, għandu jiġi kkonstatat li, fix-xandira in kwistjoni, deskritta fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, l-istazzjon televiżiv jittrażmetti direttament lill-pubbliku offerta li tippermettilu jaċċedi għal forma ta’ logħba bi premjijiet billi jħallas telefonata.

31      Huwa paċifiku li, f’dan il-każ, l-ispiża ta’ din it-telefonata hija ogħla mit-tariffa normali. Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li parti mill-prezz ta’ din it-telefonata hija mħallsa mill-operatur tat-telefon lill-istazzjon televiżiv li jxandar il-logħba. B’hekk, billi jċempel in-numru tat-telefon speċjali li jidher fuq l-iskrin, it-telespettatur, li jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ din il-logħba u għalhekk għad-dħul ta’ dan l-istazzjon, jaċċedi għall-attività proposta bi ħlas minn dan l-istazzjon.

32      Minbarra dan, attività li tikkonsisti f’li l-utenti jipparteċipaw, bi ħlas, f’logħba bi premjijiet tista’ tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, għall-organizzazzjoni tal-lotteriji, is-sentenza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C‑275/92, Ġabra p. I‑1039, punt 25; għat-tqegħid ta’ magni tal-logħob għad-dispożizzjoni ta’ dak li jkun, ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C‑124/97, Ġabra. p. I‑6067, punt 27; u għall-użu ta’ logħob ta’ l-azzard jew għall-flus, ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et, C‑6/01, Ġabra p. I‑8621, punt 56).

33      F’dan il-każ, qed jiġi offert direttament lit-telespettaturi matul ix-xandira li jipparteċipaw f’logħba ta’ l-ażżard, billi tiġi pprovduta lilhom l-informazzjoni indispensabbli sabiex jikkuntattjaw lill-preżentatur tal-programm u jinstemgħu fil-programm jew, fin-nuqqas, sabiex jinkitbu fit-tlugħ ta’ kull ġimgħa. Mistieden mill-preżentatur sabiex jipparteċipa fil-konkors tax-xandira, it-telespettatur jaċċetta l-istedina billi jċempel in-numru speċjali indikat fuq l-iskrin. Mill-mument li s-servizzi ta’ l-ÖRF jieħdu t-telefonata, jiskatta l-proċess ta’ ħlas, u l-prezz miżjud tat-telefonata jiġi addebitat fuq il-kont tat-telefon tat-telespettatur li, dak il-ħin, jagħżel li jilgħab live f’xandira televiżiva jew, skond il-każ, jikseb id-dritt sabiex eventwalment jipparteċipa fit-tlugħ tal-premjijiet li jkun baqa’.

34      It-telespettatur ikkonċernat jaċċetta għalhekk stedina ta’ parteċipazzjoni f’logħba, bit-tama’ li jirbaħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istazzjon televiżiv jista’ jidher li qed jipprovdi servizz bi ħlas għad-dispożizzjoni tat-telespettatur billi jippermettilu jipparteċipa f’logħba bi premjijiet.

35      Dan premess, il-klassifikazzjoni tal-logħba in kwistjoni bħala “teleshopping” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 89/552, tirrikjedi madankollu wkoll li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha, l-imsemmija xandira jew parti mix-xandira tikkostitwixxix tabilħaqq offerta ta’ servizzi. F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-kawża prinċipali.

36      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-iskop tax-xandira li fiha sseħħ il-logħba, l-importanza ta’ din il-logħba fi ħdan ix-xandira kollha kemm hi, f’termini ta’ ħin u ta’ redditu ekonomiku mistenni meta mqabbla ma’ dawk li huma previsti għall-imsemmija xandira, kif ukoll l-orjentament tad-domandi magħmula lill-kandidati.

37      Għandu jingħad ukoll li logħba, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tikkostitwixxi “teleshopping” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 89/552 biss jekk din il-logħba tikkostitwixxi tabilħaqq attività ekonomika awtonoma ta’ provvista ta’ servizzi u mhijiex limitata għal sempliċi offerta ta’ divertiment fi ħdan ix-xandira (ara, b’analoġija, għal logħba bi premjijiet imdaħħla f’pubblikazzjoni, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress, C‑368/95, Ġabra p. I‑3689, punt 23).

