Language of document : ECLI:EU:C:2013:709

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Novembru 2013 (*)

“Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttivi 97/66/KE, 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Provvisa ta’ pakkett bażiku ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni aċċessibbli bil-cable — Trasferiment minn komun tan-netwerk bil-cable tiegħu lil impriża privata — Klawżola kuntrattwali dwar it-tariffi — Kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑518/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

UPC Nederland BV

vs

Gemeente Hilversum,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal UPC Nederland BV, minn P. Glazener u E. Besselink, advocaten,

–        għall-Gemeente Hilversum, minn J. F. A. Doeleman u G. van der Wal, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, inizjalment minn C. Wissels, sussegwentement minn M. Bulterman, u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis, P. Van Nuffel kif ukoll minn L. Nicolae, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn X. Lewis u M. Moustakali, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), tad-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar tad-dejta ta’ natura personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 24, p. 1), tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta[...]l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337) u tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn UPC Nederland BV (iktar ’il quddiem “UPC”) u l-Gemeente Hilversum (il-komun ta’ Hilversum, iktar ’il quddiem “Hilversum”), rigward kuntratt dwar il-bejgħ minn dan il-komun tal-impriża li huwa kellu ta’ teledistribuzzjoni bil-cable.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-qafas leġiżlattiv ġdid (QLĠ) applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

3        Il-qafas leġiżlattiv ġdid applikabbli għas-serizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (iktar ’il quddiem, il-“QLĠ”) huwa magħmul mid-Direttiva Qafas u mill-erba’ direttivi speċifiċi li jakkumpanjawha, li huma, id-Direttiva 97/66, id-Direttiva tal-Aċċess, id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u d-Direttiva Servizz Universali (iktar ’il quddiem, dawn l-erba’ direttivi flimkien, id-“direttivi speċifiċi”).

4        Id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, id-Direttiva tal-Aċċess u d-Direttiva Servizz Universali kif ukoll id-Direttiva Qafas ġew emendati bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, din il-kawża tibqa’ rregolata minn dawn l-erba’ direttivi fil-verżjoni inizjali tagħhom.

–       Id-Direttiva Qafas

5        Il-premessa 5 tad-Direttiva Qafas tipprovdi:

“Il-konverġenza tat-telekomunikazzjonijiet, il-media u s-settturi tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni tfisser li n-networks kollha ta’ trasmissjoni u servizzi għandhom ikunu koperti b’kwadru regolatorju wieħed. Dak il-kwadru regolatorju jikkonsisti f’din id-Direttiva u erba’ Direttivi speċifiċi: Id-Direttiva [ta’ Awtorizzazzjoni], id-Direttiva [tal-Aċċess], id-Direttiva [Servizz Universali], id-Direttiva [97/66] [...]. Huwa meħtieġ li ssir separazzjoni bejn ir-regolament tat-trasmissjoni u r-regolament tal-kontenut. Dan il-kwadru għalhekk ma jkoprix il-kontenut tas-servizzi mwassla fuq in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jużaw servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjonijiet, bħal kontenut tax-xandir, is-servizzi finanzjarji u ċerti servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, u hija għalhekk bla preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità u dak nazzjonali dwar dawk is-servizzi, b’konformità mal-liġi tal-Komunità, sabiex jippromwovu diversità kulturali u lingwistika u biex jiżguraw id-difiża tal-pluraliżmu fil-midja. Il-kontenut tal-programmi tat-televiżjoni huwa kopert bid-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet preskritti bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224) kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321)]. Is-separazzjoni bejn ir-regolament tat-trasmissjoni u r-regolament tal-kontenut ma tippreġudikax li jingħata kont tar-rabtiet li jeżistu bejniethom, b’mod partikolari biex jiġi garantit il-pluraliżmu tal-midja, id-diversità kulturali u l-protezzjoni tal-konsumatur.”

6        L-Artikolu 2(a) u (ċ) ta’ din id-direttiva jipprovdi li ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-direttiva:

a)      ‘network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser sistemi ta’ trasmissjoni u, fejn japplika, apparat għall-kommutazzjoni jew ta’ routing u riżorsi oħra li jippermettu t-twassil ta’ sinjali bil-wajer, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra, inklużi networks tas-satellita, networks fiss (ċikwit-u packet-switched, inkluż l-Internet) u mobbli terrestri, sistemi ta’ kejbil ta’ l-elettriku, sal-limitu li jintużaw għall-għan ta’ trasmissjoni tas-sinjali, networks wżati għax-xandir nir-radju u tat-televiżjoni, u networks tat-televixin bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta’ informazzjoni mwassla;

[...]

ċ)      ‘sevizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir, iżda esklużi servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzu ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi; ma jinkludix servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, kif definiti f’Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8)], li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta’ sinjali b’networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.”

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji [iktar ’il quddiem, l-“ANR”] f’din id-Direttiva u fid‑Direttiva Speċifiċi jitwettaq minn korp kompetenti.

2.      L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-[ANR] billi jassiguraw li jkunu legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, apparat jew servizzi. [...]

[...]

6.      L‑Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill‑Kummissjoni [Ewropea] bl-[ANR] kollha assenjati xogħlijiet taħt din id‑Direttiva u d‑Direttivi Speċifiċi, u r‑responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.”

8        L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

[…]

2.      L[-ANR] għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

a)      jiżguraw li l-utenti, nklużi utenti b’disablità, jieħu l-benefiċċju massimu f’termini ta’ għażla, prezz, u kwalità;

b)      jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

[…]

3.      L-[ANR] għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi fost ħwejjeġ oħra:

a)      ineħħu l-ostakoli li baqa’ għall-provista ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’livell Ewropew;

[…]

d)      jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b'mod trasparenti biex jassiġuraw l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi.

