Language of document : ECLI:EU:C:2010:613

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-14 ta’ Ottubru 2010 (1)

Kawża C‑524/09

Ville de Lyon

vs

Caisse des dépôts et consignations

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif de Paris (Franza)]

“Politika ambjentali – Direttiva 2003/87/KE – Ċertifikat ta’ emissjonijiet ta’ gass serra – Regolament (KE) Nru 2216/2004 – Sistema ta’ reġistru Komunitarju – Direttiva 2003/4/KE – Aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent – Aċċess għat-tagħrif dwar it-tranżazzjonijiet fuq kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass serra – Rifjut ta’ komunikazzjoni – Kompetenzi tal-Amministratur ċentrali u tal-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali – Kunfidenzjalità tat-tagħrif li jinsab fir-reġistri u possibbiltà ta’ deroga”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha bħala suġġett l-aċċess għat-tagħrif dwar il-bejgħ tad-drittijiet ta’ emissjonijiet. It-tagħrif inkwistjoni jinsab irreġistrat f’reġistri li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra taħt id-Direttiva 2003/87/KE, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, skont il-mekkaniżmi tal-abbozz tal-Protokoll ta’ Kyoto (2).

2.        L-ewwel nett għandu jiġi ċċarat jekk it-tagħrif huwiex tagħrif ambjentali fis-sens tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (3) (iktar ‘il quddiem id-“Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali”).

3.        Barra minn hekk, għandha tiġi eżaminata r-relazzjoni eżistenti bejn id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u r-Regolament (KE) Nru 2216/2004, tal-21 ta’ Diċembru 2004, għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri (4). Hemm dubju dwar kemm id-dispożizzjonijiet restrittivi tar-Regolament dwar l-iżvelar tat-tagħrif inkwistjoni jegħlbux id-direttiva inkwantu huma lex specialis jew jekk tal-inqas, jaffettwawx l-applikazzjoni tad-direttiva.

II – Il-kuntest ġuridiku

1.      L-aċċess għat-tagħrif ambjentali

4.        Fuq livell internazzjonali, l-Unjoni ntrabtet permezz tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (5) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”) iffirmata mill-Komunità fil-25 ta’ Ġunju 1998 f’Århus (id-Danimarka) (6), biex tiggarantixxi l-aċċess għat-tagħrif ambjentali.

5.        Wieħed jista’ jsib xi restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess b’mod partikolari fl-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni:

“Talba għal tagħrif ambjentali tista’ tiġi rrifjutata fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkollu effett ħażin fuq:

[...]

d)      Is-sigriet kummerċjali u industrijali meta dan is-sigriet huwa protett bil-liġi sabiex jitħares interess ekonomiku leġittimu. F’dan il-kuntest, it-tagħrif fuq l-emissjonijiet li huwa rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandu jiġi żvelat;

e)      id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

f)      in-natura kunfidenzjali tad-data u/jew tal-fajls personali li jikkonċernaw persuna fiżika jekk din il-persuna ma tkunx tat il-kunsens tagħha għall-iżvelar ta’ dan it-tagħrif lill-pubbliku, meta n-natura kunfidenzjali ta’ dan it-tip ta’ tagħrif hija prevista fid-dritt intern;

[...]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv fid-dawl tal-interess li l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jkollu għall-pubbliku u skont jekk dan it-tagħrif ikunx jirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent jew le” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6.        Id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tittrasponi l-Konvenzjoni ta’ Århus fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-Artikolu 2 jiddefinixxi b’mod partikolari l-kunċett ta’ tagħrif ambjentali:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘Tagħrif dwar l-ambjent’ għandu jfisser kull tagħrif fil-għamla miktuba, li jidher, li jinsama’, bl-elettronika jew ta’ kull materjal ieħor dwar:

(a)      l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturli inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi l-organiżmi mmodifikati ġenetikament, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

(b)      il-fatturi, bħalma juma s-sustanzi, l-enerġija, il-ħsejjes, ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjoattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi ta’ l-ambjent riferiti fil-(a);

(ċ)      il-miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi), bħalma huma l-politiki, il-leġislazzjoni, il-pjani, il-programmi, il-ftehimijiet ambjentali, u l-attivitajiet li jaffettwaw jew x’aktarx li jaffettwaw l-elementi u l-fatturi riferiti fil-(a) u fil-(b) kif ukoll il-miżuri jew l-attivitajiet iddisinjati għalbiex jipproteġu dawn l-elementi;

(d)      ir-rapporti dwar l-implementazzjoni ta’ leġislazzjoni dwar l-ambjent;

(e)      il-benefiċċju taħt il-profil ta’ ġestjoni u spejjeż u l-analiżijiet u l-ipotesijiet l-oħra ekonomiċi wżati ġewwa l-qafas tal-miżuri u l-attivitajiet riferiti fiċ-(ċ); u

(f)      l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika, inklużi t-tniġġiż tal-katina ta’ l-ikel, meta rilevanti, il-kondizzjonijiet tal-ħajja umana, is-siti kulturali u l-istrutturi mibnija daqskemm jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati mill-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent riferiti fil-(a) jew, permezz ta’ dawn l-elementi, minn kull materja riferita fil-(b) u ċ-(ċ).

[...]”

7.        L-Artikolu 3(1) jirregola d-dritt ta’ aċċess għat-tagħrif ambjentali:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu”.

8.        L-Artikolu 4(2) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi ċerti derogi u jistipula:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

(a)      il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta bil-liġi;

(b)      ir-relazzjonijiet internazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża nazzjonali;

(ċ)      il-kors tal-ġusizzja, l-abbiltà ta’ kull persuna li tirċievi proċess ġudizzjarju ġust jew l-abbiltà ta’ awtorità pubblika li tmexxi investigazzjoni ta’ natura kriminali jew dixxiplinarja;

(d)      il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta fil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji sabiex tipproteġi intress ekonomiku leġittimu, inkluż l-interes pubbliku fiż-żamma tal-kunfidenzjalità u s-segretezza dwar it-taxxi;

(e)      id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali:

(f)      il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni personali u/jew l-inkartamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ persuna naturali meta din il-persuna ma tkunx tat il-kunsens sabiex jiġi żvelat it-tagħrif lill-pubbliku, meta din il-kunfidenzjalità hija pprovvduta bil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji;

(g)      l-interessi jew il-protezzjoni ta’ kull persuna li tkun forniet it-tagħrif mitlub fuq bażi volontarju mingħajr ma tiġi mqiegħda, jew kapaċi li tiġi mqiegħda, taħt obbligu legali li tagħmel dan, għajr jekk il-persuna tkun tat il-kunsens tagħha għar-rilaxx tat-tagħrif interessat;

(h)      il-protezzjoni ta’ l-ambjent li miegħu jkollu x’jaqsam dan it-tagħrif, bħalma hija l-lokazzjoni ta’ speċji rari.

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

[...]”

2.      B.     Il-leġiżlazzjoni dwar l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet

9.        L-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti fil-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal-Klima (7) konkluża f’Ġunju 1992 f’Rio de Janeiro u fil-Protokoll ta’ Kyoto li rriżulta minnha (8). L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li matul il-perijodu bejn l-2008 u l-2012 jitnaqqas it-total ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mux inqas minn 5 % meta mqabbel mal-livell ta’ dawn l-emissjonijiet għas-sena 1990. L-impenn globali meħud mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha taħt il-Protokoll ta’ Kyoto jirrigwarda t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra matul il-perijodu ta’ impenn imsemmi, b’total ta’ 8 % meta mqabbel mal-livell ta’ emissjonijiet għas-sena 1990.

