Language of document : ECLI:EU:C:2013:278

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-30 ta’ April 2013 (1)

Kawża C‑518/11

UPC Nederland BV

vs

Gemeente Hilversum

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Qafas leġiżlattiv ġdid — Direttivi Nri 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Provvista ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni aċċessibbli liberament bil-cable — Trasferiment minn komun tan-netwerk bil-cable tiegħu lil impriża privata — Kompatibbiltà ta’ klawżola kuntrattwali li timponi l-limitazzjoni tat-tariffa għas-servizz bażiku — Leġiżlazzjoni settorjali ex ante — Kompetenzi ta’ awtoritajiet nazzjonali regolamentari — Impriżi b’saħħithom fis-suq — Għanijiet ta’ interess ġenerali”





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tipprovdi l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li, għall-ewwel darba, teżamina l-effett tad-dritt tal-Unjoni fuq il-kompetenza tal-Istati Membri li jimponu fuq l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ xandir ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni miżura ta’ limitazzjoni fuq iż-żieda tal-prezz bl-imnut ta’ dawk is-servizzi. Il-partikolarità tal-kawża prinċipali qiegħda fil-fatt li l-miżura ta’ limitazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ħadet il-forma ta’ klawżola mdaħħla fil-kuntratt li permezz tiegħu kollettività territorjali, f’dan il-każ il-Gemeente Hilversum (il-komun ta’ Hilversum), biegħet in-netwerk bil-cable tagħha lil impriża privata.

I –    Il-kuntest ġuridiku

2.        Id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni Ewropea rilevanti biex tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmulin f’din il-kawża huma dawk tad-diversi direttivi li jistabbilixxu l-hekk imsejjaħ qafas leġiżlattiv ġdid fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (2), jiġifieri d-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (3), u l-erba’ direttivi partikolari (4) li jakkumpanjawha u li huma, minbarra d-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar tad-dejta ta’ natura personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (5), id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta[...]l-Aċċess) (6), id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (7), kif ukoll id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (8).

3.        Il-kontenut tad-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas kif ukoll tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta’ Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (9), li huma kkonċernati prinċipalment fil-kawża prinċipali, ser jiġi espost, fejn ikun hemm bżonn, fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

4.        Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mid-diversi osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kawża prinċipali toriġina mill-bejgħ, mill-Gemeente Hilversum lill-predeċessur ġuridiku tal-kumpannija UPC Nederland (10), għal ammont ta’ madwar EUR 23 227 000, tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni bil-cable kif ukoll tal-impriża muniċipali li kienet toperah.

5.        Skont il-“kuntratt dwar it-tħaddim futur tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni bil-cable ta’ Hilversum” konkluż bejn il-partijiet, il-Gemeente Hilversum impenja ruħu li jikkontribwixxi għall-kisba mix-xerrej tal-awtorizzazzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita, miżmuma u operata stallazzjoni ta’ xandir bil-cable fit-territorju ta’ dan il-komun.

6.        Ix-xerrej impenja ruħu li jagħmel l-investimenti li jippermettu l-provvista ta’ netwerk bil-cable kapaċi li joffri servizz imtejjeb lill-abbonat medju tal-imsemmi komun, bil-vitrifikazzjoni tan-netwerk qabel l-1 ta’ Jannar 1998, u li joffri, minbarra l-kanali tax-xandir televiżiv (11), pakkett attraenti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet lill-individwi u lill-professjonisti.

7.        L-Artikolu 4.2 ta’ dan il-kuntratt kien jipprovdi li x-xerrej kellu “jiggarantixxi offerta minima varjata ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni fuq il-cable bi prezz soċjalment aċċettabbli u b’riċezzjoni tal-aħjar kwalità għall-abbonat”, jiġifieri pakkett bażiku ta’ programmi ta’ RTV li jissodisfa l-kriterji ta’ kompożizzjoni u ta’ prezzijiet stabbiliti fil-kuntratt. B’mod partikolari ġie previst li t-tariffa ta’ kull xahar għall-pakkett bażiku kienet suġġetta għal aġġustament annwali skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum, skont formula stabbilita fl-Anness 11 tal-imsemmi kuntratt, u ġie ppreċiżat li ż-żidiet tal-ispejjeż esterni kellhom jgħaddu fuq dik it-tariffa sa fejn dawn jaqbżu ż-żidiet tal-imsemmi indiċi (12).

8.        B’ittra tat-28 ta’ Novembru 2003, UPC informat lill-Gemeente Hilversum biż-żieda tat-tariffa tal-pakkett bażiku għad-djar kollha, li kellha togħla minn EUR 10.28 għal EUR 13.32, bit-taxxa fuq il-valur miżjud inkluża, li tibda tgħodd mill-1 ta’ Jannar 2004.

9.        Għalhekk il-Gemeente Hilversum fetaħ kawża biex tiġi pprojbita ż-żieda fit-tariffa prevista. B’sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2003, ir-Rechtbank te Amsterdam laqgħet din it-talba, u din is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell b’sentenza tal-Gerechtshof te Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) tat-12 ta’ Awwissu 2004. L-appell fil-kassazzjoni ta’ UPC ġie miċħud b’sentenza tal-Hoge Raad der Nederlanden tat-8 ta’ Lulju 2005.

10.      Barra minn hekk, fis-27 ta’ Settembru 2005, l-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni (13) eżaminat il-kwistjoni dwar jekk UPC kinitx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, skont l-Artikolu 24 tal-liġi Olandiża fuq il-kompetizzjoni, billi talbet ħlas skont tariffi ta’ abbonament eċċessivi għall-pakketti analoġiċi standard tagħha u ddeċidiet li dan ma kienx il-każ.

11.      Fit-28 ta’ Settembru 2005, l-awtorità indipendenti tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet Olandiża (14) adottat abbozz ta’ deċiżjoni fuq is-“suq tat-trażmissjoni u tal-provvista ta’ sinjali awdjoviżivi fil-kompetenza territorjali ta’ UPC”. L-OPTA kkonstatat li UPC kellha, fiż-żona territorjali tagħha, saħħa kunsiderevoli fis-“suq tal-provvista ta’ pakketti ta’ xandir radjuteleviżiv liberament aċċessibbli permezz tal-cable” u imponitilha obbligi relatati mal-kalkolu tat-tariffi tagħha (15).

12.      Fit-3 ta’ Novembru 2005 (16), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, mgħarrfa b’dan l-abbozz ta’ deċiżjoni mill-OPTA, esprimiet dubji fuq il-kompatibbiltà tiegħu mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mar-rakkomandazzjoni tagħha 2003/311/KE (17).