[…]”

9        L-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva Qafas iżidu li l-kompiti tal-ANR jirrigwardaw ukoll l-amministrazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, in-numerazzjoni, l-ismijiet u l-indirizzar, id-dritt ta’ aċċess, il-ko-lokazzjoni u qsim tal-faċilitajiet, is-separazzjoni fl-accounting u r-rapporti finanzjarji.

–       Id-Direttiva tal-Aċċess

10      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jipprovdi:

“L-[ANR] tista’ […] timponi obbligi li jirrelataw ma l-irkupru ta’ l-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq jindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-operatur konċernat jista’ jsofri prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressa l-prezzijiet, għad-detriment ta’ l-utenti finali. L-[ANR] għandhom jieħdu kont ta’ l-investiment magħmul mill-operatur u jippermettulu rata raġonevoli ta’ qliegħ fuq il-kapital adegwat investit, waqt li jittieħed kont tar-riskji nvoluti.”

–       Id-Direttiva 2009/140

11      Il-premessa 5 tad-Direttiva 2009/140 tipprovdi:

“L-għan huwa li progressivament jitnaqqsu r-regoli speċifiċi ex-ante tas-settur hekk kif tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq u, finalment, li l-komunikazzjoni elettronika tkun regolata biss mill-liġi dwar il-kompetizzjoni. Meta wieħed iqis li s-swieq għal komunikazzjoni elettronika wrew dinamiċi kompetittivi qawwija fis-snin riċenti, huwa essenzjali li obbligi regolatorji ex-ante għandhom jiġu imposti biss fejn m’hemm l-ebda kompetizzjoni effettiva u sostenibbli.”

 Id-direttivi l-oħra li huma rilevanti

12      Skont il-premessa 7 tad-Direttiva tal-Kummissjoni, 2002/77/KE, tas-16 ta’ Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kompetizzjoni”):

“Din id-Direttiva tagħmel riferenza għas-‘servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi’ u "n-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi" minflok it-termini użati qabel ‘servizzi tat-telekomunikazzjonijiet’ u ‘networks tat-telekomunikazzjonijiet’. Dawn id-definizzjonijiet il-ġodda huma indispensabbli sabiex jikkunsidraw il-fenomenu tal-konverġenza billi jġibu flimkien taħt definizzjoni waħda s-servizzi u/jew in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma kkonċernati bit-tqassim ta’ sinjali bil-wire, radju, meżżi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra (jiġifieri, iffissati, mingħajr wire, cable television, networks tas-satelliti). Għalhekk, it-trasmissjoni u x-xandir tal-programmi tar-radju u tat-televiżjoni għandhom ikunu rikonoxxuti bħala servizz ta’ komunikazzjoni elettronika u n-networks użati għat-tali trasmissjoni u x-xandir għandhom l-istess ikunu rikonoxxuti bħala networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Barra minn hekk, għandu jkun iċċarat li d-definizzjoni l-ġdida tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ukoll ikopru n-networks tal-fibre li jippermetti li terzi persuni, billi jużaw it-tagħmir ta’ switching jew routing, biex jibagħtu s-sinjali.”

13      L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

[...]

3)      ‘servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi’ għandha tfisser ervizz normalment ipprovdut għar-remunerazzjoni li jikkonsisti kollu jew l-aktar fit-twassil ta’ sinjali fuq networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet u s-servizzi tat-trasmissjoni fin-networks użati għax-xandir iżda jeskludu s-servizzi li jipprovdu jew jeserċitaw kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi; ma tinkludix is-servizzi ta’ l-informazzjoni tas-soċjeta’ kif definita fl-Artikolu 1 tad-Direttiva [98/34] li ma tikkonsistix kollha jew l-aktar fit-twassil tas-sinjali tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.”

14      L-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, p. 1) jipprovdi:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘servizz tal-media awdjoviżiva’ tfisser:

i)      servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi sabiex jagħti informazzjoni, intratteniment jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettroniċi fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva Qafas]. Tali servizz tal-media awdjoviżiva huwa jew xandira bit-televiżjoni kif definit fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu jew servizz tal-media awdjoviżiva on-demand kif definit fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu”.

 Id-dritt Olandiż

15      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ttraspona l-QLĠ fid-dritt nazzjonali permezz ta’ modifika tal-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet (Telecommunicatiewet, Stb. 2004, Nru 189), li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Mejju 2004 (Stb. 2004, Nru 207).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Bħall-komuni Olandiżi l-oħra, Hilversum kien fada l-installazzjoni, il-manteniment u l-operat ta’ netwerk ta’ televiżjoni bil-cable fit-territorju tiegħu lil kumpannija ta’ teledistribuzzjoni li kienet tagħmel parti minnu. Din l-operazzjoni kienet meqjusa bħala servizz ta’ utilità pubblika għaliex il-komuni għandhom il-kompitu, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-impriża, li jipprovdu lil dawk li huma taħt l-awtorità tagħhom il-massimu ta’ programmi bit-televiżjoni, fl-aħjar kundizzjonijiet ta’ riċezzjoni u b’tariffa li tkun l-iktar vantaġġuża possibbli.

17      Minħabba l-evoluzzjoni li seħħet fuq il-livell tal-Unjoni, bosta komuni ddeċidew li jbigħu l-impriżi tagħhom ta’ teledistribuzzjoni bil-cable. Skont il-kuntratti ta’ bejgħ konklużi għal dan l-għan, il-komuni żammew kompetenzi fil-qasam tal-kompożizzjoni u tal-iffissar tal-prezzijiet tal-pakkett bażiku ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni aċċessibbli bil-cable (iktar ’il quddiem, il-“pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable”) offruti lid-djar konnessi man-netwerk.

18      B’dan il-mod, permezz ta’ kuntratt tal-1 ta’ Lulju 1996 dwar l-operat fil-ġejjieni tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni bil-cable lil Hilversum (iktar ’il quddiem, il-“kuntratt”), dan il-komun biegħ lill-predeċessur fil-liġi ta’ UPC il-kumpannija ta’ teledistribuzzjoni bil-cable, inkluż in-netwerk bil-cable li dan il-komun kien ordna l-installazzjoni tiegħu.