10.      Wieħed mill-punti tal-istrateġija ta’ implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi huwa d-Direttiva 2003/87. L-iskema implementata tikkonsisti fil-fatt li lill-operaturi minn ċerti partijiet tal-ekonomija jingħatawlhom drittijiet limitati għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dawn tal-aħħar jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet huma stess jew jittrasferuhom lil operaturi oħra jekk dawn ikunu jixtiequ jitilqu kwantitajiet ikbar ta’ gassijiet serra minn dawk li jkunu ġew konċessi lilhom.

11.      L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87 fih dispożizzjonijiet bażiċi li jirregolaw ir-reġistru tad-drittijiet ta’ emissjonijiet:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu li jiġi stabbilit u miżmum uffiċċju tar-reġistrazzjonijiet [reġistru] sabiex [tiġi ]żgura[ta] l-kontabbiltà eżatta tal-ħruġ, iż-żamma, it-trasferiment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti. L-Istati Membri jistgħu jżommu l-uffiċċji tagħhom tar-registrazzjonijiet [ir-reġistri tagħhom] f’sistema konsolidata, flimkien ma’ Stat Membri ieħor jew iktar.

(2)      Kull persuna jista’ jkollha kwoti. L-uffiċċju tar-reġistrazzjonijiet [Ir-reġistri] għand[hom i]kun[u] aċċessibbli għall-pubbliku u għand[hom i]kun fih[om] kontijiet separati sabiex jirreġistra[w i]l-kwoti miżmuma minn kull wieħed mill-persuni li lilhom jew minn għandhom joħorġu jew jiġu ttrasferiti l-kwoti.

(3)      Sabiex timplementa din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2) għal sistema standardizzata u ggarantita ta’ uffiċji tar-reġistrazzjonijiet [reġistri] fil-għamla ta’ databases elettroniċi standardizzati li jkun fihom elementi komuni ta’ informazzjoni sabiex jittraċċjaw il-ħruġ, iż-żamma. it-tramsferiment u l-kanċellazzjoni tal-konċessonijiet [kwoti], sabiex jipprovvdu l-aċċess lill-pubblu u għall-kunfidenzalità kif xieraq u sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda trasferiment mhux kompatibbli ma’ l-obbliġi li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto”.

12.      Barra minn hekk, l-Artikolu 20 jipprovdi għall-kontroll fuq it-tranżazzjonijiet fuq livell Komunitarju:

“(1)      Il-Kummissjoni għandha tinnomina Amministratur Ċentrali sabiex iżomm reġistru indipendenti tat-transazzjonijiet li jirreġistra l-ħruġ, it-trasferiment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti.

(2)      L-Amministratur Ċentrali għandu jikkonduċi kontroll awtomatizzat fuq kull waħda mit-transazzjonijiet [reġistrati] sabiex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda irregolarità fil-ħruġ, it-[t]rasferiment u l-kanċellazzjoni tal-konċessonijiet.

(3)      Jekk l-irregolaritajiet jiġu identifikati permezz tal-kontroll awtomatizzat, l-Amministratur Ċentrali għandu jgħarraf lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri interessati li ma għandhomx jirreġistraw it-transazzjonijiet fil-kwistjoni jew kull transazzjoni oħra li jkollha x’taqsam mal-kwoti sakemm jiġu riżolti l-irregolaritajiet”.

13.      L-aċċess għat-tagħrif huwa s-suġġett tal-premessa 13 u tal-Artikolu 17:

“(13) Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għat-tagħrif li jkollu x’jaqsam ma’ l-allokazzjoni tal-kwoti u għar-riżultati tal-monitoraġġ ta’ l-emissjonijiet, bla ħsara biss għar-restrizzjonijiet ipprovduti fid-Direttiva 2003/4KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess tal-pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent”.

“Artikolu 17

L-aċċess għall-informazzjoni [tagħrif]

Id-Deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti, l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ proġetti fejn Stat Membru jipparteċipa jew jawtorizza lill-entitajiet privati jew pubbliċi biex jipparteċipaw, u r-rapporti dwar l-emissjonijiet meħtieġa fil-permess dwar l-emissjoni ta’ gass serra u li jinżamm mill-awtorità kompetenti, għandhom ikunu aċċessibbli lill-pubbliku skond id-Direttiva 2003/4/KE”.

14.      Abbażi tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll tad-Deċiżjoni 280/2004/KE (9), il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 2216/2004. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament, kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu reġistru fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87. Ir-reġistru Franċiż huwa amministrat mill-Caisse des dépôts et consignations.

15.      L-Artikolu 8(3) jirregola r-responsabbiltà għar-reġistri:

“L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iżommu r-responsabbiltà u l-awtorità aħħarija għat-tħaddim u għaż-żamma tar-reġistri tagħhom”.

16.      L-Artikolu 9 jirregola l-komunikazzjoni tat-tagħrif:

“1.      Kull amministratur ta’ reġistru għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni [tagħrif] elenkata fl-Anness XVI fil-frekwenzi u lir-riċeventi stabbiliti fl-Anness XVI b’mod trasparenti u organizzat permezz tas-sit web tar-reġistru tiegħu. L-amministraturi tar-reġistri m’għandhomx joħorġu informazzjoni addizzjonali miżmuma fir-reġistru.

2.      L-Amministratur Ċentrali għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni elenkata fl-Anness XVI fil-frekwenzi u lir-riċeventi stabbiliti fl-Anness XVI b’mod trasparenti u organizzat permezz tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet. L-Amministratur Ċentrali m’għandux joħroġ informazzjoni addizzjonali miżmuma fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet.

3      Kull sit web għandu jippermetti li r-riċeventi tar-rapporti elenkati fl-Anness XVI jagħmlu mistosijiet dwar dawk ir-rapporti billi jużaw il-faċilitajiet ta’ riċerka.

4.      Kull amministratur ta’ reġistru huwa responsabbli għall-preċiżjoni ta’ l-informazzjoni li toriġina mir-reġistru tiegħu u li tkun disponibbli permezz tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet.

5.      La r-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet u lanqas ir-reġistri m’għandhom jeħtieġu li d-detenturi tal-kontijiet jissottomettu informazzjoni dwar il-prezzijiet fir-rigward tal-kwoti jew ta’ l-unitajiet ta’ Kjoto”.

17.      L-Artikolu 10 jikkonċerna l-kunfidenzjalità tat-tagħrif irreġistrat fir-reġistru:

“1.      L-informazzjoni [tagħrif] kollha, inklużi d-depożiti tal-kontijiet kollha u ttranżazzjonijiet kollha li saru, miżmuma fir-reġistri u fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, għandha titqies bħala kunfidenzjali għal kwalunkwe skop għajr l-implementazzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, tad-Direttiva 2003/87/KE jew tal-liġi nazzjonali.

2.      L-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ma tistax tintuża mingħajr il-kunsens minn qabel tad-detentur tal-kont rilevanti ħlief biex dawk ir-reġistri jitħaddmu u jinżammu skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.      Kull awtorita kompetenti u amminstratur ta’ reġistru għandhom iwettqu biss proċessi li jikkonċernaw il-kwoti, l-emissjonijiet ivverifikati, modifiki awtomatiċi fit-tabella tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, il-kontijiet jew l-unitajiet Kyoto fejn ikun meħtieġ biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala awtorità kompetenti jew amministratur tar-reġistru”.

18.      Il-paragrafi 11 u 12 tal-Anness XVI jipprevedu dan li ġej għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ emissjonijiet:

“11.      L-Amministratur Ċentrali għandu juri u jaġġorna l-informazzjoni fil-paragrafu 12 fir-rigward tas-sistema tar-reġistru fil-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet skond il-ħin magħżul speċifikat.

