Language of document : ECLI:EU:F:2007:173

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Ottubru 2007

Kawża F‑17/07

Michel Pouzol

vs

Il-Qorti ta’ l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz mal-Komunitajiet – Inammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, imressaq abbażi ta’ l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li bih M. Pouzol jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti ta’ l-Awdituri, tat-23 ta’ Novembru 2006, li tiċħad il-kontestazzjoni tiegħu, tas-16 ta’ April 2006, intiża sabiex jerġa jiġi kkalkulat il-ħlas annwali tal-pensjoni Komunitarja li jirriżulta mit-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni li kien kiseb fi Franza, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Mejju 2006, li tikkonstata li l-metodi ta’ kalkolu ta’ dawn id-drittijiet għall-pensjoni trasferiti kienu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Persunal, kif emendati mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU L 124, p. 1).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Kontestazzjoni amministrattiva minn qabel – Kontestazzjoni diretta kontra att adottat minn istituzzjoni differenti minn dik li jaħdem fiha l-uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(2))

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet tal-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz mal-Komunitajiet – Trasferiment lejn is-sistema Komunitarja

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Anness VIII, Artikolu 11(2))

1.      Fil-każ partikolari, li jista’ jseħħ fil-qasam ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-pensjoni, fejn istituzzjoni differenti minn dik li jaħdem fiha l-uffiċjal ikollha tipproċessa inkartament li jirrigwarda lill-uffiċjal, l-uffiċjal interessat, jekk iqis li din l-istituzzjoni l-oħra tkun adottat att li jikkawżalu preġudizzju, għandu jirreferi l-kontestazzjoni tiegħu lill-Awtorità tal-Ħatra ta’ din l-Istituzzjoni.

(ara l-punt 45)

2.      Il-komunikazzjoni, min-naħa ta’ l-amministrazzjoni, lill-uffiċjal li jkun applika għat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz mal-Komunitajiet, ta’ nota li tindikalu l-ħlas annwali li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fis-sistema Komunitarja abbażi tad-drittijiet ittrasferiti, tikkostitwixxi att ta’ natura unilaterali, li ma tinvolvi l-ebda miżura oħra min-naħa ta’ l-istituzzjoni kompetenti u li tolqot lill-persuna interessata.

Għalkemm huwa veru li l-metodi ta’ dħul fis-seħħ ta’ dawn il-proposti ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-pensjoni huma atipiċi, dan ma jolqotx il-kundizzjonijiet li fihom uffiċjal li jqis ruħu mhux sodisfatt mill-ħlas propost jista’ joġġezzjona għal dawn id-deċiżjonijiet, billi jagħmel kontestazzjoni u wara, jekk ikun il-każ, rikors, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Barra minn hekk, il-fatt li l-amministrazzjoni tirtira tali proposta ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni sabiex tissostitwixxiha bi proposta oħra bl-ebda mod ma twassal għall-konklużjoni li l-proposta rtirata ma kinitx att li jikkawża preġudizzju, kontestabbli mid-destinatarju tiegħu, u li kontra tiegħu huwa kellu juża l-mezzi stabbiliti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 52 sa 54)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Mc Bryan vs Il‑Kummissjoni, T‑96/92, ĠabraSP p. I‑A‑305 u II‑1449, punti 18-20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Novembru 2006, Chatziioannidou vs Il‑Kummissjoni, F‑100/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑129 u II‑A‑1‑487, punti 15 u 16, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, T‑20/07 P