19      Hilversum intrabat, b’dan il-kuntratt, impenja ruħu li jikkontribwixxi għall-kisba mix-xerrej tal-awtorizzazzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita, miżmuma u operata stallazzjoni ta’ xandir bil-cable fit-territorju ta’ dan il-komun.

20      UPC impenjat ruħha, min-naħa tagħha, li tagħmel l-investimenti li jippermettu l-provvista ta’ netwerk bil-cable li jkun kapaċi joffri servizz imtejjeb lill-abbonat medju tal-imsemmi komun, u li joffri, minbarra l-programmi tar-radju u tat-televiżjoni, pakkett attraenti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet lill-individwi u lill-professjonisti.

21      Minbarra dan, il-kuntratt kien jinkludi klawżola li kienet tipprovdi li UPC kellha tiggarantixxi pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable li jissodisfa l-kriterji ta’ kompożizzjoni u ta’ prezzijiet stabbiliti fil-kuntratt (iktar ’il quddiem, il-“klawżola tariffarja”). Dan il-kuntratt kien jindika, f’dan ir-rigward, li t-tariffa ta’ kull xahar għall-pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable kienet suġġetta għal aġġustament annwali skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum, skont formula stabbilita fl-anness tal-kuntratt. Ġie ppreċiżat ukoll li ż-żidiet tal-ispejjeż esterni kellhom jgħaddu proporzjonalment fuq dik it-tariffa meta l-aġġustament previst minn din il-klawżola ma jkunx suffiċjenti sabiex ikopri dawn iż-żidiet.

22      Barra minn hekk, dan il-kuntratt kien jeskludi x-xoljiment jew it-tmiem totali jew parzjali tiegħu mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub tal-partijiet kollha u kien jipprovdi li seta’ jiġi mmodifikat biss bl-awtorizzazzjoni bil-miktub tal-partijiet kollha, bil-premessa li dawn tal-aħħar kienu f’kull każ ser jiftiehmu mill-ġdid fuq il-kontenut tiegħu wara għaxar snin.

23      B’ittra tat-28 ta’ Novembru 2003, UPC informat lil Hilversum biż-żieda tat-tariffa tal-pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable għad-djar kollha ta’ Hilversum, li kellha togħla minn EUR 10.28 għal EUR 13.32 [taxxa fuq il-valur miżjud, iktar ’il quddiem il-“VAT”) inkluża] fix-xahar, li tibda tgħodd mill-1 ta’ Jannar 2004, bl-għarfien li UPC kienet titlob, għall-pakkett bażiku tagħha aċċessibbli bil-cable, EUR 16 fil-komuni l-oħra.

24      Hilversum fetaħ kawża biex UPC tiġi pprojbita tipproċedi biż-żieda fit-tariffa prevista. B’sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2003, ir-Rechtbank te Amsterdam laqgħet din it-talba, u din is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell b’sentenza tal-Gerechtshof te Amsterdam (il-qorti tal-appell ta’ Amsterdam) tat-12 ta’ Awwissu 2004. L-appell fil-kassazzjoni ta’ UPC kontra din is-sentenza ġie miċħud b’sentenza tal-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti suprema) tat-8 ta’ Lulju 2005.

25      Barra minn hekk, tul is-sena 2003, wara lmenti dwar iż-żidiet fit-tariffa mħabbra minn UPC, in-Nederlandse Mededingingsautoriteit (l-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem, in-“NMa”) fetħet investigazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk, billi talbet ħlas skont tariffi ta’ abbonament eċċessivi, UPC kinitx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, skont l-Artikolu 24 tal-liġi dwar il-kompetizzjoni [Wet houdende nieuwe regels omtrent de economische mededinging (Mededingingswet)], tat-22 ta’ Mejju 1997.

26      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2005, in-NMa kkonkludiet li t-tariffi pprattikati minn UPC ma kinux eċċessivi u li din l-impriża ma kinitx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens tal-Artikolu 24 tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

27      Fit-28 ta’ Settembru 2005, l-Onafhankelijke Post en Telecommunicatie Autoriteit (l-awtorità indipendenti tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem l-“OPTA”) adottat abbozz ta’ deċiżjoni fuq is-suq tat-trażmissjoni u tal-provvista ta’ sinjali awdjoviżivi fiż-żona territorjali ta’ UPC, fejn din l-awtorità qieset li UPC kellha, fiż-żona territorjali tagħha, saħħa kunsiderevoli fis-suq tal-provvista ta’ pakketti bażiċi aċċessibbli bil-cable u imponitilha obbligi relatati mal-kalkolu tat-tariffi tagħha.

28      Fit-3 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni, mgħarrfa b’dan l-abbozz ta’ deċiżjoni mill-OPTA skont il-proċedura prevista fid-Direttiva Qafas, esprimiet dubji fuq il-kompatibbiltà ta’ dan l-abbozz mad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/311/KE, tal-11 ta’ Frar 2003, dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li għandhom mnejn jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni ex ante skont id-Direttiva 2002/21 (ĠU L 114, p. 45). Fid-deċiżjoni definittiva tagħha tas-17 ta’ Marzu 2006, l-OPTA finalment irrinunzjat għall-kontroll tal-prezzijiet previst.

29      Fil-15 ta’ Mejju 2006, UPC fetħet kawża quddiem ir-Rechtbank te Amsterdam kontra Hilversum, li fil-kuntest tagħha talbet sabiex il-klawżola tariffarja tiġi ddikjarata nulla u sabiex Hilversum jiġi ordnat jawtorizza ż-żidiet fit-tariffa. F’dan ir-rigward UPC invokat l-inkompatibbiltà ta’ din il-klawżola mad-dritt tal-Unjoni.