12.      L-informazzjoni li ġejja għal kull tranżazzjoni kompluta li tkun rilevanti għas-sistema tar-reġistri għas-sena X għandha tintwera mill-15 ta’ Jannar ‘il quddiem tas-sena (X+5):

a)      il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-kont tal-kont ta’ trasferiment: il-kodiċi assenjat lill-kont li jinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness VI;

b)      il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-kont tal-kont ta’ l-akkwist: il-kodiċi assenjat lill-kont li jinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness VI;

c)      isem id-detentur tal-kont tal-kont ta’ trasferiment: id-detentur tal-kont (persuna, operatur, il-Kummissjoni, Stat Membru);

d)      isem id-detentur tal-kont tal-kont ta’ l-akkwist: id-detentur tal-kont (persuna, operatur, il-Kummissjoni, Stat Membru);

e)      kwoti jew unitajiet ta’ Kjoto involuti fit-tranżazzjoni skond il-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ l-unità li jinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness VI;

f)      il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tat-tranżazzjoni: il-kodiċi assenjat lit-tranżazzjoni li jinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness VI;

g)      id-data u l-ħin meta tlestiet it-tranżazzjoni (fil-Ħin Medjan ta’ Greenwich);

h)      it-tip ta’ proċess: il-klassifikazzjoni ta’ proċess li tinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness VII”.

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19.      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2006, il-Ville de Lyon talbet lill-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-Caisse des dépôts et consignations, l-ammonti tal-kwoti mibjugħa matul is-sena 2005 mill-operaturi ta’ 209 sit għall-produzzjoni ta’ tisħin urban li kienu ngħatawlhom kwota, id-data tat-tranżazzjonijiet kif ukoll id-destinatarji.

20.      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2006, il-Caisse des dépôts et consignations irrifjuta milli jibgħat dan it-tagħrif billi bbaża ruħu fuq il-fatt li l-punti 11 u 12 tal-Anness XVI u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 kienu jipprekludu tali komunikazzjoni ta’ tagħrif.

21.      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2006, il-Ville de Lyon ressqet talba quddiem il-Kummissjoni biex ikollha aċċess għad-dokumenti amministrattivi. Fil-pożizzjoni li ħadet fid-9 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni tat opinjoni favur li jintbagħtu d-dokumenti mitluba. Id-dispożizzjonijiet Franċiżi dwar il-protezzjoni tas-sigriet industrijali u kummerċjali ma humiex applikabbli.

22.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2006, il-Caisse des dépôts et consignations ikkonferma r-rifjut preċedenti tiegħu.

23.      Konsegwentement, il-Ville de Lyon ippreżentat rikors biex tiġi annullata d-deċiżjoni ta’ rifjut li jintbagħtu d-dokumenti kif ukoll biex il-Caisse des dépôts et consignations jiġi ordnat jibgħat id-dokumenti mitluba.

24.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1.      Il-komunikazzjoni jew rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 2216/2004, tal-21 ta’ Diċembru 2004, hija ta’ kompetenza biss tal-Amministratur Ċentrali jew ukoll tal-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali?

2.      Fil-każ li l-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali jkun kompetenti, din l-informazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fit-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE tat-28 ta’ Jannar 2003 li għalih “il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali” ma tistax tiġi kkontestata jew il-komunikazzjoni tiegħu huwa rregolat minn regoli speċifiċi ta’ kunfidenzjalità?

3.      Fil-każijiet fejn japplikaw regoli speċifiċi ta’ kunfidenzjalità, din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkomunikata qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin jew dan it-terminu jikkonċerna biss il-perijodu ta’ ħames snin ta’ allokazzjoni ta’ kwoti skont id-Direttiva 2003/87/KE tat-13 ta’ Ottubru 2003?

4.      Fil-każ li dan it-terminu ta’ ħames snin ikun japplika, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 tal-21 ta’ Diċembru 2004 jippermetti deroga minn dan it-terminu u r-rifjut mill-possibbiltà ta’ deroga jista’ jiġi kkontestat, abbażi ta’ dan l-artikolu, kontra awtorità lokali li trid il-komunikazzjoni tal-informazzjoni sabiex tinnegozja konvenzjoni ta’ delega ta’ servizz pubbliku ta’ tisħin urban?

25.      Kemm il-Ville de Lyon, bħala r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Caisse des dépôts et consignations bħala l-konvenut f’din il-proċedura, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l-istess partijiet, ħlief għall-Awstrija, ippreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fis-7 ta’ Ottubru 2010.

IV – Kunsiderazzjonijiet

26.      Kieku l-aċċess għat-tagħrif dwar il-bejgħ ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet kellu jiġi deċiż biss abbażi tar-regoli li jinsabu fl-atti li jirrigwardaw id-dritt ta’ emissjonijiet, ir-riżultat ikun pjuttost ċar: dan it-tagħrif jiġi żvelat malli jgħaddu ħames snin. Qabel xejn, dan it-tagħrif huwa, fil-prinċipju, kunfidenzjali. Mill-banda l-oħra, jekk ikollhom għalfejn japplikaw ir-regoli dwar l-aċċess għat-tagħrif ambjentali, allura jkun irid jiġi eżaminat jekk japplikawx id-derogi għad-dritt ta’ aċċess. Konsegwentement, jien ser nanalizza l-ewwel nett jekk dan huwiex tagħrif ambjentali (taħt il-punt A iktar ’l isfel), u mbagħad ser nanalizza l-kompetenza tal-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali Franċiż biex jieħu d-deċiżjoni dwar it-talba għall-aċċess għat-tagħrif inkwistjoni (taħt il-punt B iktar ’l isfel), ir-relazzjoni eżistenti bejn id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u r-Regolament Nru 2216/2004 (taħt il-punt Ċ iktar ’l isfel, u, b’mod sussidjarju, ser nirrispondi fl-aħħar nett għad-domandi li jikkonċernaw ir-Regolament Nru 2216/2004 (taħt il-punti D u E iktar ’l isfel).

A –    Il-kunċett ta’ tagħrif ambjentali

27.      Il-qorti tar-rinviju ssostni b’mod impliċitu li dan jirrigwarda aċċess għal tagħrif ambjentali fis-sens tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Madankollu, dan għandu qabel xejn jiġi vverifikat biex jiġi żgurat li huwa meħtieġ li jsir eżami ta’ din id-direttiva.

28.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tiddeċiedi fir-rigward tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali l-qadima, li hija d-Direttiva 90/313/KEE (10), li l-leġiżlatur ried jagħti sens wiesa’ (11) lill-kunċett ta’ “tagħrif dwar l-ambjent”. Il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid ukoll li d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali l-ġdida fiha definizzjoni li hija iktar preċiża u iktar estiża (12). Sadanittant, it-Trattat ta’ Amsterdam esprima r-rieda, fl-Artikolu 1(2) UE, li joħloq għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar rispett possibbli għall-prinċipju tad-disponibbiltà miftuħa u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin. Għal dan il-għan, l-Artikolu 15 TFUE (ex Artikolu 225 KE) jobbliga lill-istituzzjonijiet biex josservaw il-prinċipju ta’ trasparenza u jistabbilixxi – flimkien mal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tagħhom.

29.      Madankollu, la d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali l-qadima u lanqas dik ġdida ma għandha bħala għan li tagħti dritt ta’ aċċess ġenerali u illimitat għat-tagħrif kollu li jkunu qegħdin iżommu l-awtoritajiet pubbliċi u li jkollu konnessjoni, anki jekk minima, ma’ xi element ambjentjali. Din id-direttiva teżiġi fil-fatt li biex ikun suġġett għad-dritt ta’ aċċess stabbilit mill-istess direttiva, it-tagħrif irid jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji elenkati mid-direttiva (13).

30.      Il-Ville de Lyon tixtieq tikseb tagħrif dwar il-bejgħ ta’ dritt ta’ emissjonijiet mill-operaturi ta’ 209 sit għall-produzzjoni tat-tisħin urban fi Franza. Dan it-tagħrif jidher li jikkonsisti f’data li tirrigwarda t-tranżazzjonijiet li, skont il-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004, tiġi ppubblikata ħames snin wara li jkunu saru t-tranżazzjonijiet.