13.      Id-deċiżjoni definittiva adottata mill-OPTA, fis-17 ta’ Marzu 2006, ma baqgħetx tinkludi l-miżura ta’ kontroll tal-prezzijiet.

14.      Fil-15 ta’ Mejju 2006, UPC fetħet kawża quddiem ir-Rechtbank te Amsterdam kontra l-Gemeente Hilversum, li fil-kuntest tagħha talbet sabiex il-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa kkontestata tiġi ddikjarata nulla u sabiex jiġi ordnat lill-Gemeente Hilversum jawtorizza ż-żidiet fit-tariffa. F’dan ir-rigward hija invokat, b’mod partikolari, l-inkompatibbiltà tal-klawżola ta’ limitazzjoni tat-tariffa mad-dispożizzjonijiet tal-QLĠ.

15.      Fis-27 ta’ Ġunju 2007, ir-Rechtbank te Amsterdam ċaħdet it-talba ta’ UPC.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fuq appell minn UPC, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mhux inqas minn 18-il domanda preliminari, ifformulati fit-termini li ġejjin:

“1      Servizz li jikkonsisti f’li jiġu pprovduti pakketti ta’ xandir televiżiv liberament aċċessibbli bil-cable, servizz li għall-provvista tiegħu jintalab ħlas kemm tal-ispejjeż ta’ trażmissjoni kif ukoll ammont li jirrappreżenta (il-ġbir ta’) r-remunerazzjoni tal-korpi ta’ xandir televiżiv u tal-korpi kollettivi ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tal-QLĠ (Qafas Leġiżlattiv Ġdid)?

2)a)      Fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, u tal-għanijiet tal-QLĠ, li jinkludi sistema stretta ta’ koordinazzjoni u ta’ konsultazzjoni qabel ma awtorità leġiżlattiva nazzjonali tkun (esklużivament) kompetenti tintervjeni fit-tariffi applikati għall-konsumatur finali permezz ta’ miżura bħal dik ta’ kontroll tal-prezzijiet, il-komun jibqa’ kompetenti sabiex jiddefendi l-interessi pubbliċi tal-abitanti tiegħu billi jintervjeni fit-tariffi applikati għall-konsumatur finali permezz ta’ klawżola li tillimita t-tariffi?

2)b)      Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-QLĠ jipprekludi lill-komun milli japplika klawżola li tillimita t-tariffi mifthiema fil-kuntest tal-bejgħ ta’ l-impriża tagħha ta’ teledistribuzzjoni bil-cable?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domandi 2a u 2b:

3)      Awtorità pubblika, bħall-komun, li tinsab f’sitwazzjoni bħas-sitwazzjoni inkwistjoni hija (ukoll) marbuta b’obbligu ta’ kooperazzjoni leali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni meta fil-mument tal-konklużjoni, imbagħad tal-applikazzjoni tal-klawżola li tillimita t-tariffi, hija ma taġixxix fl-eżerċizzju ta’ missjoni pubblika, iżda taġixxi fil-kuntest ta’ kompetenza ta’ dritt privat (ara wkoll id-domanda 6a)?

4)      Jekk japplika l-QLĠ u jekk il-komun ikun marbut b’obbligu ta’ kooperazzjoni leali:

a)      L-obbligu ta’ kooperazzjoni leali flimkien (mal-għanijiet tal-)QLĠ, li jinkludi sistema strettta ta’ koordinazzjoni u ta’ konsultazzjoni qabel ma awtorità leġiżlattiva nazzjonali tkun tista’ tintervjeni fit-tariffi applikati lill-konsumatur finali permezz ta’ miżura bħal kontroll tal-prezzijiet jipprekludi lill-komun milli japplika l-klawżola li tillimita t-tariffi?

4)b)      Fil-każ ta’ risposta negattiva, ir-risposta għad-domanda 4a tkun differenti fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-“letter of serious doubt” li fiha l-Kummissjoni esprimiet dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kontroll tal-prezzijiet propost mill-OPTA mal-għanijiet tal-QLĠ hekk kif deskritti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva-Qafas u li konsegwentement l-OPTA ma adottatx din il-miżura?

5)a)      L-Artikolu 101 TFUE hija dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku li għandu bħala effett li l-qorti għandha tapplika din id-dispożizzjoni ex officio fis-sens tal-Artikoli 24 u 25 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Olandiż?

5)b)      Jekk dan huwa l-każ, liema fatti li dehru matul il-proċedura jobbligaw lill-qorti teżamina ex officio l-possibbiltà li tapplika l-Artikolu 101 TFUE? Il-qorti għandha wkoll l-obbligu li tagħmel dan jekk l-eżami tagħha jwassalha (eventwalment) sabiex tissostanzja l-fatti fis-sens tal-Artikolu 149 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Olandiż wara li tkun tat lill-partijiet l-opportunità li jesprimu ruħhom fuq dawn il-fatti?

6)      Jekk l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi applikat ex officio u fid-dawl (tal-għanijiet tal-)QLĠ, għall-applikazzjoni tiegħu mill-OPTA u mill-Kummissjoni Ewropea, minħabba l-fatt li kunċetti bħal dawk tas-saħħa fis-suq u d-definizzjoni tas-swieq rilevanti, kunċetti użati fil-QLĠ, huma kkalkolati fuq kunċetti analogi tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni, xi domandi jirriżultaw fl-okkażżjoni tal-fatti li dehru matul il-proċedura:

6)a)      Meta hija biegħet in-netwerk tagħha ta’ teledistribuzzjoni bil-cable u meta hija qablet mal-klawżola li tillimita t-tariffi, il-komun kellu jiġi kkunsidrat bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (ara wkoll id-domanda 3)?

6)b)      Il-klawżola li tillimita t-tariffi għandha tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni kkaratterizzata msemmija fl-Arikolu 101(1)(a) TFUE u kif deskritta iżjed fid-dettal fin-Notifika [Komunikazzjoni] tal-Kummissjoni dwar ftehim ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni [fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE] l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ([Komunikazzjoni] ‘de minimis’; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 125, punt 11)? Jekk dan huwa l-każ, għal din is-sempliċi raġuni, din tikkonċerna restrizzjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE? Jekk dan ma huwiex il-każ, iċ-ċirkustanzi msemmija fid-domanda 6d (iktar ’il quddiem) għandhom impatt fuq ir-risposta?