30      Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, UPC appellat quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn talbet lil din il-qorti, minn naħa, tannulla l-klawżola tariffarja, jew, sussidjarjament, tiddikjaraha mhux applikabbli, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tiddikjara li Hilversum huwa responsabbli għad-dannu li UPC qieset li sostniet minħabba l-fatt li ma setgħetx tapplika għall-abbonati tagħha stabbiliti fit-territorju ta’ Hilversum it-tariffa komuni li hija kienet tapplika fuq il-livell nazzjonali.

31      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Gerechtshof te Amsterdam tindika, fl-ewwel lok, li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux, qabel kollox, dwar jekk is-servizz propost minn UPC, jiġifieri l-provvista ta’ pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-QLĠ.

32      Fit-tieni lok, hija tistaqsi, jekk is-servizz iprovvdut minn UPC jirriżulta li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-QLĠ, x’inhuma l-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’dak li jirrigwarda l-klawżola tariffarja. F’dan il-kuntest, skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk Hilversum żammx is-setgħa li jipproteġi l-interess pubbliku billi jintervjeni fl-iffissar tat-tariffi, u dan iqajjem il-kwistjoni wkoll dwar jekk il-QLĠ għandux l-għan li jwettaq armonizzazzjoni sħiħa u jekk intervent komplementari tas-setgħat pubbliċi jibqax possibbli. Jekk din is-setgħa ta’ intervent tirriżulta li hija eskluża, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtorità pubblika għandhiex id-dmir ta’ kooperazzjoni leali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

33      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-effetti ta’ eventwali invalidità tal-klawżola tariffarja humiex iddefiniti permezz tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, bis-sanzjoni ta’ nullità msemmija fl-Artikolu 101(2) TFUE.

34      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Servizz li jikkonsisti f’li jiġu pprovduti pakketti [bażiċi] ta’ xandir televiżiv liberament aċċessibbli bil-cable, servizz li għall-provvista tiegħu jintalab ħlas kemm tal-ispejjeż ta’ trażmissjoni kif ukoll ammont li jirrappreżenta (il-ġbir ta’) r-remunerazzjoni tal-korpi ta’ xandir televiżiv u tal-korpi kollettivi ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tal-QLĠ (Qafas Leġiżlattiv Ġdid)?

2)      

a)      Fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, u tal-għanijiet tal-QLĠ, li jinkludi sistema stretta ta’ koordinazzjoni u ta’ konsultazzjoni qabel ma [ANR] tkun (esklużivament) kompetenti tintervjeni fit-tariffi applikati għall-konsumatur finali permezz ta’ miżura bħal dik ta’ kontroll tal-prezzijiet, il-komun jibqa’ kompetenti sabiex jiddefendi l-interessi pubbliċi tal-abitanti tiegħu billi jintervjeni fit-tariffi applikati għall-konsumatur finali permezz ta’ klawżola li tillimita t-tariffi?

b)      Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-QLĠ jipprekludi lill-komun milli japplika klawżola li tillimita t-tariffi mifthiema fil-kuntest tal-bejgħ ta’ l-impriża tagħha ta’ teledistribuzzjoni bil-cable?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda [(a) u (b)]:

3)      Awtorità pubblika, bħall-komun, li tinsab f’sitwazzjoni bħas-sitwazzjoni inkwistjoni hija (ukoll) marbuta b’obbligu ta’ kooperazzjoni leali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni meta fil-mument tal-konklużjoni, imbagħad tal-applikazzjoni tal-klawżola li tillimita t-tariffi, hija ma taġixxix fl-eżerċizzju ta’ missjoni pubblika, iżda taġixxi fil-kuntest ta’ kompetenza ta’ dritt privat (ara wkoll id-domanda 6a.)?

4)      Jekk japplika l-QLĠ u jekk il-komun ikun marbut b’obbligu ta’ kooperazzjoni leali:

a)      L-obbligu ta’ kooperazzjoni leali flimkien (mal-għanijiet tal-)QLĠ, li jinkludi sistema strettta ta’ koordinazzjoni u ta’ konsultazzjoni qabel ma awtorità leġiżlattiva nazzjonali tkun tista’ tintervjeni fit-tariffi applikati lill-konsumatur finali permezz ta’ miżura bħal kontroll tal-prezzijiet jipprekludi lill-komun milli japplika l-klawżola li tillimita t-tariffi?

b)      Fil-każ ta’ risposta negattiva, ir-risposta għad-domanda 4a tkun differenti fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-“letter of serious doubt” li fiha l-Kummissjoni esprimiet dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kontroll tal-prezzijiet propost mill-OPTA mal-għanijiet tal-QLĠ hekk kif deskritti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva-Qafas u li konsegwentement l-OPTA ma adottatx din il-miżura?

5)

a)      L-Artikolu 101 TFUE hija dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku li għandu bħala effett li l-qorti għandha tapplika din id-dispożizzjoni ex officio fis-sens tal-Artikoli 24 u 25 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Olandiż?

b)      Jekk dan huwa l-każ, liema fatti li dehru matul il-proċedura jobbligaw lill-qorti teżamina ex officio l-possibbiltà li tapplika l-Artikolu 101 TFUE? Il-qorti għandha wkoll l-obbligu li tagħmel dan jekk l-eżami tagħha jwassalha (eventwalment) sabiex tissostanzja l-fatti fis-sens tal-Artikolu 149 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Olandiż wara li tkun tat lill-partijiet l-opportunità li jesprimu ruħhom fuq dawn il-fatti?