31.      Skont il-Ville de Lyon, dan huwa tagħrif li jirrigwarda miżuri jew atti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. It-tagħrif fuq it-tranżazzjonijiet juri jekk il-kummerċ tal-emissjonijiet huwiex mezz xieraq għall-protezzjoni tal-ambjent.

32.      Madankollu, Franza u l-Caisse des dépôts et consignations ġustament iwieġbu kontra din it-teżi li t-tagħrif fuq it-tranżazzjonijiet jistgħu juru biss jekk is-suq tad-drittijiet ta’ emissjonijiet qiegħedx jaħdem jew le. Ċertament, dan is-suq jifforma parti minn sistema li b’mod inġenerali hija intiża għall-protezzjoni tal-ambjent iżda t-tagħrif fuq it-tranżazzjonijiet ma jippermettix li jiġi stabbilit kemm dan is-suq jikkontribwixxi għall-għan imsemmi. Konsegwentement, l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali ma huwiex applikabbli.

33.      Madankollu, it-“tagħrif fuq il-kummerċ tad-drittijiet ta’ emissjoni” jista’ jkun tagħrif fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u għaldaqstant tagħrif li jikkonċerna fatturi li x’aktarx għandhom effett fuq l-atmosfera, li huwa element tal-ambjent fis-sens tas-subparagrafu (a) tal-istess dispożizzjoni.

34.      Huwa minnu li din id-dispożizzjoni telenka biss eżempji ta’ fatturi preċiżi li jistgħu jinteraġixxu direttament ma’ elementi tal-ambjent. Madankollu, it-tagħrif fuq id-dritt li jiġi rrilaxxjat tali fattur, jiġifieri l-emissjonijiet ta’ gass serra, jikkostitwixxi wkoll tagħrif indirett fuq dan il-fattur.

35.      Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li tal-inqas ċertu tagħrif dwar id-dritt ta’ emissjonijiet huwa tagħrif dwar l-ambjent sa fejn il-premessa 13 u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/87 jipprevedu aċċess skont il-kriterji stabbiliti mid-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Minn dan jirriżulta li l-allokazzjonijiet tad-drittijiet ta’ emissjonijiet huma tagħrif ambjentali.

36.      Madankollu, Franza u l-Caisse des dépôts et consignations huma tal-fehma li t-tagħrif fuq it-tranżazzjonijiet ma jikkostitwixxix tagħrif ambjentali. Id-detenzjoni ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ma timplikax li d-detentur jirrilaxxja, fil-fatt, gassijiet serra.

37.      Madankollu, il-punt dwar jekk fil-fatt intużawx id-drittijiet ta’ emissjonijiet huwa irrilevanti u dan peress li skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, l-effetti probabbli huma diġà biżżejjed. Bħala regola ġenerali, tranżazzjoni, jiġifieri ċ-ċessjoni ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet tikkontribwixxi biex il-bejjiegħ jipproduċi inqas emissjonijiet minn dak li jkun ġie previst waqt l-allokazzjonijiet tal-kwoti filwaqt li x-xerrej ikun jista’ jżid l-emissjonijiet tiegħu.

38.      Madankollu, Franza ssostni ġustament li t-tranżazzjonijiet jistgħu ma’ jkollhom ebda rabta diretta mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dawn jistgħu jkunu miżuri purament spekulattivi intiżi għall-bejgħ mill-ġdid tal-kwoti bi profitt.

39.      Din il-kunsiderazzjoni tista’ fil-fatt tapplika għal ċerta data fuq it-tranżazzjonijiet mitluba, jiġifieri t-tagħrif li jikkonċerna d-destinatarji tad-drittijiet ta’ emissjonijiet. Fir-rigward tas-siti għall-produzzjoni tat-tisħin li f’dan il-każ ċedew id-drittijiet ta’ emissjonijiet, wieħed irid jibbaża ruħu fuq il-konsegwenzi tat-tranżazzjoni peress li dawn, normalment, ikollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom bl-istess ammont.

40.      Madankollu, lanqas ma jista jiġi eskluż it-tagħrif dwar id-destinatarju tad-drittijiet. Fil-fatt, normalment, l-aħħar akkwirent jipproduċi iktar emissjonijiet minn dak previst fil-mument tal-allokazzjonijiet tad-drittijiet u l-akkwist spekulattiv intermedjarju jikkontribwixxi għal dan ir-riżultat. Għaldaqstant, għal din ir-raġuni, diġà jeżisti interess ambjentali biex ikun hemm trasparenza fiċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ emissjonijiet. Barra minn hekk, qabel l-użu finali tad-dritt, mhux dejjem ikun faċli fil-prattika li jiġi stabbilit jekk tranżazzjoni kinitx sempliċi akkwist intermedjajru jew jekk hija tkunx ser isservi għall-konsum personali. Konsegwentement, it-tagħrif fuq it-tranżazzjonijiet għandu, fil-prinċipju, jitqies li huwa tagħrif ambjentali.

41.      L-interess konkret tal-Ville de Lyon biex tikseb dan it-tagħrif ma jistax – kontra dak li tafferma l-Awstrija – jippreġudika l-fatt li huwa jinsab ikklassifikat bħala tagħrif ambjentali. Mill-banda l-oħra, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, li jeskludi li jkun irid jiġi indikat l-interess biex jintalab l-aċċess, jirriżulta li n-natura tal-interess personali tal-persuna li titlob it-tagħrif hija irrilevanti (14).

42.      Konsegwentement, it-tagħrif dwar it-tranżazzjonijiet fuq id-drittijiet ta’ emissjonijiet huwa tagħrif ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

B –    Fuq l-ewwel domanda – kompetenza biex jiġi deċiż dwar l-iżvelar tat-tagħrif

43.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-Caisse des dépôts et consignations għandux, fil-fatt, il-kompetenza biex jiddeċiedi dwar l-iżvelar tat-tagħrif fuq it-tranżazzjonijiet.

44.      Ir-Regolament Nru 2216/2004 jipprovdi, fis-sustanza, forma ta’ żvelar ta’ dan it-tagħrif: jiġifieri l-iżvelar ta’ tagħrif li jirrigwarda tranżazzjonijiet konklużi mill-Amministratur Ċentrali skont il-punti 11 u 12 tal-Anness XVI b’effett mill-15 ta’ Jannar tal-ħames sena wara s-sena tat-tranżazzjoni. Barra minn hekk, dan it-tagħrif irid jiġi ttrattat bħala kunfidenzjali bis-saħħa tal-Artikolu 10(1). L-Artikolu 10(2) jipprojbixxi l-użu ta’ dan it-tagħrif mingħajr il-kunsens minn qabel tad-detentur tal-kont ikkonċernat, ħlief biex jitħaddmu u jinżammu r-reġistri msemmija skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Iktar minn hekk, l-Artikolu 10(3) jipprovdi li kull awtorità kompetenti u kull amministratur tar-reġistru jwettqu proċessi li jikkonċernaw il-kwoti, l-emissjonijiet ivverifikati, modifiki awtomatiċi fit-tabella tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, fil-kontijiet jew fl-unitajiet Kyoto biss fejn ikun meħtieġ sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala awtorità kompetenti jew amministratur tar-reġistru.

45.      Minn dan, il-Caisse des dépôts et consignations, l-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni jiddeduċu li huwa biss l-Amministratur Ċentrali li jista’ jiddeċiedi dwar l-iżvelar tat-tagħrif mitlub. Il-Caisse des dépôts et consignations ma għandux kompetenza bħala Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali.

46.      Madankollu, il-Ville de Lyon u Franza, ġustament, jagħmlu distinzjoni bejn l-iżvelar tat-tagħrif mitlub li, skont ir-Regolament Nru 2216/2004, irid isir mill-Amministratur Ċentrali, u d-deċiżjoni dwar talba għall-aċċess għat-tagħrif ambjentali. It-talba trid tiġi deċiża mill-awtorità li tkun indirizzata lilha.