6)ċ)      Fl-ipoteżi fejn il-klawżola li tillimita t-tariffi [ma tkunx] restrizzjoni kkaratterizzata, hija għandha b’hekk portata restrittiva tal-kompetizzjoni minħabba (effettivament) il-fatt:

–        li l-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni ddeċidiet li UPC ma abbużatx mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi applikat tariffi (ogħla) għall-provvista ta’ servizzi identiċi bħall-provvista tal-pakkett bażiku bil-cable fuq l-istess suq;

–        li, fil-“letter of serious doubt” tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar il-kompatibbiltà ta’ intervenzjonijiet (ex ante permezz ta’ kontroll tal-prezzijiet) fit-tariffi applikati lill-konsumatur finali għal servizzi bħall-provvista tal-pakkett bażiku minn UPC permezz tal-cable mal-għanijiet hekk kif deskritti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva-Qafas? Il-fatt li l-OPTA rrinunzjat għal kull kontroll tal-prezzijiet wara li rċeviet il-“letter of serious doubt” għandu effett fuq ir-risposta?

6)d)      Il-kuntratt, flimkien mal-klawżola li tillimita t-tariffi, għandu bħala effett li jkun ta’ restrizzjoni sinjifikattiva fuq il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, fid-dawl (b’mod partikolari):

–        minħabba l-fatt li UPC hija kkunsidrata bħala impriża b’saħħitha fis-suq fis-sens tal-QLĠ ([Komunikazzjoni] de minimis, punt 7);

–        minħabba l-fatt li prattikament il-komuni kollha Olandiżi li, matul is-snin 90, bigħu l-impriżi tagħhom ta’ teledistribuzzjoni permezz tal-cable lil operaturi bil-cable bħal UPC, fil-kuntratti tagħhom huma rriżervaw kompetenzi fil-qasam tat-tarifikazzjoni tal-pakkett bażiku ([Komunikazzjoni] de minimis, punt 8)?

6)e)      Il-kuntratt, flimkien mal-klawżola li tillimita t-tariffi li huwa jinkludi, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jaffettwa (jew li jista’ jaffettwa) il-kummerċ internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, liema effett huwa iktar preċiżament deskritt fil-linji gwida dwar il-kunċett tal-effett tal-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2004, C 101, p. 81), fid-dawl tal-fatt li:

–        UPC hija kkunsidrata bħala impriża b’saħħtiha fis-suq skont il-QLĠ;

–        l-OPTA segwiet proċedura ta’ konsultazzjoni Ewropea sabiex tadotta miżura ta’ kontroll tal-prezzijiet fil-kuntest ta’ servizzi bħall-provvista tal-pakkett bażiku permezz tal-cable minn operaturi bil-cable b’saħħithom fis-suq bħal UPC, liema proċedura, skont il-QLĠ, għandha tinbeda meta miżura proposta jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri;

–        f’dak iż-żmien, il-kuntratt kien jirrappreżenta valur ta’ NLG 51 000 000 (jiġifieri iktar minn EUR 23 000 000);

–        prattikament il-komuni kollha Olandiżi li, matul is-snin 90 bigħu n-netwerks ta’ teledistribuzzjoni permezz tal-cable tagħhom lil operaturi bil-cable bħal UPC, fil-kuntratti tagħhom, irriżervaw kompetenzi fil-qasam tat-tarifikazzjoni tal-pakkett bażiku?

7)      L-Artikolu 101(3) TFUE għadu jagħti lill-qorti l-kompetenza li tiddikjara projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 101(1) TFUE mhux applikabbli għall-klawżola li tillimita t-tariffi fid-dawl tal-QLĠ u d-dubji serji li l-Kummissjoni kienet esprimiet fil-‛letter of serious doubt’ tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ intervenzjonijiet (ex ante) f’tariffi applikabbli għall-konsumatur finali mal-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni? Il-fatt li wara li rċeviet il-‛letter of serious doubt’ l-OPTA rrinunzjat għall-kontroll tal-prezzijiet li hija kienet ipproponiet għandu influwenza fuq ir-risposta?

8)      Is-sanzjoni ta’ nullità prevista mill-Artikolu 101(2) TFUE tippermetti ċertu marġni ta’ applikazzjoni fl-effetti kronoloġiċi tagħha minħabba ċirkostanzi fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt (jiġifieri fil-bidu tal-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet) u fl-iżvilupp ulterjuri tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari d-dħul fis-seħħ tal-QLĠ u l-ilmenti serji espressi f’din l-okkażżjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll tal-prezzijiet?”

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari fuq il-portata u l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

17.      L-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex meħtieġ li jingħataw risposti għat-18-il domanda kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju.

18.      Din tal-aħħar nfisha tippreżenta x’uħud mid-domandi bħala sussidjarji, għaliex il-bżonn li tingħata risposta għalihom hija suġġetta b’mod espliċitu għar-risposta li tingħata għal domandi oħra. Dan huwa l-każ tad-domanda 2(b), suġġetta għal risposta negattiva għad-domanda 2(a) u d-domanda 3, li min-naħa tagħha hija suġġetta għal risposta negattiva għad-domandi preċedenti.

19.      Madankollu, kif ser naraw fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, in-natura sussidjarja ta’ ċerti domandi hija wkoll il-konsegwenza loġika fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel domandi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tad-domandi 3 u 4 dwar il-portata tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, li ser tingħata risposta għalihom fil-kuntest tal-eżami tad-domandi preċedenti. Dan huwa l-każ ukoll, kif tosserva l-Kummissjoni, tad-domandi 5 sa 8, dwar l-Artikolu 101 TFUE.

20.      Barra minn hekk, u kif il-Gemeente Hilversum sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, f’dan l-istadju ma jistax jiġi eskluż li x’uħud mid-domandi tal-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari d-domandi 5 sa 8, dwar l-Artikolu 101 TFUE, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli jew, mill-inqas, mingħajr skop, billi r-rilevanza tagħhom għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tista’, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, titqiegħed serjament fid-dubju.

21.      Finalment, kif ser naraw, id-diversi domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jistgħu jinġabru fi tliet gruppi prinċipali ta’ mistoqsijiet, l-ewwel waħda tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-QLĠ u għalhekk l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jirrigwardaw il-kawża prinċipali (domanda 1), it-tieni dwar il-portata tal-obbligi fuq il-Gemeente Hilversum skont dawn id-direttivi (domanda 2) jew l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TFUE (domandi 3 u 4) u t-tielet waħda, fl-aħħar nett, li tirrigwarda l-effett eventwali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) (domandi 5 u 6), (2) (domanda 7) u (3) (domanda 8) TFUE fuq is-soluzzjoni għall-kawża prinċipali.

B –    Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-QLĠ: il-kunċett ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (domanda 1)

22.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ pakketti ta’ RTV liberament aċċessibbli bil-cable jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-QLĠ, fid-dawl tal-fatt li l-kont għal dak is-servizz jinkorpora l-ispejjeż ta’ trażmissjoni kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-korpi tax-xandir televiżiv u d-drittijiet imħallsin lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva tad-dritt tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet.