6)      Jekk l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi applikat ex officio u fid-dawl (tal-għanijiet tal-)QLĠ, għall-applikazzjoni tiegħu mill-OPTA u mill-Kummissjoni Ewropea, minħabba l-fatt li kunċetti bħal dawk tas-saħħa fis-suq u d-definizzjoni tas-swieq rilevanti, kunċetti użati fil-QLĠ, huma kkalkolati fuq kunċetti analogi tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni, xi domandi jirriżultaw fl-okkażżjoni tal-fatti li dehru matul il-proċedura:

a)      Meta hija biegħet in-netwerk tagħha ta’ teledistribuzzjoni bil-cable u meta hija qablet mal-klawżola li tillimita t-tariffi, il-komun kellu jiġi kkunsidrat bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (ara wkoll id-domanda 3)?

b)      Il-klawżola li tillimita t-tariffi għandha tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni kkaratterizzata msemmija fl-Arikolu 101(1)(a) TFUE u kif deskritta iżjed fid-dettal fin-Notifika [Komunikazzjoni] tal-Kummissjoni dwar ftehim ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) [KE] (“de minimis”; ĠU KE 2001, C‑368/07, p. 1, punt 11) ? Jekk dan huwa l-każ, għal din is-sempliċi raġuni, din tikkonċerna restrizzjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE? Jekk dan ma huwiex il-każ, iċ-ċirkustanzi msemmija fid-domanda 6d [...] għandhom impatt fuq ir-risposta?

c)      Fl-ipoteżi fejn il-klawżola li tillimita t-tariffi ma tkunx restrizzjoni kkaratterizzata, hija għandha b’hekk portata restrittiva tal-kompetizzjoni minħabba (effettivament) il-fatt:

–        li l-[NMa] ddeċidiet li UPC ma abbużatx mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi applikat tariffi (ogħla) għall-provvista ta’ servizzi identiċi bħall-provvista tal-pakkett bażiku [aċċessibbli] bil-cable fuq l-istess suq;

–        li, fil-‘letter of serious doubt’ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar il-kompatibbiltà ta’ intervenzjonijiet (ex ante permezz ta’ kontroll tal-prezzijiet) fit-tariffi applikati lill-konsumatur finali għal servizzi bħall-provvista [ta’] pakkett bażiku [aċċessibbli bil-cable] minn UPC mal-għanijiet hekk kif deskritti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva-Qafas? Il-fatt li l-OPTA rrinunzjat għal kull kontroll tal-prezzijiet wara li rċeviet il-‘letter of serious doubt’ għandu effett fuq ir-risposta?

d)      Il-kuntratt, flimkien mal-klawżola li tillimita t-tariffi, għandu bħala effett li jkun ta’ restrizzjoni sinjifikattiva fuq il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, fid-dawl (b’mod partikolari):

–        minħabba l-fatt li UPC hija kkunsidrata bħala impriża b’saħħitha fis-suq fis-sens tal-QLĠ [Komunikazzjoni] (de minimis, punt 7);

–        minħabba l-fatt li prattikament il-komuni kollha Olandiżi li, matul is-snin 90, bigħu l-impriżi tagħhom ta’ teledistribuzzjoni permezz tal-cable lil operaturi bil-cable bħal UPC, fil-kuntratti tagħhom huma rriżervaw kompetenzi fil-qasam tat-tarifikazzjoni tal-pakkett bażiku [aċċessibbli bil-cable] ([Komunikazzjoni]de minimis, punt 8)?

e)      Il-kuntratt, flimkien mal-klawżola li tillimita t-tariffi li huwa jinkludi, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jaffettwa (jew li jista’ jaffettwa) il-kummerċ internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, liema effett huwa iktar preċiżament deskritt fil-linji gwida dwar il-kunċett tal-effett tal-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 81), fid-dawl tal-fatt li:

–        UPC hija kkunsidrata bħala impriża b’saħħtiha fis-suq skont il-QLĠ;

–        l-OPTA segwiet proċedura ta’ konsultazzjoni Ewropea sabiex tadotta miżura ta’ kontroll tal-prezzijiet fil-kuntest ta’ servizzi bħall-provvista tal-pakkett bażiku [aċċessibbli] permezz tal-cable minn operaturi bil-cable b’saħħithom fis-suq bħal UPC, liema proċedura, skont il-QLĠ, għandha tinbeda meta miżura proposta jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri;

–        f’dak iż-żmien, il-kuntratt kien jirrappreżenta valur ta’ NLG 51 000 000 (jiġifieri iktar minn EUR 23 000 000);

–        minħabba l-fatt li prattikament il-komuni kollha Olandiżi li, matul is-snin 90, bigħu l-impriżi tagħhom ta’ teledistribuzzjoni permezz tal-cable lil operaturi bil-cable bħal UPC, fil-kuntratti tagħhom huma rriżervaw kompetenzi fil-qasam tat-tarifikazzjoni tal-pakkett bażiku [aċċessibbli permezz tal-cable]?

7)      L-Artikolu 101(3) TFUE għadu jagħti lill-qorti l-kompetenza li tiddikjara projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 101(1) TFUE mhux applikabbli għall-klawżola li tillimita t-tariffi fid-dawl tal-QLĠ u d-dubji serji li l-Kummissjoni kienet esprimiet fil-“letter of serious doubt” tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ intervenzjonijiet (ex ante) f’tariffi applikabbli għall-konsumatur finali mal-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni? Il-fatt li wara li rċeviet il-“letter of serious doubt” l-OPTA rrinunzjat għall-kontroll tal-prezzijiet li hija kienet ipproponiet għandu influwenza fuq ir-risposta?