38      Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-istazzjon televiżiv kellu sempliċiment l-intenzjoni, fid-dawl ta’ l-iskop tax-xandira li fiha sseħħ il-logħba, li jirrendi din ix-xandira interattiva mingħajr madankollu ma jkun irid tabilħaqq joffri servizzi fil-qasam tal-logħob għall-flus, b’mod partikolari jekk din il-logħba tirrappreżenta biss parti minima tal-kontenut u tal-ħin tal-programm ta’ divertiment u, għaldaqstant, ma tbiddilx in-natura tal-programm, u jekk id-domandi magħmula lill-kandidati ma jkollhomx x’jaqsmu mal-promozzjoni ta’ prodotti u servizzi relatati ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni. L-istess japplika jekk il-qligħ ekonomiku mistenni minn din il-logħba jkun tabilħaqq aċċessorju meta mqabbel ma’ dak li jikkonċerna x-xandira kollha kemm hi.

39      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 89/552 għall-finijiet tad-definizzjoni tar-reklamar fuq it-televiżjoni, għandu jiġi eżaminat jekk, f’xandira bħal dik fil-kawża prinċipali, l-istedina magħmula lit-telespettaturi li jċemplu numru tat-telefon speċjali sabiex jipparteċipaw, bi ħlas, f’logħba bi premjijiet tikkostitwixxix forma ta’ avviż televiżiv jew trażmissjoni għal skopijiet ta’ promozzjoni tagħha stess minn impriża in konnessjoni ma’ kummerċ sabiex tiġi promossa l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi.

40      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-klassifikazzjoni bħala “reklamar fuq it-televiżjoni” ta’ l-avviż kontenut fix-xandira jew fil-parti tax-xandira in kwistjoni fil-kawża prinċipali biss fil-każ fejn din ta’ l-aħħar mhijiex teleshopping. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 35 sa 38 ta’ din is-sentenza, li minnhom jirriżulta li ma jistax ikun hemm teleshopping fin-nuqqas ta’ offerta ta’ servizzi fil-veru sens tal-kelma, għandu jiġi rikonoxxut li l-avviż li għandu jiġi eżaminat jaqa’ fil-kuntest ta’ programm ta’ divertiment.

41      Peress li l-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 89/552 ikopri kull forma ta’ avviż imxandar fuq it-televiżjoni, għandu jiġi rikonoxxut ukoll li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tippresupponi li l-aspetti kollha tax-xandira jew tal-parti mix-xandira għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk minnhom tirriżultax l-intenzjoni li jiġi trażmess reklamar fuq it-televiżjoni lit-telespettaturi. Għaldaqstant mhemmx lok li din l-evalwazzjoni tiġi limitata biss għall-forma ta’ avviż ikkostitwita mid-dehra fuq l-iskrin ta’ numru tat-telefown speċjali li jippermetti li wieħed jaċċedi għal-logħba.

42      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkontestat li l-istazzjon televiżiv jipprova, permezz ta’ dan l-avviż, jippromwovi l-imsemmija xandira billi jinkoraġġixxi lit-telespettaturi sabiex isegwu din ix-xandira, u billi jirrendi din ix-xandira iktar attraenti mill-perspettiva ta’ parteċipazzjoni f’logħba li tippermetti li jintrebaħ premju. Madankollu, ġeneralment, kull stazzjoni televiżiv jipprova jagħti xejra attraenti lil kull xandira televiżiva li huwa liberu li jittrażmetti. Minn dan ma jistax jiġi dedott li kull forma ta’ avviż maħsub sabiex jirrendi xandira iktar attraenti jikkostitwixxi reklamar fuq it-televiżjoni.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din il-forma partikolari ta’ avviż ikkostitwita mill-istedina li wieħed jipparteċipa f’logħba bi premjijiet għandhiex karatteristika li tista’ tagħtiha n-natura ta’ reklamar fuq it-televiżjoni.

44      Għandu jiġi kkonstatat li dan l-avviż u l-logħba li dan jista’ jagħti aċċess għaliha huma intiżi sabiex it-telespettatur jipparteċipa direttament fil-kontenut stess tax-xandira. L-imsemmi avviż huwa parti integrali minn din ix-xandira u m’għandux, a priori, l-għan, fih innifsu, li jqajjem l-interess fiha.