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet

23.      UPC issostni li hija tipprovdi essenzjalment servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod li l-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-QLĠ. Il-Gemeente Hilversum u l-Gvern Olandiż, bil-kontra, iqisu li, sa fejn UPC tillimita ruħha li tixtri kontenut għad-diversi kanali ta’ televiżjoni, biex b’hekk jiġi kkostitwit pakkett ta’ RTV u tipprovdih lill-utenti finali permezz tan-netwerk tal-cable tagħha, hija toffri servizz ta’ provvista ta’ kontenut li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-QLĠ.

24.      Il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA jikkunsidraw li s-servizz pprovdut minn UPC jirrigwarda kemm it-trażmissjoni ta’ sinjali kif ukoll il-provvista ta’ kontenuti ta’ RTV, b’mod li l-QLĠ tiġi tapplika biss għall-ewwel komponent. Madankollu l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA tikkunsidra li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina n-natura tas-servizz pprovdut minn UPC u tislet il-konsegwenzi minnha.

2.      Analiżi

25.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda ma tħallix dubji kif jirriżulta kemm mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” li tinsab fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas u fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva Kompetizzjoni, kif ukoll mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-QLĠ li jidħlu fil-kuntest tagħha u fid-dawl tal-għan li huma jsegwu kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13/UE (18).

26.      L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas fil-fatt jiddefinixxi s-servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħala “servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi użati għax-xandir, iżda esklużi servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzju ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi”. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippreċiża li dan il-kunċett “ma jinkludix servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, kif definiti f’Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE (19), li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta’ sinjali b’networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

27.      Kif jirriżulta minn din id-definizzjoni, li hija riprodotta f’termini pjuttost ekwivalenti fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva Kompetizzjoni, is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma ddefiniti kemm pożittivament kif ukoll negattivament.

28.      Il-premessa 5 tad-Direttiva Qafas tindika, f’dan ir-rigward, li l-“konverġenza tat-telekomunikazzjonijiet, il-media u s-settturi tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni tfisser li n-networks kollha ta’ trasmissjoni u servizzi għandhom ikunu koperti b’kwadru regolatorju wieħed” u li, fil-kuntest tat-twaqqif ta’ dan il-qafas huwa “meħtieġ li ssir separazzjoni bejn ir-regolament tat-trasmissjoni u r-regolament tal-kontenut”. Hija tippreċiża li l-QLĠ “ma jkoprix il-kontenut tas-servizzi mwassla fuq in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jużaw servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjonijiet, bħal kontenut tax-xandir, is-servizzi finanzjarji u ċerti servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, u hija għalhekk bla preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità u dak nazzjonali dwar dawk is-servizzi, b’konformità mal-liġi tal-Komunità, sabiex jippromwovu diversità kulturali u lingwistika u biex jiżguraw id-difiża tal-pluraliżmu fil-midja”.

29.      Bl-istess mod, il-premessa 7 tad-Direttiva “Kompetizzjoni”, li tgħid li ġie ppreferut l-użu tal-kunċetti ta’ servizzi u ta’ netwerks ta’ “komunikazzjonijiet elettroniċi” flok dawk ta’ servizz u ta’ netwerks ta’ “telekomunikazzjonijiet” sabiex appuntu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fenomenu ta’ konverġenza, tindika li dawn id-definizzjonijiet jiġbru s-servizzi kollha u/jew netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi “li huma kkonċernati bit-tqassim ta’ sinjali bil-wire, radju, meżżi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra”, sabiex jinkorporaw dawk “iffissati, mingħajr wire, cable television, networks tas-satelliti”. Barra minn hekk tippreċiża li t-“trasmissjoni u x-xandir tal-programmi tar-radju u tat-televiżjoni għandhom ikunu rikonoxxuti bħala servizz ta’ komunikazzjoni elettronika”.

30.      Barra minn dan, l-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva jiddefinixxi s-servizz ta’ media awdjoviżiva bħala “servizz kif definit mill-Artikoli 56 [TFUE] u 57 [TFUE] li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi sabiex jagħti informazzjoni, intratteniment jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettroniċi fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE”. Din l-istess dispożizzjoni tippreċiża li “servizz tal-media awdjoviżiva huwa jew xandira bit-televiżjoni kif definit fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu jew servizz tal-media awdjoviżiva on-demand kif definit fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu”.

31.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li UPC teżerċita attività li tikkonsisti essenzjalment fit-trażmissjoni ta’ programmi ta’ RTV bil-cable lill-klijenti tagħha, detenturi ta’ abbonament. Huwa stabbilit, b’mod partikolari, li UPC ma tipproduċix hija stess il-programmi ta’ RTV u ma teżerċita l-ebda responsabbiltà editorjali fuq il-kontenut tal-programmi li hija tittrażmetti.

32.      F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Gemeente Hilversum u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li jistrieħ fuq id-distinzjoni bejn “provvista ta’ servizzi ta’ RTV” u “trażmissjoni tas-sinjali” relatati magħha, li jipprovdi li l-attività ta’ UPC ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-QLĠ sa fejn il-klijenti tagħha ma jixtrux kapaċità ta’ trażmissjoni vojta, imma kontenut, pakkett ta’ programmi ta’ RTV trażmess permezz ta’ netwerk ta’ teledistribuzzjoni bil-cable.

33.      Fil-fatt, kif jirriżulta mid-diversi definizzjonijiet imfakkra hawn fuq, id-direttivi rilevanti jistabbilixxu distinzjoni ċara bejn il-produzzjoni tal-kontenuti, li timplika responsabbiltà editorjali, u t-trażmissjoni tal-kontenuti, mingħajr ebda responsabbiltà editorjali, il-kontenuti u t-trażmissjoni tagħhom huma suġġetti għal leġiżlazzjonijiet separati (20) li jsegwu għanijiet differenti (21), mingħajr ma jsir riferiment la għall-klijenti tas-servizzi pprovduti u lanqas għall-istrutturi tal-ispejjeż ta’ trażmissjoni li jintalab il-ħlas tagħhom mingħand dawn tal-aħħar.

34.      Għalhekk, filwaqt li huwa minnu li l-klijenti ta’ UPC jixtru kontenut meta jidħlu f’abbonament ma’ UPC sabiex ikollhom aċċess għall-pakkett analoġiku ta’ programmi ta’ RTV li hija toffri, dan ma jfissirx, madankollu, li l-attività ta’ din tal-aħħar, li tikkonsisti fit-trażmissjoni tal-programmi prodotti, taħt ir-responsabbiltà editorjali tagħhom stess, mill-edituri tal-kontenut, f’dan il-każ il-kanali tar-radju u tat-televiżjoni, sal-punt tal-konnessjoni man-netwerk bil-cable tagħha li jinsab fid-dar tal-abbonati tagħha, ma tistax tiġi deskritta bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-QLĠ.