8)      Is-sanzjoni ta’ nullità prevista mill-Artikolu 101(2) TFUE tippermetti ċertu marġni ta’ applikazzjoni fl-effetti kronoloġiċi tagħha minħabba ċirkostanzi fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt (jiġifieri fil-bidu tal-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet) u fl-iżvilupp ulterjuri tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari d-dħul fis-seħħ tal-QLĠ u l-ilmenti serji espressi f’din l-okkażżjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll tal-prezzijiet?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

35      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ pakkett bażiku li huwa aċċessibbli bil-cable u l-kont għalih jinkludi l-ispejjeż ta’ trażmissjoni kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-korpi tax-xandir televiżiv u d-drittijiet imħallsin lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet jaqax taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae kemm ta’ din id-direttiva kif ukoll tad-direttivi speċifiċi li jikkostitwixxu l-QLĠ applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(a) u (ċ) tad-Direttiva Qafas, il-frażi “servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser servizz normalment ipprovdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew prinċipalment fit-twassil ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trażmissjoni f’servizzi użati għax-xandir, iżda esklużi s-servizzi li jikkonsistu fil-provvista tal-kontenut bl-użu ta’ netwerks, inklużi n-netwerks bil-cable tat-televiżjoni, u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew li jikkonsistu fl-eżerċizzju ta’ kontroll editorjali fuq dan il-kontenut. Dan l-artikolu tad-Direttiva Qafas jispeċifika, minbarra dan, li l-kunċett ta’ “servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” ma jinkludix servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE, li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali b’netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

37      Din id-definizzjoni tas-servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ġiet riprodotta f’termini ekwivalenti fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni.

38      Kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva Qafas, il-konverġenza tas-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, tal-media u tat-teknoloġija tal-informazzjoni tfisser li n-netwerks kollha ta’ trażmissjoni u s-servizzi relatati magħhom għandhom ikunu suġġetti għall-istess qafas regolatorju u li, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-imsemmi qafas, huwa meħtieġ li ssir separazzjoni bejn ir-regolament tat-trażmissjoni u r-regolament tal-kontenut. Skont din il-premessa, il-QLĠ ma japplikax għall-kontenut tas-servizzi pprovduti fuq in-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jużaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħalma huma l-kontenut tax-xandir, is-servizzi finanzjarji u ċerti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u għaldaqstant ma jippreġudikax il-miżuri adottati fuq il-livell tal-Unjoni jew dak nazzjonali fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, b’konformità mad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi promossa d-diversità kulturali u lingwistika u biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-pluraliżmu fil-media.

39      Bl-istess mod, il-premessa 7 tad-Direttiva dwar il-kompetizzjoni, li tipprovdi li l-kunċetti ta’ servizzi u ta’ netwerks ta’ “komunikazzjonijiet elettroniċi” ġew ippreferuti minflok dawk ta’ servizzi u ta’ netwerks ta’ “telekomunikazzjonijiet” sabiex, preċiżament, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fenomenu ta’ konverġenza, tindika li dawn id-definizzjonijiet jiġbru flimkien taħt definizzjoni waħda s-servizzi u/jew in-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma kkonċernati fit-trasport ta’ sinjali bil-wire, radju, mezzi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra, u b’hekk jinkludu n-netwerks fissi, dawk mingħajr wire, tat-televiżjoni bil-cable jew tas-satelliti. Din l-istess premessa tispeċifika li t-trażmissjoni u x-xandir ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni għandhom ikunu rrikonoxxuti bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

40      Minbarra dan, l-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva jiddefinixxi s-servizz ta’ media awdjoviżiva bħala servizz kif iddefinit fl-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-għan prinċipali tiegħu huwa l-provvista ta’ programmi sabiex jagħti informazzjoni, intratteniment jew edukazzjoni lill-pubbliku ġenerali permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens tal-punt tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva Qafas.

41      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-direttivi rilevanti, b’mod partikolari d-Direttiva Qafas, id-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva, jistabbilixxu distinzjoni ċara bejn il-produzzjoni tal-kontenuti, li timplika responsabbiltà editorjali, u t-trażmissjoni tal-kontenuti, mingħajr l-ebda responsabbiltà editorjali, peress li l-kontenuti u t-trażmissjoni tagħhom huma suġġetti għal leġiżlazzjonijiet separati, isegwu għanijiet differenti, mingħajr ma jsir riferiment la għall-klijenti tas-servizzi pprovduti u lanqas għall-istruttura tal-ispejjeż ta’ trażmissjoni li jintalab il-ħlas tagħhom mingħand dawn tal-aħħar.

42      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet miktuba u orali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li UPC teżerċita attività li tikkonsisti essenzjalment fit-trażmissjoni ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni bil-cable lill-klijenti tagħha, detenturi ta’ abbonament. UPC ikkonfermat fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma tipproduċix hija nfisha l-imsemmija programmi u li ma teżerċita l-ebda responsabbiltà editorjali fuq il-kontenut tagħhom.

43      Minkejja li l-klijenti ta’ UPC jinkitbu f’abbonament sabiex ikollhom aċċess għall-pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable li din il-kumpannija tipproponi, dan ma jfissirx, madankollu, li l-attività ta’ din tal-aħħar, li tikkonsisti fix-xandir tal-programmi prodotti mill-edituri ta’ kontenut, f’dan il-każ il-kanali ta’ radju u ta’ televiżjoni, billi tittrażmetti dawn il-programmi sal-punt tal-konnessjoni man-netwerk bil-cable tagħha li jinsab fid-dar tal-abbonati tagħha, għandha tkun eskluża mill-kunċett ta’ “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas u, għaldaqstant, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-QLĠ.

44      Bil-kontra, minn dak li ġie osservat fil-punti 36 sa 41 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-provvista ta’ pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable taqa’ taħt il-kunċett ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tal-QLĠ, sakemm dan is-servizz jinkludi t-trażmissjoni ta’ sinjali fuq in-netwerk ta’ teledistribuzzjoni bil-cable.

45      Kull interpretazzjoni oħra tnaqqas kunsiderevolment il-portata tal-QLĠ, tippreġudika l-effettività tad-dispożizzjonijiet tiegħu u tikkomprometti, għaldaqstant, it-twettiq tal-għanijiet ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, peress li l-għan innifsu tal-QLĠ huwa, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2009/140, li jiġi stabbilit suq intern ġenwin tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li fil-kuntest tiegħu dawn tal-aħħar għandhom, biż-żmien, jiġu rregolati biss mid-dritt tal-kompetizzjoni, l-esklużjoni tal-attivitajiet ta’ impriża bħal UPC mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, bl-iskuża li hija ma tittrażmettix biss sinjali, effettivament iċċaħħad il-QLĠ minn kull portata.