47.      Dan jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Skont din id-dispożizzjoni l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif ambjentali li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu. Ma huwiex ikkontestat li t-tagħrif inkwistjoni huwa disponibbli fir-reġistru nazzjonali.

48.      Ir-Regolament Nru 2216/2004 ma jipprovdi ebda regola f’dan ir-rigward. Għalkemm jirregola fil-fatt il-kunfidenzjalità u l-iżvelar tat-tagħrif inkwistjoni, huwa ma jipprovdix dwar min għandu l-kompetenza li jiddeċiedi fuq it-talbiet għall-aċċess għat-tagħrif ambjentali. Bil-kontra ta’ dak li affermaw l-Awstrija u l-Kummissjoni, minn dan isegwi li r-regolament ma jistax jitqies li huwa lex specialis fir-rigward tat-tagħrif ambjentali (15).

49.      Lanqas ma jista’ jingħad li l-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali jikkostitwixxi, flimkien mal-Amministratur Ċentrali, awtorità amministrattiva waħda li għaliha jista’ jaġixxi l-Amministratur Ċentrali waħdu. Fil-fatt, il-Gvern Franċiż josserva ġustament li skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2216/2004, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma kull wieħed responsabbli kemm għall-amministrazzjoni u kif ukoll għaż-żamma tar-reġistri tagħhom. Barra minn hekk, il-punti 5 sa 10 tal-Anness XVI jistabbilixxu diversi obbligi fuq l-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali biex jipprovdi tagħrif.

50.      It-teżi tal-Kummissjoni tikkonferma indirettament din il-konklużjoni. Huwa minnu li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-kompetenza esklużiva tal-Amministratur Ċentrali iżda malli dan jiżvela t-tagħrif skont il-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004, l-amministraturi tar-reġistru nazzjonali jistgħu wkoll jittrażmettu dak it-tagħrif; il-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġuni għalfejn l-iżvelar għandu jbiddel il-kompetenza.

51.      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda fis-sens li l-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali għandu l-kompetenza biex jiddeċiedi fuq talba għal aċċess, skont id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, għat-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004, meta huwa jkun qiegħed iżomm dak it-tagħrif jew l-istess tagħrif ikun qiegħed jinżamm għalih.

C –    Fuq it-tieni domanda – tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent

52.      It-tieni domanda twassalna għall-qalba tal-kwistjoni. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-tagħrif mitlub għandux jitqies li huwa “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, li għalih “il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali” ma tistax tiġi invokata kontra l-komunikazzjoni tiegħu, jew li l-komunikazzjoni tiegħu hija rregolata minn dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ kunfidenzjalità.

53.      F’dan il-kuntest, ser nanalizza qabel xejn jekk id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, fil-fatt, hijiex applikabbli (ara taħt il-punt 1 iktar ’l isfel) u sussegwentement jekk il-kwistjoni tirrigwardax “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali (ara taħt il-punt 2 iktar ’l isfel) u, fl-aħħar nett, sa fejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2216/2004 dwar il-kunfidenzjalità tar-reġistru jaffettwaw id-derogi mid-dritt ta’ aċċess għal tagħrif taħt l-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali (ara taħt il-punt 3 iktar ’l isfel).

1.      Fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali

54.      Skont il-fehmiet konkordanti tal-Caisse des dépôts et consignations, ta’ Franza, tal-Awstrija kif ukoll tal-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 2216/2004 huwa lex specialis fil-qasam tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif li jinsab fir-reġistri li jridu jinħolqu skont ir-regolament, huwa iktar reċenti mid-direttiva u huwa eżawrjenti. Għaldaqstant, huwa jieħu preċedenza fuq ir-regoli ġenerali previsti fid-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

55.      Jekk wieħed jeżamina b’mod iżolat il-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, wieħed jasal biex iqis b’mod ċar li r-Regolament Nru 2216/2004 huwa lex specialis. Huwa fih dispożizzjonijiet partikolari dwar l-iżvelar u t-trattament kunfidenzjali tat-tagħrif li jkun jinsab fir-reġistri filwaqt li d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tapplika għat-tagħrif ambjentali kollu. Minn dan l-aspett, ir-Regolament huwa differenti mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali fis-sens li, min-naħa waħda, huwa ma jipprevedix espliċitament li jrid jinsab bilanċ f’kull każ partikolari bejn l-interess ġenerali li jkun hemm żvelar u l-interess speċifiku li t-tagħrif jinżamm kunfidenzjali u lanqas ma jipprevedi xi aċċess partikolarment miftuħ għat-tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

56.      Iktar minn hekk, l-ordni kronoloġika ta’ dawn il-liġijiet ixxaqleb lejn it-teżi li r-Regolament Nru 2216/2004 għandu jitqies li huwa lex posterior fil-konfront tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

57.      Madankollu, ir-Regolament Nru 2216/2004 jista’ jiġi rrikonoxxut bħala lex specialis u/jew lex posterior meta mqabbel mad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali biss jekk il-Kummissjoni titqies li għandha kompetenza biex tadotta dispożizzjonijiet li jevitaw id-direttiva msemmija.

58.      Taħt dan l-aspett, jidher li mad-daqqa ta’ għajn huwa raġonevoli li tiġi rrikonoxxuta ġerarkija bejn id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u r-Regolament Nru 2216/2004. Fl-aħħar nett, il-Kunsill u l-Parlament adottaw id-direttiva bħala dritt sussidjarju klassiku abbażi tat-Trattat KE, filwaqt li r-Regolament ma huwiex ħlief miżura tal-Kummissjoni intiża biex timplementa direttiva oħra u jikkostitwixxi, f’dan is-sens, dritt terzjarju.

59.      Madankollu, sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet lura milli tistabbilixxi tali ġerarkija fid-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ, fl-aħħar mill-aħħar, li dan il-pass isir f’dan il-każ. Mill-banda l-oħra, l-eżami bir-reqqa tal-bażi legali tar-regolament jippermetti li jiġi konkluż li dan ma jistax iwassal biex jidderoga mid-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

60.      Ir-Regolament Nru 2216/2004 huwa bbażat fuq l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tadotta regolament għal sistema ta’ reġistri li tiggarantixxi l-aċċess tal-pubbliku u l-kunfidenzjalità skont il-bżonn. Barra minn hekk, l-Artikolu 17 u l-premessa 13 tad-Direttiva 2003/87 jipprevedu l-pubblikazzjoni ta’ ċertu tagħrif skont id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. It-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ emissjonijiet ma jaqgħux taħt dawn ir-regoli. Din hija r-raġuni li għaliha d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2216/2004 dwar il-kunfidenzjalità tat-tagħrif dwar il-bejgħ ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet jidhru li, fil-prinċipju, huma kompatibbli mal-bażi legali tagħhom.

61.      Madankollu, ma jistax jingħad li l-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ implementazzjoni li jinjoraw dispożizzjonijiet oħra ta’ dritt sussidjarju, b’mod partikolari meta hija ma għandhiex awtorità tadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet l-oħra (16). Id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali ma tipprevedi ebda miżura ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni.

62.      Konsegwentement, lex specialis li tidderoga minn din id-direttiva timplika li l-leġiżlatur, meta adotta d-Direttiva 2003/87, ried jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tidderoga mid-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Fl-aħjar ipotesi, dan jista’ jiġi dedott b’mod indirett mill-fatt li l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali hija prevista biss għal ċertu tagħrif.