45      Madankollu, permezz tal-kontenut tagħha, il-logħba tista’ tikkonsisti fil-promozzjoni indiretta tal-kwalitajiet tal-programmi ta’ l-istazzjon televiżiv, b’mod partikolari jekk id-domandi magħmula lill-kandidat jirrigwardaw il-konoxxenza tiegħu ta’ trażmissjonijiet oħra ta’ dan l-istazzjon u huma b’hekk ta’ natura li jinkoraġġixxu lill-kandidati potenzjali sabiex isegwu dawn it-trażmissjonijiet. L-istess japplika jekk il-premjijiet ikunu jikkonsistu fi prodotti derivati li jservu għall-promozzjoni ta’ dawn il-programmi, bħal vidjows. F’tali ċirkustanzi, l-avviż imxandar minn din it-trażmissjoni jew parti mit-trażmissjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala reklamar fuq it-televiżjoni fil-forma ta’ awtopromozzjoni. L-avviż jista’ wkoll jiġi kkunsidrat bħala reklamar fuq it-televiżjoni jekk il-prodotti u s-servizzi offerti bħala premjijiet ikunu s-suġġett ta’ preżentazzjonijiet jew ta’ promozzjonijiet intiżi sabiex jinkoraġġixxu lit-telespettaturi sabiex jakkwistaw l-imsemmija prodotti u servizzi.

46      Għandu jiġi kkonstatat li l-elementi ta’ informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja waħedhom ma jippermettulhiex li tevalwa jekk dan huwiex il-każ għal xandira jew parti minn xandira, bħal dik fil-kawża prinċipali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552 għandu jiġi interpretat fis-sens li xandira jew parti minn xandira, li matulha stazzjon televiżiv joffri lit-telespettaturi l-possibbiltà li jipparteċipaw f’logħba bi premjijiet billi jċemplu mill-ewwel numru tat-telefon speċjali u għalhekk bi ħlas,

–        taqa’ taħt id-definizzjoni li l-paragrafu (f) ta’ dan l-Artikolu jagħti lit-teleshopping jekk din ix-xandira jew parti mix-xandira tirrappreżenta tabilħaqq offerta ta’ servizzi fid-dawl ta’ l-iskop tax-xandira li fiha sseħħ il-logħba, ta’ l-importanza ta’ din il-logħba fi ħdan ix-xandira f’termini ta’ ħin u ta’ redditu ekonomiku mistenni meta mqabbla ma’ dawk li huma previsti għax-xandira kollha kemm hi kif ukoll ta’ l-orjentament tad-domandi magħmula lill-kandidati;

–        taqa’ taħt id-definizzjoni li l-paragrafu (ċ) ta’ dan l-Artikolu jagħti lir-reklamar fuq it-televiżjoni jekk, minħabba l-għan u l-kontenut ta’ din il-logħba, kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom huma ppreżentati l-premjijiet, din il-logħba tikkonsisti f’avviż intiż sabiex jinkoraġġixxi lit-telespettaturi sabiex jakkwistaw il-prodotti u s-servizzi ppreżentati bħala premjijiet, jew intiż sabiex jippromwovi indirettament fil-forma ta’ awtopromozzjoni l-kwalitajiet tal-programmi ta’ l-istazzjon in kwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36/KE tat-30 ta’ Ġunju 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li xandira jew parti minn xandira, li matulha stazzjon televiżiv joffri lit-telespettaturi l-possibbiltà li jipparteċipaw f’logħba bi premjijiet billi jċemplu mill-ewwel numru tat-telefon speċjali u għalhekk bi ħlas,

–        taqa’ taħt id-definizzjoni li l-paragrafu (f) ta’ dan l-Artikolu jagħti lit-teleshopping jekk din ix-xandira jew parti mix-xandira tirrappreżenta tabilħaqq offerta ta’ servizzi fid-dawl ta’ l-iskop tax-xandira li fiha sseħħ il-logħba, ta’ l-importanza ta’ din il-logħba fi ħdan ix-xandira f’termini ta’ ħin u ta’ redditu ekonomiku mistenni meta mqabbla ma’ dawk li huma previsti għax-xandira kollha kemm hi kif ukoll ta’ l-orjentament tad-domandi magħmula lill-kandidati;

–        taqa’ taħt id-definizzjoni li l-paragrafu (ċ) ta’ dan l-Artikolu jagħti lir-reklamar fuq it-televiżjoni jekk, minħabba l-għan u l-kontenut ta’ din il-logħba, kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom huma ppreżentati l-premjijiet, din il-logħba tikkonsisti f’avviż intiż sabiex jinkoraġġixxi lit-telespettaturi sabiex jakkwistaw il-prodotti u s-servizzi ppreżentati bħala premjijiet, jew intiż sabiex jippromwovi indirettament fil-forma ta’ awtopromozzjoni l-kwalitajiet tal-programmi ta’ l-istazzjon in kwistjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.