46      Għall-istess raġunijiet, il-fatt li l-ispejjeż ta’ trażmissjoni ffatturati lill-abbonati jinkludu r-remunerazzjoni dovuta lill-kanali tax-xandir televiżiv u d-drittijiet imħallsin lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet ma jistax jipprekludi l-klassifikazzjoni tas-servizz ipprovdut minn UPC bħala “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-QLĠ.

47      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ pakkett bażiku li huwa aċċessibbli bil-cable u l-kont għalih jinkludi l-ispejjeż ta’ trażmissjoni kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-korpi tax-xandir televiżiv u d-drittijiet imħallsin lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae kemm ta’ din id-direttiva kif ukoll tad-direttivi speċifiċi li jikkostitwixxu l-QLĠ applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, sakemm dan is-servizz jinkludi prinċipalment it-trażmissjoni ta’ kontenut televiżiv fuq in-netwerk ta’ teledistribuzzjoni bil-cable sat-terminal ta’ riċezzjoni tal-konsumatur finali.

 Fuq id-domanda 2(a)

48      Bid-domanda 2(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-direttivi li jifformaw il-QLĠ għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, mid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħhom, huma ma jippermettux li entità bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tintervjeni fit-tariffi applikati għall-konsumatur finali għall-provvista ta’ pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable.

49      Qabel kollox għandu jiġi osservat li l-approċċ tal-QLĠ huwa differenti minn dak tal-qafas leġiżlattiv fis-seħħ preċedentement. Fil-fatt, fil-qafas leġiżlattiv preċedenti, ir-regoli applikabbli fuq suq speċifiku kienu ddefiniti permezz tal-qafas leġiżlattiv innifsu, filwaqt li fil-QLĠ, huma l-ANR li għandhom il-kompetenza li jiddefinixxu s-suq rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli u tal-istrumenti ta’ intervent leġiżlattiv previsti mill-QLĠ. Għal dan l-għan, l-ANR għandhom il-kompitu li jwettqu analiżi tas-suq u, b’mod partikolari, meta huma jikkonstataw li impriżi għandhom saħħa sinjifikattiva f’dan is-suq, huma jistgħu jimponu fuqhom ċerti obbligi, inklużi obbligi tariffarji.

50      Il-kompiti ta’ leġiżlazzjoni tal-ANR huma ddefiniti fl-Artikoli 8 sa 13 tad-Direttiva Qafas. B’mod partikolari, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-ANR jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha intiżi għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, filwaqt li jaraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta jew ostakolata fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi u filwaqt li jeliminaw l-aħħar ostakoli għall-provvista tal-imsemmija servizzi fuq il-livell tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punt 81, kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑227/07, Ġabra p. I‑8403, punti 62 u 63).

51      Fost dawn il-miżuri, li għandhom, f’ċerti każijiet, jiġu nnotifikati minn qabel lill-Kummissjoni, jinstabu miżuri marbuta mal-irkupru tal-ispejjeż u mal-kontroll tal-prezzijiet, inklużi l-obbligi dwar l-orjentazzjoni tal-prezzijiet skont l-ispejjeż, u dan, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Aċċess.

52      Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri għandhom, fost l-oħrajn, jaraw li l-kompiti assenjati lill-ANR jitwettqu minn organi kompetenti u indipendenti. Minbarra dan, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet tal-ANR kif ukoll ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

53      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta mingħajr ambigwità li Hilversum ma huwiex ANR. Biżżejjed jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma nnotifika lill-Kummissjoni bl-ebda deċiżjoni jew intenzjoni li jaħtar lil dan il-komun bħala ANR, u dan l-Istat Membru, bil-kontra, ħatar lill-OPTA. Is-sitwazzjoni ta’ Hilversum bl-ebda mod ma tixbah lil dik ta’ leġiżlatur nazzjonali, bħal dik imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, Ġabra p. I‑9073).

54      Għaldaqstant Hilversum ma huwiex, bħala regola ġenerali, kompetenti sabiex jintervjeni direttament fit-tariffi li jiġu applikati għall-konsumatur finali għas-servizzi li jaqgħu taħt il-QLĠ. Fost dawn is-servizzi huwa inkluż, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda magħmula, is-servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable. F’kull każ, Hilversum jista’ jitlob lill-ANR, f’dan il-każ l-OPTA, jadottaw miżuri xierqa.

55      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda 2(a) għandha tkun li d-direttivi li jifformaw il-QLĠ għandhom jiġu interpretati fis-sens li, mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħhom, huma ma jippermettux li entità bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma għandhiex il-kwalità ta’ ANR, tintervjeni direttament fit-tariffi applikati għall-konsumatur finali għall-provvista ta’ pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable.

 Fuq id-domanda 2(b) u fuq id-domanda 4(a)

56      Bid-domandi tagħha 2(b) u 4(a), li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-direttivi li jifformaw il-QLĠ għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma ma jippermettux, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fid-dawl tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, li entità li ma għandhiex il-kwalità ta’ ANR tinvoka, fil-konfront ta’ fornitur ta’ pakketti bażiċi aċċessibbli bil-cable, klawżola li ħarġet minn kuntratt konkluż qabel l-adozzjoni tal-QLĠ u li tillimita l-libertà tariffarja ta’ dan il-fornitur.

