Language of document : ECLI:EU:F:2009:22

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

10 ta’ Marzu 2009

Kawża F-106/07

Stavros Giaprakis

vs

Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Trasferiment ta’ parti mir-remunerazzjoni barra mill-pajjiż ta’ assenjazzjoni – Artikolu 17(2)(b) tal-Anness VII tar Regolamenti tal-Persunal l-antiki – Kont ta’ self għal xiri ta’ dar – Irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament – Kundizzjonijiet – Irregolarità tat-trasferimenti – Natura evidenti tal-irregolarità”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li bih S. Giaprakis jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, tal-21 ta’ Novembru 2006, intiża għall-irkupru, skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-ammonti li kienu tħallsu lilu skont il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni fuq il-parti mir-remunerazzjoni tiegħu ttrasferiti fi Franza minn April 2004 sa Ġunju 2005, ammonti li laħqu EUR 1 246.06 , min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jirrimborsah is-somma ta’ EUR 1 246.06 li tnaqqset mir-remunerazzjoni tiegħu u, fl-aħħar nett, li tħallsu s-somma ta’ EUR 1 000 bħala kumpens għad-dannu morali minħabba d-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2006 msemmija iktar ’il fuq.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Novembru 2006, li tordna l-irkupru tal-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni fuq il-parti tal-emolumenti tar-rikorrent ittrasferita fi Franza minn April 2004 sa Ġunju 2005, għal ammont ta’ EUR 1 246.06 hija annullata. Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat jirrimborsa lir-rikorrent l-ammont ta’ EUR 1 246.06 flimkien mal-interessi moratorji li jiddekorru mid-data tal-irkupru sad-data tal-ħlas effettiv, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament u applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Nota tal-amministrazzjoni li tinforma lill-parti kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li tirkupra l-ammonti mħallsa indebitament fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni sodisfaċenti jew ta’ dokument ta’ sostenn addizzjonali prodott minnha

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament – Kundizzjonijiet – Irregolarità evidenti tal-ħlas – Għarfien mill-parti kkonċernata – Trasferiment ta’ parti mir-remunerazzjoni tal-uffiċjal barra mill-pajjiż ta’ assenjazzjoni lejn kont ta’ self għal xiri ta’ dar

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85; Anness VII, Artikolu 17(2))

3.      Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kumpens għad-danni materjali subiti minn uffiċjal minħabba l-irkupru illegali ta’ somma

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.       Nota tal-amministrazzjoni li tinforma lil uffiċjal bl-intenzjoni tagħha li, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni sodisfacenti jew ta’ dokument ta’ sostenn addizzjonali li jistgħu jiġu ppreżentati minnu, tipproċedi għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ta’ ċerti somom, u ma tindikax la l-ammont tal-eventwali rkupru u lanqas il-metodi tal-irkupru, ma tistax titqies li hija att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal, peress li hija ma taffettwax direttament u immedjatament l-interessi tiegħu, billi tbiddel, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu, u lanqas ma tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni definittiva tal-amministrazzjoni. Minbarra dan, tali nota bl-ebda mod ma tippermetti lill-persuna kkonċernata tevalwa l-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tagħha, permezz tal-introduzzjoni ta’ lment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 45 u 46)

2.       Mill-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, fejn l-ewwel waħda tikkonsisti fl-irregolarità tal-ħlas li l-amministrazzjoni tipprova tirkupra u, it-tieni kundizzjoni, fl-għarfien ta’ din l-irregolarità mill-uffiċjal jew fil-konstatazzjoni li l-irregolarità inkwistjoni kienet daqshekk evidenti li l-uffiċjal ma setax ma jkunx jaf biha.

Anki jekk jiġi preżuppost li l-Artikolu 17(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li jippermetti lill-uffiċjal jittrasferixxi parti mir-remunerazzjoni tiegħu barra mill-pajjiż ta’ assenjazzjoni sabiex ikopri spejjeż li jirriżultaw b’mod partikolari minn oneri regolari u pprovati li huwa kellu jħallas barra mill-pajjiż tas-sede tal-istituzzjoni tiegħu jew tal-pajjiż fejn huwa jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, ma japplikax meta t-trasferiment ikun lejn il-kont ta’ self għal xiri ta’ dar irrikonoxxut inkwantu tali mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, in-natura irregolari ta’ tali ħlas ma huwiex daqshekk evidenti li l-imsemmi uffiċjali ma setax ma jkunx jaf dwar dan, b’mod partikolari meta l-kliem tat-testi applikabbli ma jippermettux li tingħata tweġiba ċara u mhux ekwivoka għall-kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għal tali trasferiment, u li l-aġir tad-dipartimenti kompetenti seta’ jħalli lill-persuna kkonċernata raġonevolment temmen li l-pożizzjoni tagħha kienet ixxaqleb lejn din l-applikabbiltà.

(ara l-punti 58, 68, 69, 72 u 74)

3.      Il-qorti Komunitarja tas-servizz pubbliku, li għandha ġurisdizzjoni sħiħa fl-oqsma pekunjarji, għandha l-kompetenza li tordna, bħala kumpens għad-dannu materjali, ir-rimbors lir-rikorrent ta’ somma indebitament irkuprata mill-amministrazzjoni, flimkien mal-interessi moratorji li jibdew jiddekorru mid-data tal-irkupru u mid-data tal-pagament effettiv.

(ara l-punti 81 u 82)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Settembru 2002, Puente Martín vs Il‑Kummissjoni, T‑29/01, ĠabraSP p. I‑A‑157 u II‑833, punt 88; 9 ta’ Lulju 2003, Efthymiou vs Il-Kummissjoni, T‑22/01, ĠabraSP p. I‑A‑177 u II‑891, punt 45;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Jannar 2007, Borbély vs Il‑Kummissjoni, F‑126/05, ĠabraSP p. I-A-1-0000 u II-A-1-0000, punt 73