63.      Madankollu, l-espożizzjoni tal-motivi esposti fil-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva 2003/87 tmur kontra r-restrizzjoni impliċita tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Skont din l-espożizzjoni, bis-saħħa tad-Direttiva 90/313/KEE dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent, jiġifieri d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali l-qadima, il-pubbliku għandu jkun jista’ jkollu aċċess għat-tagħrif li jikkonċerna r-riżultati tal-applikazzjoni tal-obbligi fil-qasam tas-sorveljanza, notifika u verifika, għat-tagħrif li jikkonċerna l-kwoti miżmuma fir-reġistri nazzjonali u għal dak li jikkonċerna kull azzjoni li tirrigwarda xi ksur tad-direttiva (17). F’dan il-każ, it-tagħrif jikkonċerna l-kwoti miżmuma fir-reġistri nazzjonali.

64.      Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni tindika espliċitament li d-Direttiva 2003/87 trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Århus. Fi kwalunkwe każ, dan hu obbligatorju peress li l-akkordji internazzjonali konklużi mill-Unjoni jieħdu preċedenza fuq it-testi tad-dritt Komunitarju sussidjarju (18). Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sussidjarju għandhom jiġu interpretati, jekk possibbli, b’mod konformi mal-obbligi taħt id-dritt pubbliku tal-Unjoni (19).

65.      Sa fejn jista’ jkun rilevanti għal din il-kawża, l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jikkorrispondi għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Konsegwentement, jekk wieħed iqis ir-Regolament Nru 2216/2004 bħala lex specialis fil-konfront tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, dan iwassal għal deroga mill-Konvenzjoni ta’ Århus.

66.      Il-fatt li d-Direttiva 2003/87 u r-Regolament Nru 2216/2004 jservu wkoll biex jiġu implementati l-obbligi taħt id-dritt pubbliku internazzjonali ma jippermettix li din id-deroga tiġi ġġustifikata. Fil-fatt, la l-konvenzjoni qafas fuq it-tibdil fil-klima, u lanqas il-Protokoll ta’ Kyoto ma fihom dispożizzjonijiet li jeżiġu tali deroga.

67.      Għaldaqstant, l-Artikolu 19 tad-Direttiva ma jistax jitqies li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta lex specialis li tidderoga mid-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u mill-Konvenzjoni ta’ Århus. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 2216/2004 ma jistax jiġi interpretat f’dan is-sens. Madankollu, peress li d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tagħti ċerta setgħa diskrezzjonali, ir-Regolament jista’ jipprovdi kjarifika.

68.      Bħala konklużjoni intermedjarja, għandu jiġi kkonstatat li talba għall-aċċess għal tagħrif li taqa’ taħt il-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004 għandha tiġi deċiża filwaqt li tiġi osservata d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

2.      Fuq il-kunċett ta’ tagħrif fuq l-emissjonijiet fl-ambjent

69.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali jippermetti li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif ambjentali meta l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv ċerti interessi protetti legalment li jinsabu elenkati hemmhekk. Ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tillimita madankollu l-interessi inkwistjoni fil-każ li t-talba tkun tirrigwarda tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Huma biss il-motivi ta’ kunfidenzjalità previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2)(b), (ċ) u (e) li jistgħu jiġu invokati kontra talba bħal din. Iżda, f’dan il-każ, ma jidhirx li xi wieħed minn dawn il-motivi huwa rilevanti. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk it-talba tal-Ville de Lyon tikkonċernax tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

70.      Il-kummerċ tad-drittijiet ta’ emissjonijiet huwa marbut mal-emissjonijiet fl-ambjent peress li dawn id-drittijiet jippermettu lit-titulari tagħhom jirrilaxxja ċerti sustanzi. It-tagħrif fuq it-tranżazzjonijiet jippermetti li jiġi kkonstatat min għandu dritt jipproduċi l-emissjonijiet. Għaldaqstant, dan huwa fil-fatt tagħrif ambjentali.

71.      Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk il-limitazzjoni fuq l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess permezz tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali hijiex intiża li tinkludi eżattament l-istess tagħrif indirett kif inhu kkontemplat fid-definizzjoni tat-tagħrif ambjentali. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom funzjonijiet differenti li jimpedixxu li tingħata interpretazzjoni uniformi (20).

72.      Id-definizzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u tippermetti għaldaqstant li jsir bilanċ oġġettiv bejn l-interessi kontrapposti biex jiġi stabbilit jekk tagħrif partikolari jistax jiġi żvelat jew le.

73.      Mill-banda l-oħra, il-limitazzjoni fuq l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess hija bbażata fuq preżunzjoni inkonfutabbli: minn dan isegwi li ċerti motivi u b’mod partikolari ż-żamma tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali ma jiġġustifikaw qatt it-trattament kunfidenzjali tat-tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Kieku r-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali kienet tinkludi t-tagħrif indirett fuq l-emissjonijiet fl-ambjent, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet esklużi għal din ir-raġuni u għaldaqstant, b’mod partikolari, iż-żamma tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali jkun imnaqqas sew. Il-parti l-kbira tat-tagħrif ambjentali tista’ tkun marbuta indirettament mal-emissjonijiet.

74.      Konsegwentement, huma iktar konvinċenti l-ispjegazzjonijiet ta’ gwida għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus. Minn dawn jirriżulta li ż-żamma tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jkollha tieqaf meta jiġu rrilaxxjati s-sustanzi kkonċernati mit-tagħrif kunfidenzjali (21). Mill-banda l-oħra, il-kummerċ tad-drittijiet ta’ emissjonijiet isir qabel ma jiġu rrilaxxjati s-sustanzi. Għaldaqstant, it-tagħrif f’dan il-qasam ma huwiex tagħrif fuq l-emissjonijiet.

3.      Fuq il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali

75.      F’din il-kawża, għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-rifjut tal-iżvelar minħabba raġunijiet marbutin mal-effett negattiv fuq il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali. Dawn l-interessi protetti legalment huma koperti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali inkwantu huma pprovvduti fil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji sabiex jipproteġu interess ekonomiku leġittimu, inkluż l-interess pubbliku fiż-żamma tal-kunfidenzjalità tad-data statistika u s-segretezza dwar it-taxxi.

76.      Tali protezzjoni legali hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2216/2004 dwar il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni tar-reġistri. L-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament li jippermettu l-użu ta’ dan it-tagħrif dejjem jekk ikun hemm il-kunsens tad-detentur tal-kont ikkonċernat, juri li l-leġiżlazzjoni hija intiża għall-protezzjoni ta’ interess ekonomiku leġittimu.

77.      Meta d-detentur tal-kont ikun persuna fiżika, issir importanti wkoll il-kunfidenzjalità tat-tagħrif personali taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2)(f) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali (22).

78.      Madankollu, għadu ma ġiex deċiż li t-tagħrif tar-reġistri għandu jiġi ttrattat b’mod kunfidenzjali sakemm jiskadi t-terminu ta’ ħames snin skont il-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004. Fil-fatt, it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali teħtieġ li f’kull każ, l-interess pubbliku protett bl-iżvelar jiġi bbilanċjat mal-interess protett bir-rifjut tal-iżvelar tal-istess tagħrif.

79.      Konsegwentement, l-awtoritajiet kompetenti, jekk ikun il-każ wara konsultazzjoni mal-impriżi kkonċernati, għandhom qabel xejn jikkonstataw jekk fil-fatt ikunx jeżisti l-interess għall-kunfidenzjalità preżunt mir-Regolament Nru 2216/2004. Jekk it-tagħrif inkwistjoni jkun diġà ġie ppubblikat mod ieħor jew jekk l-impriżi ma jkollhomx interess fil-kunfidenzjalità, it-tagħrif ma jistax jiġi rrifjutat għal raġunijiet marbutin mal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali u/jew bħala tagħrif personali.

80.      Jekk ikun għadu jeżisti interess fil-kunfidenzjalità, dan għandu jiġi bbilanċjat mal-interess pubbliku protett mill-iżvelar.