35.      Għall-kuntrarju, kif sostniet il-Kummissjoni, il-provvista ta’ pakketti ta’ RTV liberament aċċessibbli permezz ta’ cable taqa’ taħt il-kunċett ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-QLĠ sakemm tinkludi t-trażmissjoni ta’ sinjali fuq in-netwerk ta’ teledistribuzzjoni bil-cable.

36.      Kull interpretazzjoni oħra tnaqqas kunsiderevolment il-portata tal-QLĠ, tippreġudika l-effettività tad-dispożizzjonijiet tiegħu u tikkomprometti, għaldaqstant, it-twettiq tal-għanijiet ta’ dan tal-aħħar.

37.      L-għan innifsu tal-QLĠ huwa li jiġi stabbilit suq intern ġenwin tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (22), li fil-kuntest tiegħu dawn tal-aħħar għandhom, biż-żmien, jiġu rregolati biss mid-dritt tal-kompetizzjoni (23), l-esklużjoni tal-attivitajiet ta’ impriża bħal UPC mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu bl-iskuża li hija ma tittrażmettix biss sinjali, effettivament iċaħħad il-QLĠ minn kull portata.

38.      Bl-istess mod, il-fatt li l-ispejjeż ta’ trażmissjoni ffatturati lill-abbonati jinkorporaw ir-remunerazzjoni dovuta lill-kanali tax-xandir televiżiv u d-drittijiet imħallsin lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet ma jistax, għal dawn l-istess raġunijiet, jipprekludi l-klassifikazzjoni tas-servizz ipprovdut minn UPC bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-QLĠ.

39.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 2002/21 għandha tiġi interpretata fis-sens li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ pakketti ta’ xandir televiżiv liberament aċċessibbli bil-cable li l-kont tiegħu jinkludi l-ispejjeż ta’ trażmissjoni kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-korpi tar-xandir televiżiv u d-drittijiet imħallsin lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet, meta dan is-servizz jinvolvi t-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

C –    Fuq il-portata tal-QLĠ: il-prerogattivi tal-Istati Membri u l-kompetenzi tal-Gemeente Hilversum (domanda 2)

40.      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk kollettività lokali bħalma huwa l-Gemeente Hilversum tistax, fid-dawl tal-QLĠ, tintervjeni fl-iffissar tat-tariffa, applikata għall-konsumatur finali, tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ netwerk bil-cable pprovduti minn operatur ekonomiku bħal UPC.

41.      Din id-domanda hija maqsuma f’żewġ subdomandi, li jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tas-sitwazzjoni ġuridika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkonkretizzata f’dan il-każ bil-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa inkluża fil-kuntratt ta’ bejgħ konkluż bejn il-Gemeente Hilversum u UPC. Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk il-QLĠ jipprekludix, fid-dawl tal-kompetenzi li jagħti lill-ANR, li kollettività lokali jkollha kompetenza biex tadotta miżuri ta’ kontroll tal-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, u jekk tingħata risposta fin-negattiv, hija tistaqsi jekk il-QLĠ jipprekludix li kollettività lokali tkun tista’ tapplika tali klawżola kuntrattwali tal-limitazzjoni tat-tariffa.

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet

42.      Il-Gemeente Hilversum kif ukoll il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu, qabel kollox, li l-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa ġiet innegozjata liberament meta ġie konkluż il-kuntratt bejn il-partijiet u li hija tikkostitwixxi l-korrispettiv tal-prezz miftiehem fil-kuntratt. Huma jikkunsidraw li, fi kwalunkwe każ, il-QLĠ ma jipprekludix il-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa, billi din ma tistax tkun ta’ ostakolu għall-adozzjoni mill-ANR, f’dan il-każ l-OPTA; fi kwalunkwe mument, għal miżura intiża biex tiffavorixxi l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva Servizz Universali.

43.      UPC, il-Kummissjoni kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA jikkunsidraw, madankollu, li tali klawżola issa hija inkompatibbli mal-QLĠ, b’mod partikolari sa fejn il-Gemeente Hilversum ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ANR li huwa l-uniku awtorizzat biex jadotta miżuri ta’ kontroll tal-prezzijiet bl-imnut bħal dik li tikkostitwixxi l-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa, jew li aġixxa legalment bħala ANR. Madankollu l-Kummissjoni ma teskludix li miżura bħal dik tista’, sakemm din tikkonforma mal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, tikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku kopert bl-Artikolu 106(2) TFUE u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina dan.

2.      Analiżi

44.      Għandi nibda billi nippreċiża li, minkejja li l-kuntratt li jinkludi l-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa ġie konkluż qabel l-adozzjoni tal-QLĠ, id-diversi direttivi li jikkomponuh kellhom jiġu trasposti mill-Istati Membri mhux aktar tard mill-24 ta’ Lulju 2003 u li l-Istat Membri minn dakinhar huma obbligati li josservaw id-dispożizzjonijiet u jiggarantixxu l-osservanza tagħhom fit-territorju kollu tagħhom.

45.      Dan huwa obbligu li għandhom l-Istati Membri bis-saħħa tad-direttivi nfushom u għalhekk indipendentement mid-dmir ta’ kooperazzjoni leali li għandhom skont l-Artikolu 4(3) TUE b’mod li, jekk irid jiġi konkluż li l-QLĠ jipprekludi l-applikazzjoni tal-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jkunx meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domandi preliminari billi l-interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-QLĠ timplika ipso facto ksur ta’ dan id-dmir.

46.      Imbagħad għandu jingħad li, kif jirriżulta mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-QLĠ u kif UPC, il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA essenzjalment semmew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll fis-seduta, miżuri ta’ kontroll tal-prezz tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħal dik fil-kawża prinċipali (24) ma jistgħux jiġu aċċettati ħlief sa fejn jirrigwardaw miżuri li jistgħu jiġu adottati minn ANR fir-rigward ta’ impriża b’saħħitha fis-suq jew sa fejn jistgħu jiġu ġġustifikati abbażi ta’ għan ta’ interess ġenerali jew tal-Artikolu 106(2) TFUE.

47.      Anki jekk jingħad li l-Gemeente Hilversum jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kompetenza, ta’ indipendenza funzjonali u legali, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (25) biex ikun jista’ jiġi kklassifikat validament bħala ANR (26), fi kwalunkwe każ, ma jistax, kif ser nuri inizjalment, jitqies li aġixxa legalment f’din il-kapaċità, sa fejn il-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa imposta fuq UPC ġiet adottata bi ksur tar-regoli proċedurali ddettaljati stabbiliti bid-diversi direttivi rilevanti.