57      Il-klawżola tariffarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet stipulata fil-kuntratt tal-1 ta’ Lulju 1996 li permezz tiegħu Hilversum biegħ lill-predeċessur fil-liġi ta’ UPC il-kumpannija ta’ teledistribuzzjoni bil-cable li huwa kien jikkontrolla sa dak il-mument. La l-qorti tar-rinviju u lanqas xi waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestaw il-validità ta’ din il-klawżola fil-mument li ġiet konkluża jew il-fatt li din ġiet innegozjata u konkluża liberament bejn Hilversum u l-predeċessur fil-liġi ta’ UPC, u dan għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u fid-dawl tad-dritt nazzjonali. Bla ħsara għal din il-verifika, id-domanda 2(b) u d-domanda 4(a) għandhom jinftiehmu fis-sens li jirrigwardaw kuntratt konkluż validament.

58      Jekk, kif osserva Hilversum, ma hemm xejn fid-direttivi li jifformaw l-QLĠ li jippermetti l-konklużjoni li dawn għandhom bħala effett li jirrendu awtomatikament skaduta klawżola tariffarja konkluża validament qabel l-adozzjoni ta’ dawn id-direttivi, din il-konstatazzjoni ma hijiex risposta suffiċjenti għad-domandi magħmula. Fil-fatt, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi mhux biss fuq it-talba ta’ UPC intiża għall-annullament tal-imsemmija klawżola tariffarja, iżda wkoll fuq it-talba sussidjarja ta’ UPC intiża sabiex jiġi kkonstatat li, minħabba l-QLĠ, Hilversum ma jistax ikompli jinvoka din il-klawżola.

59      Għandu jitfakkar li, fl-oqsma li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Skont dan il-prinċipju, huma għandhom jadottaw il-miżuri ġenerali jew speċifiċi kollha xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandhom jastjenu minn kwalunkwe miżura li għandha mnejn tippreġudika t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 85/85, Ġabra p. 1149, punt 22; tal-4 ta’ Marzu 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑344/01, Ġabra p. I‑2081, punt 79, u tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, Ġabra p. I‑3015, punt 56).

60      Sabiex jipproteġi l-interessi tal-konsumaturi li jirrisjedu fit-territorju tiegħu, huwa għaldaqstant Hilversum li għandu jikkoopera fl-effettività tas-sistema stabbilita permezz tal-QLĠ u li għandu jevita kull miżura li tmur kontrih.

61      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-kuntratt kien jistipula li l-partijiet kienu ser jiftiehmu mill-ġdid fuq il-kontenut tiegħu wara għaxar snin. Waqt is-seduta, Hilversum kkonferma li, sabiex iżomm għall-abitanti tiegħu t-tariffi li kienu jeżistu skont il-klawżola tariffarja inkluża f’dan il-kuntratt, huwa kien, fi tmiem l-imsemmi perijodu ta’ għaxar snin, oppona ruħha għal adattament ta’ din il-klawżola.

62      Din il-klawżola kienet tiffissa t-tariffa għal kull xahar għall-pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable għal NLG 13.65 minbarra l-VAT u ma kinitx tippermetti lil UPC taġġusta din it-tariffa biss skont l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum u għaż-żieda fl-“ispejjeż esterni”. Billi insista fuq l-applikazzjoni kontinwa u mhux mibdula ta’ din il-limitazzjoni tal-libertà tariffarja ta’ UPC, meta l-kuntratt kien jitlob ftehim sabiex din il-klawżola tiġi evalwata fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew bejn l-1996 u s-sena 2006, Hilversum ikkontribwixxa għal ksur, fit-territorju tiegħu, tar-regoli tal-QLĠ, li ma jimponux tali limitazzjoni fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi iżda li jenfasizzaw, bil-kontra, il-libertà tariffarja, permezz ta’ restrizzjonijiet speċifiċi li jistgħu, abbażi ta’ analiżi tas-suq u fil-kuntest ta’ proċeduri ddefiniti b’mod ċar, jiġu stabbiliti mill-ANR.

63      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi 2(b) u 4(a) għandha tkun li d-direttivi li jifformaw il-QLĠ għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li entità li ma għandhiex il-kwalità ta’ ANR tinvoka, fil-konfront ta’ fornitur ta’ pakketti bażiċi aċċessibbli bil-cable, klawżola li ħarġet minn kuntratt konkluż qabel l-adozzjoni tal-QLĠ applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li tillimita l-libertà tariffarja ta’ dan il-fornitur.

 Fuq id-domandi 3, 4(b) u 5 sa 8

64      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel domanda, għad-domanda 2(a) u (b) u għad-domanda 4(a), ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għad-domandi 3, 4(b) u 5 sa 8.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ pakkett bażiku ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni li huwa aċċessibbli bil-cable u l-kont għalih jinkludi l-ispejjeż ta’ trażmissjoni kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-korpi tax-xandir televiżiv u d-drittijiet imħallsin lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae kemm ta’ din id-direttiva kif ukoll tad-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar tad-dejta ta’ natura personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta[...]l-Aċċess), tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) u tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) li jikkostitwixxu l-qafas leġiżlattiv ġdid applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, sakemm dan is-servizz jinkludi prinċipalment it-trażmissjoni ta’ kontenut televiżiv fuq in-netwerk ta’ teledistribuzzjoni bil-cable sat-terminal ta’ riċezzjoni tal-konsumatur finali.

2)      Dawn id-direttivi għandhom jiġu interpretati fis-sens li, mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħhom, huma ma jippermettux li entità bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma għandhiex il-kwalità ta’ awtorità nazzjonali regolatorja, tintervjeni direttament fit-tariffi applikati għall-konsumatur finali għall-provvista ta’ pakkett bażiku ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni aċċessibbli bil-cable.

3)      L-istess direttivi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li entità li ma għandhiex il-kwalità ta’ awtorità nazzjonali regolatorja tinvoka, fil-konfront ta’ fornitur ta’ pakketti bażiċi ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni aċċessibbli bil-cable, klawżola li ħarġet minn kuntratt konkluż qabel l-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv ġdid u li tillimita l-libertà tariffarja ta’ dan il-fornitur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.