81.      Jidher li prima facie huwa raġonevoli li l-interess tal-Ville de Lyon biex tuża t-tagħrif għal negozjati kuntrattwali jitqies li huwa interess pubbliku jekk b’dan il-mod il-Ville de Lyon tkun qegħda tagħti servizz pubbliku. Madankollu, din l-idea hija żbaljata peress li l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali għandu jsir indipendentement mill-interess partikolari tal-applikant. Fil-fatt, l-għan tad-direttiva huwa li tagħti lil kulħadd id-dritt għat-tagħrif ambjentali u mhux li toħloq regoli li jipproteġu l-interess partikolari ta’ xi persuna biex ikollha aċċess għal dak it-tagħrif (23).

82.      Bl-istess mod, l-eżiġenzi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ma jiġġustifikaw ebda interess pubbliku speċifiku fl-iżvelar tat-tagħrif tar-reġistri dwar il-bejgħ tad-drittijiet ta’ emissjonijiet. Bil-kontra, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali trid tiġi ggarantita wkoll fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi (24).

83.      Fl-aħħar nett, jidhirli li ma jistax jiġi aċċettat li t-trasparenza fis-swieq tad-drittijiet ta’ emissjonijiet hija ta’ interess pubbliku. Argument wieħed favur it-trasparenza huwa li dan is-suq jirrigwarda d-drittijiet ta’ emissjonijiet u li r-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali juri interess pubbliku ikbar fil-pubblikazzjoni tat-tagħrif marbut mal-emissjonijiet. Madankollu, it-trasparenza tas-suq tad-drittijiet ta’ emissjonijiet hija rregolata b’mod ċar bir-Regolament Nru 2216/2004. Ma jidhirx li l-kompetenza regolatorja nqabżet minħabba li l-bażi legali tar-Regolament, l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87, tirregola espliċitament l-aċċess tal-pubbliku għar-reġistru kif ukoll il-kunfidenzjalità li hija meħtieġa. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fil-kapaċità tagħha ta’ leġiżlatur għandha, fil-prinċipju, tiġi aċċettata.

84.      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma turix li jeżisti xi interess pubbliku imperattiv protett mill-iżvelar tat-tagħrif fis-sens tal-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004, jekk l-interessi marbutin mal-kunfidenzjalità, li huma preżunti fir-regolament, effettivament jeżistu f’dan il-każ.

4.      Konklużjoni intermedjarja

85.      Talba għall-aċċess għal tagħrif kif prevista fil-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004 trid tiġu deċiża fid-dawl tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Madankollu, dan ma japplikax fir-rigward ta’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, li għalih japplikaw biss numru limitat mill-motivi previsti għall-kunfidenzjalità. Sakemm jiskadi t-terminu ta’ ħames snin previst fil-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament, l-iżvelar tat-tagħrif jippreġudika l-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2)(d) u/jew il-kunfidenzjalità tad-data personali fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2)(f) tad-Direttiva. It-talba għal deċiżjoni preliminari ma wrietx li jeżisti xi interess pubbliku imperattiv protett mill-iżvelar ta’ dan it-tagħrif, li jieħu preċedenza fuq il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali u/jew tad-data personali, jekk f’dan il-każ jeżistu verament l-interessi marbutin mal-kunfidenzjalità, li fir-regolament huma preżunti.

D –    Fuq it-tielet domanda – Kalkolu tat-terminu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004

86.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-tagħrif inkwistjoni għandux jiġi ttrattat b’mod kunfidenzjali għal ħames snin wara li jitniżżel fir-reġistru jew jekk l-istess tagħrif ikunx jista’ jiġi kkomunikat, skont id-Direttiva 2003/87, hekk kif jiskadi l-ewwel terminu ta’ ħames snin għall-allokazzjonijiet tal-kwoti. Din id-domanda hija rilevanti wkoll fil-kuntest fejn tiġi applikata d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali peress li d-dewmien tat-trattament kunfidenzjali taħt ir-Regolament Nru 2216/2004 jista’ jkollu impatt fuq l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-data fuq it-tranżazzjonijiet taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2)(d) u (f) tad-Direttiva.

87.      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi żewġ perijodi għall-allokazzjonijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet: perijodu ta’ tliet snin bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-1 ta’ Jannar 2008 u perijodu sussegwenti ta’ ħames snin. Ma huwiex ċar wisq jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidrax li t-tagħrif inkwistjoni għandu jiġi ttrattat b’mod kunfidenzjali biss matul il-perijodu rilevanti tal-allokazzjonijiet. Iżda dan, fl-aħħar mill-aħħar, huwa irrilevanti peress li r-Regolament Nru 2216/2004 huwa ċar fuq dan il-punt.

88.      Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2216/2004, l-Amministratur Ċentrali u l-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali huma marbuta li jipprovdu lid-destinatarji msemmija fl-Anness XVI, bit-tagħrif previst fl-anness imsemmi, u fil-frekwenza msemmija f’dak l-istess anness. Huma ma jippubblikawx tagħrif ieħor li jinsab fir-reġistru. Il-paragrafu 11 tal-Anness XVI jipprevedi li l-Amministratur Ċentrali għandu jippubblika u jaġġorna t-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 12 li jikkonċerna s-sistema ta’ reġistri fiż-żona pubblika tas-sit internet tar-reġistru Komunitarju tat-tranżazzjonijiet indipendenti, skont id-dati speċifikati. It-tagħrif li jikkonċerna kull tranżazzjoni li tkun saret, li jirrigwarda s-sistema ta’ reġistri għas-sena X, għandu jiġi ppubblikat b’effett mill-15 ta’ Jannar tas-sena (X+5) skont il-paragrafu 12 tal-Anness XVI.

89.      Kif jindikaw ġustament il-Caisse des dépôts et consignations, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni, jirriżulta ċar minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-iskadenza tal-perijodu ta’ allokazzjonijiet hija irrilevanti. Min-naħa l-oħra, it-tagħrif inkwistjoni ma jistax jiġi kkomunikat ħlief wara l-15 ta’ Jannar tal-ħames sena wara dik li fiha tkun twettqet it-tranżazzjoni.

90.      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, ikun ukoll illoġiku li tranżazzjoni li sseħħ fil-bidu ta’ perijodu ta’ allokazzjoni ddum tiġi protetta iktar minn tranżazzjoni li sseħħ fi tmiem l-istess perijodu. Fil-fatt, għandu jingħad li l-interess li tinżamm il-kunfidenzjalità jeżisti wkoll u jeżisti bl-istess mod matul il-perijodi ta’ allokazzjonijiet sussegwenti.

91.      Għaldaqstant, it-tagħrif previst fil-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004 jista’ jiġi ppubblikat biss mal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin.

E –    Fuq ir-raba’ domanda – Possibbiltà ta’ deroga

92.      Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jippermettix li ssir deroga mit-terminu ta’ ħames snin u b’mod partikolari meta kollettività territorjali tkun tixtieq li jintbagħtilha t-tagħrif biex tinnegozja ftehim biex tiddelega s-servizz pubbliku ta’ tisħin urban. Tali derogi jistgħu jkunu rilevanti wkoll fil-każ li tiġi applikata d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

93.      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004 jipprevedi, fil-prinċipju, li t-tagħrif kollu tar-reġistru għandu jitqies li huwa kunfidenzjali iżda l-istess artikolu fih eċċezzjonijiet intiżi li jimplementaw id-dispożizzjonijiet tar-regolament, tad-Direttiva 2003/87 jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. 

94.      Il-Ville de Lyon issostni li l-kisba tat-tagħrif mitlub ser isservi biex tiġi implementata d-Direttiva 2003/87. Hija tixtieq tużah biex tevalwa u jekk ikun il-każ ittejjeb it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra mill-operaturi tal-impjanti għall-produzzjoni tat-tisħin.