48.      Barra minn hekk, minkejja li ma jistax jiġi eskluż li l-Gemeente Hilversum jista’, mhux bħala ANR, imma bħala kollettività territorjali, jadotta tali miżura ta’ limitazzjoni tat-tariffa, sakemm din tal-aħħar tkun iġġustifikata biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali jew skont l-Artikolu 106(2) TFUE, hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki f’dan ir-rigward, kif ser nuri sussegwentement.

a)      Fuq il-miżuri ta’ kontroll tal-prezzijiet li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-QLĠ

49.      Wieħed għandu jibda billi jfakkar li l-iskop tal-QLĠ huwa li jiġi stabbilit suq intern ġenwin tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li fil-kuntest tiegħu dawn ikollhom, maż-żmien, jiġu rregolati biss mid-dritt tal-kompetizzjoni (27), b’mod partikolari permezz tat-tnaqqis progressiv tal-leġiżlazzjoni settorjali ex ante (28).

50.      L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva Kompetizzjoni jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda restrizzjoni ma tiġi imposta jew miżmuma għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fuq in-netwerks ta’ komunikazzjoni elettroniċi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Aċċess, tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva Servizz Universali.

51.      Għalhekk, huwa permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn id-direttivi li tirriżulta s-sistema ta’ kompetizzjoni stabbilita mill-QLĠ kif ukoll l-emendi tagħhom u li għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-applikazzjoni tal-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa.

52.      Id-Direttiva Qafas tistabbilixxi, f’din il-perspettiva, il-kompiti li għandhom, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, l-ANR u tistabbilixxi l-proċeduri li jiggarantixxu l-applikazzjoni armonizzata tal-QLĠ fl-Unjoni kollha.

53.      L-ANR, iddefiniti fl-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas, huma b’dan il-mod inkarigati li jieħdu, skont l-Artikolu 8(1) ta’ din l-istess direttiva, il-miżuri kollha raġonevoli u proporzjonati għat-twettiq tal-għanijiet iddefiniti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ din l-istess dispożizzjoni, jiġifieri, il-promozzjoni tal-kompetizzjoni speċjalment fil-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u tar-riżorsi u servizzi assoċjati, il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp tas-suq intern u l-appoġġ għall-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni.

54.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jobbliga lill-Istati Membri li jiggarantixxu l-libertà ta’ provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, filwaqt li jiġi ppreċiżat li din il-provvista fil-prinċipju tista’ biss tkun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ġenerali (29), mingħajr preġudizzju għall-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2).

55.      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jipprovdi, f’dan il-każ, b’mod partikolari (30), il-possibbiltà għall-ANR li jimponu obbligi speċifiċi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq, skont l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva tal-Aċċess billi l-adozzjoni tagħhom hija suġġetta għal kundizzjonijiet u modalitajiet preċiżi (31). Din l-istess dispożizzjoni tindika, minn naħa, li dawn l-obbligi speċifiċi għandhom ikunu distinti fuq il-livell ġuridiku mill-obbligi u d-drittijiet imsemmijin fl-awtorizzazzjoni ġenerali u, min-naħa l-oħra, li l-kriterji u l-proċeduri għall-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi għandhom jidhru fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

56.      Hawnhekk għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija lil UPC, ħlief li l-Gemeente Hilversum kellu jgħin biex din tiksibha.

57.      Hu x’inhu l-każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa imposta mill-Gemeente Hilversum fuq UPC tista’ taqa’ taħt il-miżuri ta’ kontroll tal-prezzijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Aċċess li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq skont l-Artikolu 8 ta’ dik id-direttiva.

58.      L-ewwel nett, minħabba l-kompetizzjoni li teżisti bejn ix-xandir ta’ programmi ta’ RTV bil-cable u l-iżvilupp tat-televiżjoni diġitali terrestri, minn naħa, u tax-xandir ta’ programmi ta’ RTV min-netwerks DSL, min-naħa l-oħra (32), is-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għadux fost dawk imsemmija fir-Rakkomandazzjoni Nru 2007/879/KE bħala swieq li jistgħu jkunu suġġetti għal leġiżlazzjoni ex ante.

59.      Ċertament, kif tosserva l-Kummissjoni, dan il-fatt ma jipprekludix fil-prinċipju li ANR tkun tista’ tiddefinixxi swieq ta’ utenti finali li jikkorrispondu maċ-ċirkustanzi nazzjonali li jiġġustifikaw leġiżlazzjoni ex ante (33).

60.      Madankollu, xorta jeħtieġ li ssir id-definizzjoni ta’ dawn is-swieq skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva Qafas, u partikolarment wara li l-persuni kkonċernati jkunu tqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (34), li l-analiżi ta’ dawn is-swieq issir fl-osservanza tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, li, ladarba jiġi kkonstatat li s-suq rilevanti ma huwiex effettivament kompetittiv, l-identifikazzjoni tal-impriżi b’saħħithom fis-suq issir skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas u li, fl-aħħar nett, l-adozzjoni tal-miżura ta’ kontroll tal-prezzijiet issir fl-osservanza tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva Qafas, minn naħa, u tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Aċċess min-naħa l-oħra.

61.      Jirriżulta mill-proċess li l-miżura imposta fuq UPC ġiet applikata fil-konfront tagħha bi ksur tad-diversi obbligi proċedurali imposti mid-diversi dispożizzjonijiet rilevanti tal-QLĠ, partikolarment dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva Qafas.

62.      Ir-rilevanza tad-direttiva “servizz universali” għandha titwarrab għall-istess raġunijiet. Jekk l-Artikolu 9 jistabbilixxi li l-miżuri ta’ kontroll tal-prezzijiet jistgħu jiġu imposti fuq impriżi indikati għall-eżekuzzjoni ta’ servizz universali, dawn tal-aħħar ma jistgħux, fl-eventwalità li jistgħu jiġu applikati għal servizzi tal-RTV, jiġu imposti ħlief fl-aħħar ta’ analiżi tas-suq kif stabbilit fl-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas u fl-Artikoli 16 u 17 tad-direttiva “servizz universali” (35).

63.      Għaldaqstant, jista’ jiġi provviżorjament konkluż li l-QLĠ fil-prinċipju jipprekludi l-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa, sakemm ma jiġix stabbilit li hija ġġustifikata biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali.

64.      Fil-fatt l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva Qafas jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jikkomponu l-QLĠ ma jippreġudikaw la l-obbligi imposti fuq dawn is-servizzi permezz ta’ miżuri nazzjonali adottati skont id-dritt tal-Unjoni jew permezz tad-dritt tal-Unjoni stess, u lanqas il-miżuri adottati mill-Unjoni jew mill-Istati Membri b’rispett tad-dritt tal-Unjoni sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali.

