Language of document : ECLI:EU:F:2009:14

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Frar 2009

Kawża F-51/08

Willem Stols

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2007 – Eżami komparattiv tal-merti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l‑Artikoli 236 KE u 152 KEE, li permezz tiegħu W. Stols jitlob l‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑Kunsill, tas‑16 ta’ Lulju 2007, li tirrifjuta li tniżżlu fil‑lista tal‑uffiċjali promossi fil‑grad AST 11 skont il‑proċedura ta’ promozzjoni 2007, flimkien mad‑deċiżjoni tal‑Assistent Segretarju Ġenerali tal‑Kunsill, tal‑5 ta’ Frar 2008, li tiċħad it‑talba tiegħu mressqa abbażi tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 90(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal, fil‑verżjoni tiegħu fis‑seħħ mill‑1 ta’ Mejju 2004.

Deċiżjoni: Id‑deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Lulju 2007 u tal‑5 ta’ Frar 2008, li permezz tagħhom il‑Kunsill irrifjuta li jippromwovi lir-rikorrent fil‑grad AST 11 skont il‑proċedura ta’ promozzjoni 2007, huma annullati. Il‑Kunsill huwa kkundannat għall‑ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Is‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill‑amministrazzjoni sabiex tevalwa l‑merti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil‑kuntest ta’ deċiżjoni għal promozzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 45 tar‑Regolamenti tal‑Persunal hija limitata min‑neċessità li jitwettaq eżami komparattiv tal‑applikazzjonijiet bir‑reqqa u b’imparzjalità, fl‑interess tas‑servizz u skont il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil‑prattika, dan l‑eżami għandu jitwettaq fuq bażi ugwali u minn sorsi ta’ informazzjoni u ta’ tagħrif komparabbli, peress li għandu jiġi ppreċiżat li r‑rapporti ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxu element indispensabbli ta’ evalwazzjoni kull darba li l‑karriera ta’ uffiċjal tittieħed inkunsiderazzjoni għall‑finijiet tal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrigwarda l‑promozzjoni tiegħu. Għal dan il‑għan, l‑Awtorità tal‑Ħatra għandha setgħa statutorja li twettaq tali eżami skont il‑proċedura jew il‑metodu li hija tqis l‑iktar xieraq. Fil‑fatt, sabiex twettaq l‑eżami tal‑merti stabbilit fl‑Artikolu 45 tar‑Regolamenti tal‑Persunal, l‑Awtorità tal‑Ħatra ma hijiex obbligata tirreferi biss għar‑rapporti ta’ evalwazzjoni tal‑kandidati, iżda tista’ wkoll tibbaża l‑evalwazzjoni tagħha fuq aspetti oħrajn tal‑merti tagħhom, bħal informazzjoni oħra dwar is‑sitwazzjoni amministrattiva u personali tagħhom, tali li l‑evalwazzjoni magħmula tkun relattiva biss fid‑dawl tar‑rapporti ta’ evalwazzjoni.

Barra minn hekk, il‑metodu ta’ evalwazzjoni li jikkonsisti fil‑paragun tal‑medja tal‑evalwazzjonijiet analitiċi tal‑uffiċjali eliġibbli għall‑promozzjoni mal‑medja tal‑evalwazzjonijiet analitiċi tad‑Direttorati Ġenerali rispettivi tagħhom huwa wkoll legali, sa fejn dan huwa intiż li jelimina s‑suġġettività li tirriżulta mill‑evalwazzjonijiet magħmula mill‑evalwaturi differenti.

Peress li l‑mertu jikkostitwixxi l‑kriterju determinanti ta’ kull promozzjoni, l‑età u l‑perijodu ta’ żmien fil‑grad jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss b’mod sussidjarju, ħlief fil-każ tal‑istess merti, fejn dawn jistgħu jikkostitwixxu element deċiżiv.

(ara l‑punti 28 sa 32)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: 1 ta’ Lulju 1976, de Wind vs Il‑Kummissjoni, 62/75, Ġabra p. 1167, punt 17; 17 ta’ Diċembru 1992, Moritz vs Il‑Kummissjoni, C‑68/91 P, Ġabra. p. I‑6849, punt 16

Il-Qorti tal‑Prim’Istanza: 25 ta’ Novembru 1993, X vs Il‑Kummissjoni, T‑89/91, T‑21/92 u T‑89/92, Ġabra p. II‑1235, punti 49 u 50; 30 ta’ Novembru 1993, Tsirimokos vs Il‑Parlament, T‑76/92, Ġabra p. II‑1281, punt 21; 13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑557/93, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑603, punti 20 u 30; 29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑280/94, ĠabraSP p. I‑A‑77 u II‑239, punt 138; 12 ta’ Diċembru 1996, X vs Il‑Kummissjoni, T‑130/95, ĠabraSP p. I‑A‑603 u II‑1609, punt 45; 21 ta’ Ottubru 1997, Patronis vs Il‑Kunsill, T‑168/96, ĠabraSP p. I‑A‑299 u II‑833, punt 35; 5 ta’ Marzu 1998, Manzo‑Tafaro vs Il‑Kummissjoni, T‑221/96, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑307, punt 18; 21 ta’ Settembru 1999, Oliveira vs Il‑Parlament, T‑157/98, ĠabraSP p. I‑A‑163 u II‑851, punt 35; 24 ta’ Frar 2000, Jacobs vs Il‑Kummissjoni, T‑82/98, ĠabraSP p. I‑A‑39 u II‑169, punti 36 sa 39; 3 ta’ Ottubru 2000, Cubero Vermurie vs Il‑Kummissjoni, T‑187/98, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑885, punti 59 u 85; 11 ta’ Lulju 2002, Perez Escanilla vs Il‑Kummissjoni, T‑163/01, ĠabraSP p. I‑A‑131 u II‑717, punt 36; 19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, T‑188/01 sa T‑190/01, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑495, punt 97; 9 ta’ Arpil 2003, Tejada Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑134/02, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑609, punt 42; 18 ta’ Settembru 2003, Callebaut vs Il‑Kummissjoni, T‑241/02, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑1061, punti 22 u 23; 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punti 53 sa 57

2.      Deċiżjoni li tirrifjuta promozzjoni ta’ uffiċjal għar-raġuni li l‑merti tiegħu ikunu inqas minn dawk tal‑uffiċjali promossi, filwaqt li l‑elementi kostituttivi tal‑mertu tal‑persuna kkonċernata meħuda inkunsiderazzjoni mill‑amministrazzjoni skont id‑dispożizzjonijiet il‑ġodda tal‑Artikolu 45 tar‑Regolamenti tal‑Persunal, jiġifieri rapporti ta’ evalwazzjoni, kompetenzi lingwistiċi, livell ta’ responsabbiltà eżerċitata, jinvalidaw manifestament dan il‑motiv, tkun ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l‑punti 36 sa 41)