95.      Madankollu, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jawtorizzax il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif għar-raġuni li dan iservi l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 iżda pjuttost bil-għan li jittrasponi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Id-Direttiva 2003/87 fiha dispożizzjonijiet fuq il-pubblikazzjoni ta’ ċertu tagħrif tar-reġistri iżda ma fiha ebda dispożizzjoni li tipprevedi preċiżament l-iżvelar tat-tagħrif inkwistjoni.

96.      L-istess japplika għar-Regolament Nru 2216/2004: dan ir-regolament hu intiż huwa wkoll biex inaqqas l-emissjonijiet tal-gass serra; iżda, madankollu, il-paragrafu 12 tal-Anness XVI jipprevedi biss l-iżvelar wara l-iskadenza ta’ ħames snin.

97.      Wieħed ma jistax jeskludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi l-iżvelar tat-tagħrif inkwistjoni lill-Ville de Lyon. Madankollu, xejn ma ntqal mill-partijiet f’dan ir-rigward b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tanalizza din il-possibbiltà.

98.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li t-teżi tal-Kummissjoni u ta’ Franza, li biha qed jgħidu li l-eċċezzjoni inkwistjoni tolqot biss id-dispożizzjoniijet tad-dritt nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/87 u tar-Regolament Nru 2216/2004 ma hijiex konvinċenti. Huwa possibbli li hemm dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jeżiġu mandatorjament l-iżvelar ta’ dan it-tagħrif minkejja li ma għandhom ebda relazzjoni mal-protezzjoni tal-ambjent. Wieħed jista’ jibda billi jħares lejn l-investigazzjonijiet li jwasslu biex jiġu kkonstatati r-reati kriminali. Waqt li jiġu applikati dawn id-dispożizzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri tar-regolament, l-Istati Membri għandhom madankollu jiggarantixxu li l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni jiġu osservati (25). Għaldaqstant, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif (26) kummerċjali u tal-informazzjoni personali (27) ma jistgħux iċedu ħlief quddiem interessi superjuri li jeħtieġu l-protezzjoni. L-implementazzjoni, esposta iktar ’il fuq, tar-regoli tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali turi l-eżami li għandu jsir f’kull każ partikolari.

99.      Lanqas l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jwassal għal żvelar bikri tat-tagħrif. Din id-dispożizzjoni teskludi, fil-prinċipju, li t-tagħrif fir-reġistri jintuża mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur tal-kont ikkonċernat. L-użu tiegħu huwa permess biex jiġi żgurat li jinżammu reġistri skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament. Madankollu, dan ma jeżiġix li t-tagħrif inkwistjoni jiġi kkomunikat lill-Ville de Lyon.

100. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma indikat ebda fatt li jista’ jiġġustifika, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004, li ssir deroga mit-terminu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 12 tal-Anness XVI.

V –    Konklużjoni

101. Konsegwentement, nipproponi li tingħata risposta għad-domandi magħmula skont kif ġej:

1.      L-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali għandu l-kompetenza biex jiddeċiedi fuq talba għal aċċess taħt id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunsill 90/313/KEE, għat-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004 tal-21 ta’ Diċembru 2004 għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri meta huwa jkollu dan it-tagħrif fil-pussess tiegħu jew meta dan it-tagħrif ikun qiegħed jinżamm għalih.

2.      Talba għal aċċess għal tagħrif kif prevista fil-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004 għndha tiġi deċiża fid-dawl tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Madankollu, dan ma japplikax fir-rigward ta’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, li għalih japplikaw biss numru limitat mill-motivi previsti għall-kunfidenzjalità. Sakemm jiskadi t-terminu ta’ ħames snin previst fil-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament, l-iżvelar tat-tagħrif jippreġudika l-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2)(d) u/jew il-kunfidenzjalità tad-data personali fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2)(f) tad-Direttiva. It-talba għal deċiżjoni preliminari ma wrietx li jeżisti xi interess pubbliku imperattiv protett mill-iżvelar ta’ dan it-tagħrif, li jieħu preċedenza fuq il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali u/jew tad-data personali, jekk f’dan il-każ jeżistu verament l-interessi marbutin mal-kunfidenzjalità, li fir-regolament huma preżunti.

3.      Skont il-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004, dan it-tagħrif jista’ jiġi ppubblikat biss mal-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin.

4.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ma indikat ebda fatt li jista’ jiġġustifika, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004, li ssir deroga mit-terminu ta’ ħames snin previst fil-paragrafu 12 tal-Anness XVI.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631, kif emendata bid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 338, p. 18).


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375.


4 – ĠU L 319M, p. 1.


5 – ĠU 2005, L 124, p. 4.


6 – Ratifikata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, ĠU L 164M, p. 17.


7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 169, ratifikata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal-Klima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 167).


8 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 42, p. 27, ratifikat permezz tad-Deċiżjoni 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 42, p. 24).


9 – Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-moniteraġġ l-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implementat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 57).


10 – Direttiva tal-Kunsill, tas-7 ta’ Ġunju 1990, dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402).


11 – Sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1998, Mecklenburg (C‑321/96, Ġabra p. I‑3809, punt 19), u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Glawischnig (C‑316/01, Ġabra p. I‑5995, punt 24).


12 – Sentenza Glawischnig (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 5).


13 – Sentenza Glawischnig (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 25).


14 – Ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill (C-266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punti 43 et seq) dwar ir-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Konsegwentement, l-ipotesi tal-Bundesverwaltungsgericht Ġermaniża, esposta fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Settembru 2009 (7-C2/09, Neue Zeitschrift für Verwaltungsrecht 2009, 189, punt 36) fejn ingħad li l-għan li għalih ikun ser jiġi użat it-tagħrif jista’ jirrendi abbużiva talba skont l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, huwa suġġet għal garanzija.


15 – Fuq in-natura partikolari tar-regolament f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni fuq talba għall-aċċess, ara l-punti 54 et seq iktar ’l isfel.


16 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1989, Vreugdenhil und van der Kolk (22/88, Ġabra p. 2049, punt 17).


17 – Proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li titsabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gass serra fil-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, COM (2001) 0581 finali, p. 16, punt 18.


18 – Sentenza tal-10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52); tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C-286/02, Ġabra p. I‑3465, punt 33), u tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I‑403, punt 35).


19 – Sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 52); tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C-341/95, Ġabra p. I-4355, punt 20); Bellio F.lli (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 33); tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C-306/05, Ġabra p. I-11519, punt 35), u tal-14 ta’ Mejju 2009, Internationaal Verhuis- en Transportbedrijf Jan de Lely (C-161/08, Ġabra p. I-4075, punt 38).


20 – Dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-eliminazzjoni ta’ skart, fid-dawl tal-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti, ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C-486/04, Ġabra p. I-11025, punti 39 et seq).


21 – Stec/Casey-Lefkowitz/Jendroska, The Aarhus Convention: An Implementation Guide, New York 2000, p. 60 (p. 76 et seq tal-verżjoni Franċiża). Fuq l-importanza ta’ dan ix-xogħol għall-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-23 ta’ Settembru 2010 fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, C-266/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


22 – Fir-rigward tal-eċċezzjoni żviluppata b’mod differenti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 03, p. 331), ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavaria Lager (C-28/08 P, Ġabra p. I-6055, punti 48 et seq).


23 – Fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, ara s-sentenza Sison vs Il‑Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 43 et seq).


24 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C-450/06, Ġabra p. I-581, punti 35 et seq).


25 – Sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 42); tal-4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C-159/90, Ġabra p. I-4685, punt 31), u tat-8 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C-349/07, Ġabra p. I-10369, punt 34).


26 – Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il‑Kummissjoni (53/85, Ġabra p. 1965, punt 28); tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il‑Kummissjoin (C-36/92 P, Ġabra p. I-1911, punt 37), u Varec (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C-465/00, C-138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I-4989, punti 70 et seq), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C-73/07, Ġabra p. I-9831, punt 52).