65.      F’dan il-każ ma huwiex qed jiġi allegat li l-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa tirriżulta minn obbligu stabbilit minn miżuri nazzjonali adottati skont id-dritt tal-Unjoni jew permezz tad-dritt tal-Unjoni. Iżda, għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola ssegwix għan ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva Qafas jew tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 106(2) TFUE.

b)      Fuq il-ġustifikazzjonijiet abbażi ta’ għan ta’ interess ġenerali

66.      L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva Qafas jipprovdi li din id-direttiva kif ukoll id-direttivi speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri adottati fuq il-livell tal-Komunità jew nazzjonali, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontenut u l-politika awdjoviżiva.

67.      Mill-premessa 6 mid-Direttiva Qafas jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, jimplementaw, b’mod partikolari, politika awdjoviżiva u leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontenuti biex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali, bħal-libertà ta’ espressjoni, il-pluraliżmu tal-media, l-imparzjalità, id-diversità kulturali u lingwistika, l-integrazzjoni soċjali, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-protezzjoni tal-minuri.

68.      F’dan il-każ, jekk il-qorti tar-rinviju fl-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha bħal fit-tieni domanda preliminari tagħha, issemmi l-idea li l-Gemeente Hilversum aġixxa permezz ta’ strumenti ta’ dritt privat biex jiddefendi l-interessi pubbliċi tal-abitanti tiegħu, hija ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni fuq in-natura tal-interessi li ġew difiżi.

69.      Il-Gemeente Hilversum u l-Gvern Olandiż isostnu, f’dan ir-rigward, li l-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa, li ġiet miftiehma liberament, issegwi għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Hija tippermetti li tiġi ggarantita l-provvista ta’ servizz ta’ RTV, il-pakkett analoġiku bażiku, b’tariffa soċjalment aċċettabbli li għandha tibqa’ moderata għad-djar bi dħul modest, u l-imsemmi servizz jikkostitwixxi, għalhekk, servizz ta’ utilità pubblika fundamentali.

70.      Kif tfakkar iktar ’l fuq, l-għan tal-QLĠ huwa preċiżament biex jiġi ggarantit lill-utenti, permezz tal-promozzjoni tal-kompetizzjoni, benefiċċju massimu f’termini ta’ għażla, ta’ prezz u ta’ kwalità ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (36). B’mod partikolari huma l-ANR biss li għandhom jintervjenu jekk ikun il-każ, b’imparzjalità u trasparenza (37), wara analiżi tas-suq, fir-rigward ta’ impriża b’saħħitha f’dak is-suq li għandha mnejn, fin-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva, iżżomm il-prezzijiet f’livell eċċessivament għoli b’detriment tal-utenti finali (38).

71.      Għaldaqstant, u indipendentement ukoll mill-fatt li, f’dan il-każ, kif tfakkar fil-punti 11 sa 13 hawn fuq, l-OPTA adottat preċiżament, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, deċiżjoni fis-sens kuntrarju, il-ġustifikazzjoni mressqa b’dan il-mod mill-Gemeente Hilversum u mill-Gvern Olandiż ma tistax tintlaqa’ bħala tali.

72.      Madankollu, il-Kummissjoni indirizzat fin-noti tagħha l-kwistjoni dwar jekk UPC setgħetx titqies li ġiet inkarigata mill-Gemeente Hilversum b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE. Madankollu hija tqis li ma għandhiex biżżejjed elementi biex tirrispondi din id-domanda u għaldaqstant titlob li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

73.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-Artikolu 106(2) TFUE, li jippermetti taħt ċerti kundizzjonijiet derogi mir-regoli ġenerali tat-Trattat, huwa intiż biex jikkonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi, partikolarment fis-settur pubbliku, bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali mal-interess tal-Unjoni li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni u ż-żamma tal-unità tas-suq komuni (39). Fid-dawl tal-interess ddefinit b’dan il-mod tal-Istati Membri, imfakkar fl-Artikolu 14 TFUE, huma ma jistgħux, meta jiddeċiedu x’servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jafdaw lil ċerti impriżi, jiġu pprojbiti milli jieħdu inkunsiderazzjoni għanijiet tal-politika nazzjonali tagħhom u milli jipprovaw jiksbuhom permezz ta’ obbligi u restrizzjonijiet li huma jimponu fuq l-imsemmija impriżi (40).

74.      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma tirreferi għall-Artikolu 106(2) TFUE u lanqas għall-idea li l-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa tikkostitwixxi l-manifestazzjoni tal-għoti mill-Gemeente Hilversum ta’ missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali lil UPC. Barra minn hekk, la l-Gemeente Hilversum u lanqas il-Gvern Olandiż ma allegaw li l-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa setgħet tkun iġġustifikata skont l-Artikolu 106(2) TFUE. Min-naħa tagħha, UPC ma ħaditx pożizzjoni f’dan ir-rigward. Fis-seduta hija kkontestat ukoll l-allegazzjoni tal-Gemeente Hilversum li l-klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa ġiet ikkumpensata bi tnaqqis tal-prezz tal-bejgħ tan-netwerk bil-cable.

75.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrinvija lill-qorti tar-rinviju l-eżami ta’ jekk l-Artikolu 106(2) TFUE jistax jiġi applikat, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, fil-kawża prinċipali (41).

76.      B’mod iktar partikolari, hija għandha, qabel kollox, tistabbilixxi jekk jistax jitqies li l-Gemeente Hilversum effettivament inkarigax lil UPC bil-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u, jekk dan huwa l-każ, jekk l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tipprekludix it-twettiq tal-missjoni partikolari li ġiet fdata lilha b’dan il-mod (42), u dan il-kontroll jimplika, b’mod partikolari, li tiġi ddeterminata n-natura tal-bżonnijiet li jirriżultaw mit-twettiq tal-missjoni ta’ interess ġenerali inkwistjoni (43).

77.      Imbagħad għandha l-obbligu li tiżgura, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-obbligi imposti josservaw għal kollox il-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali (44).

78.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikoli 6, 8 u 13 tad-Direttiva tal-Aċċess, l-Artikoli 3 u 6(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, kif ukoll l-Artikoli 1(2) u (3), 3, 6 u 7, u 14 sa 16 tad-Direttiva Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fil-prinċipju, l-applikazzjoni ta’ klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa bħal dik fil-kawża prinċipali, sakemm ma jiġix stabbilit li hija ġġustifikata biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali jew skont l-Artikolu 106(2) TFUE, u li tikkonforma għal kollox mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

D –    Fuq l-effett tal-Artikolu 101 TFUE (id-domandi 5 sa 8)

79.      Fid-dawl tar-risposti li qed nipproponi li jingħataw għall-ewwel domandi preliminari eżaminati hawn fuq, ma jidhirx meħtieġ li tingħata risposta għad-domandi 5 sa 8 fformulati mill-qorti tar-rinviju, li kollha jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

80.      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’liema mod is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, għaliex il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni fuq il-motivi li jwassluha biex tikkunsidra li l-Gemeente Hilversum għandu jitqies bħala impriża li kkonkludiet ftehim (45) fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi (46) fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

V –    Konklużjoni

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Gerechtshof te Amsterdam bil-mod li ġej:

1)         Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, għandha tiġi interpretata fis-sens li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ pakketti ta’ xandir televiżiv liberament aċċessibbli bil-cable li t-talba għall-ħlas tagħhom tinkludi l-ispejjeż ta’ trażmissjoni kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-korpi tax-xandir televiżiv u d-drittijiet imħallsin lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet, meta dak is-servizz jinvolvi t-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

2)         L-Artikoli 6, 8 u 13 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, l-Artikoli 3 u 6(2) tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll l-Artikoli 1(2) u (3), 3, 6 u 7, u 14 sa 16 tad-Direttiva 2002/21, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fil-prinċipju, l-applikazzjoni ta’ klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa bħal dik fil-kawża prinċipali, sakemm ma jiġix stabbilit li hija ġġustifikata biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali jew skont l-Artikolu 106(2) TFUE u li tikkonforma għal kollox mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Iktar ’il quddiem, il-“QLĠ”.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”.


4 – Ara l-premessa 5 tad-Direttiva Qafas.


5 – ĠU L 24, p. 1.


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323.


7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337.


8 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367.


9 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Kompetizzjoni”.


10 – Iktar ’il quddiem “UPC”.


11 – Iktar ’il quddiem “RTV”.


12 – Iktar ’il quddiem il-“klawżola tal-limitazzjoni tat-tariffa”.


13 – In-Nederlandse Mededingingsautoriteit.


14 – L-Onafhankelijke Post en Telecommunicatie Autoriteit, iktar ’il quddiem l-“OPTA”.


15 – Iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ kontroll tal-prezzijiet”.


16 – Ara d-dokument SG-Greffe (2005) D/205996, tat-3 ta’ Novembru 2005, Case NL/2005/0247: Retail markets for the supply of free-to-air radio and television packages via cable transmission in the Netherlands – Opening of Phase II investigation pursuant to Article 7(4) of Directive 2002/21/EC.


17 – Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Frar 2003 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li għandhom mnejn jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni ex ante skont id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 114, p. 45).


18 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU L 95, p. 1). Din id-direttiva ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/552/KEE, tat-3 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti disposizzjonijiet stabbiliti b’Liġi, Regolament jew Azzjoni Amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224).


19 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p.337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p.8).


20 – Ara l-premessa 5 tad-Direttiva Qafas.


21 – Il-premessa 6 tad-Direttiva Qafas tindika, f’dan ir-rigward, li l-“politika awdjoviżwali u r-regolament tal-kontenut huma mwettqa lejn il-ksib ta’ miri ta’ interess ġenerali, bħal-libertà ta’ l-espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja, l-imparzjalità, id-diversità kulturali u lingwistika, l-inklużjoni soċjali, l-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-minuri”.


22 – Dan l-għan innifsu huwa parti mill-għan iktar wiesa’ tat-twettiq ta’ spazju Ewropew wieħed tal-informazzjoni u soċjetà tal-informazzjoni miftuħa għal kulħadd. Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lil-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-1 ta’ Ġunju 2005, “i2010 – Soċjetà tal-informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjieg”.


23 – Ara l-premessa 5 tad-Direttiva 2009/140/ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 337, p. 37).


24 – Il-miżuri msemmijin fl-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva tal-Aċċess ma japplikawx fil-kawża prinċipali.


25 – Ara s-sentenza tas-6 ta’Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, Ġabra p. I‑9073, punti 27 sa 30).


26 – L-Artikolu 3(6) tad-Direttiva Qafas jipprovdi, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ANR kollha li huma inkarigati bit-twettiq ta’ kompiti skont il-QLĠ. Madankollu l-Kummissjoni indikat fin-noti tagħha, mingħajr ma ġiet kontradetta, li l-Gemeente Hilversum ma jidhirx fuq il-lista li kien bagħtilha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.


27 – Ara l-punt 37 hawn fuq.


28 – Ara, f’dan ir-rigward, ir-Rakkomandazzjonijiet 2003/311/KE u 2007/879/KE tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Diċembru 2007, dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibli għal regolazzjoni ex ante skond id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 344, p. 65).


29 –      Għandu jiġi ppreċiżat, bla ħsara għall-kundizzjonijiet li dik id-direttiva tistabbilixxi, partikolarment fil-parti A tal-anness tagħha, u tar-restrizzjonijiet iġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet dwar l-ordni pubbliku, għas-saħħa pubblika u għas-sigurtà pubblika, imsemmijin fl-Artikolu 52(1) TFUE li ma humiex inkwistjoni fl-kawża prinċipali. Ara l-premessa 3 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.


30 – Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll il-possibbiltà li jiġu imposti obbligi speċifiċi fuq il-fornituri indikati għall-provvista ta’ servizz universali, skont id-Direttiva Servizz Universali, imma din tal-aħħar, kif indikat iktar ’il fuq, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.


31 – Ara wkoll il-premessa 27 tad-Direttiva Qafas.


32 – Ara, f’dan ir-rigward, id-dokument ta’ ħidma li jakkumpanja r-Rakkomandazzjoni Nru 2007/879/KE, SEC(2007) 1483/2, p. 48.


33 – Ara l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva Qafas.


34 – Ara l-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas.


35 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑545/08, punti 47 sa 57).


36 – Ara l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva Qafas.


37 – Ara l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva Qafas.


38 – Ara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva ta’ Aċċess.


39 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1991, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑202/88, Ġabra p. I‑1223, punt 12); tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑157/94, Ġabra p. I‑5699, punt 39); tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany (C‑67/96, Ġabra p. I‑5751, punt 103), kif ukoll tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, Ġabra p. I‑3377, punt 29).


40 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (punt 40) u Albany (punt 104).


41 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ April 1994, Almelo (C‑393/92, Ġabra p. I‑1477, punt 50).


42 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM (311/84, Ġabra p. 3261, punt 17); tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C‑41/90, Ġabra p. I‑1979, punt 24), kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 1997, GT-Link (C‑242/95, Ġabra p. I‑4449, punt 49).


43 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro (66/86, Ġabra p. 803, punti 55 u 56).


44 – Ara s-sentenza Federutility et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 33 sa 47).


45 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 29).


46 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Höfner u Elser, iċċitata iktar ’il fuq.