Language of document : ECLI:EU:F:2012:8

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(L-Ewwel Awla)

tat-8 ta’ Frar 2012

Kawża F‑11/11

Vincent Bouillez et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2010 — Rifjut ta’ promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti ta’ uffiċjali fil-grupp ta’ funzjonijiet AST skont il-mixja tal-karriera tagħhom — Obbligu ta’ istituzzjoni li ma tapplikax dispożizzjoni ta’ implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ivvizzjata b’illegalità”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill irrifjuta li jippromwovihom għal grad ogħla fil-proċedura ta’ promozzjoni 2010.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25 u 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Modalitajiet — Uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST — Eżami distint skont il-mixja tal-karriera

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45; Anness XIII, Artikolu 10)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni — Livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

4.      Uffiċjali — Regolamenti tal-Persunal — Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni — Kompetenza tal-istituzzjonijiet — Limiti — Deroga illegali minn dispożizzjonijiet superjuri — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110)

1.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fir-rigward ta’ kandidati mhux promossi, hija madankollu obbligata tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-ilment ta’ kandidat mhux promoss.

F’dan il-kuntest, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni hija evalwata fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku li fih jiġi adottat l-att ikkontestat. Peress li l-promozzjonijiet isiru b’għażla, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa suffiċjenti li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tkun relatata mal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet legali u statutorji tal-promozzjoni li saret għas-sitwazzjoni individwali tal-uffiċjal.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura li tolqot għadd kbir ta’ uffiċjali jew membri oħra tal-persunal, ma jistax ikun rikjest mill-Awtorità tal-Ħatra li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħha meta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tmur lil hinn mill-oġġezzjonijiet imqajma fl-imsemmi ilment, b’mod partikolari, billi tispjega għal-liema raġunijiet kull wieħed mill-uffiċjali promoss kellu merti ogħla mil-lanjant.

(ara l-punti 21 sa 23)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: 2 ta’ Ġunju 2005, Strohm vs Il-Kummissjoni, T-177/03, punt 54

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2011, Merhzaoui vs Il-Kunsill, F-18/09, punt 60; 10 ta’ Novembru 2011, Juvyns vs Il-Kunsill, F-20/09, punt 70

2.      Fir-rigward tal-uffiċjali fil-grupp ta’ funzjonijiet AST, l-Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, għad-determinazzjoni tan-numru ta’ pożizzjonijiet vakanti għal kull grad, rati ta’ multiplikazzjoni ta’ riferiment li jvarjaw skont il-mixja tal-karriera. Peress li l-amministrazzjoni għandha tikkonforma ma’ dawn ir-rati, huwa ġustament li l-Awtorità tal-Ħatra tagħmel eżamijiet komparattivi distinti tal-merti tal-uffiċjali AST skont il-mixjiet tal-karrieri.

F’dan ir-rigward, it-tqabbil tal-merti, għall-finijiet tal-proċedura ta’ promozzjoni, tal-uffiċjali AST skont il-mixjiet tal-karriera ma tiksirx l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jidderoga, bħala lex specialis, mid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 31, 32 u 34)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Juvyns vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 42 u 43

3.      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati mill-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni jikkostitwixxi wieħed mit-tliet fatturi rilevanti li l-amministrazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, prinċipalment, fl-analiżi komparattiva tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni.

(ara l-punt 38)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il-Kunsill, F-53/08, punt 52

4.      Għalkemm l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw, permezz ta’ deċiżjonijiet, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ proċedura stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari meta l-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni hija espressament prevista fir-Regolamenti tal-Persunal, dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux legalment jimponu regoli li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ġerarkikament superjuri, bħall-prinċipji ġenerali tad-dritt jew id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, fil-każ li deċiżjoni ta’ natura ġenerali meħuda minn istituzzjoni tidderoga b’mod illegali minn dispożizzjonijiet superjuri, hija din l-istituzzjoni li ma għandhiex tapplika din id-deċiżjoni ta’ natura ġenerali. Dan jgħodd b’mod partikolari meta l-istituzzjoni jkollha tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni individwali ta’ uffiċjal u jkollha quddiemha dispożizzjoni ġenerali ta’ implementazzjoni li tikser regola superjuri: l-istituzzjoni għandha tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni individwali ta’ uffiċjali billi ma tapplikax id-dispożizzjoni ġenerali ta’ implementazzjoni illegali.

Għalhekk, fil-każ ta’ dispożizzjoni ġenerali ta’ implementazzjoni li tissuġġetta l-avvanz tal-karriera ta’ uffiċjal AST, li jkun ibbenefika minn ċertifikat skont l-Artikolu 10(3) tal-Annex XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet ta’ assistent li l-istituzzjoni tirriżerva, bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, lil ċerta kategorija ta’ uffiċjali AST, u minkejja li, barra minn hekk, tali kundizzjoni ma hijiex rikjesta mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istituzzjoni ma twettaq ebda żball ta’ liġi jekk tikkonforma mad-dispożizzjonijiet superjuri tar-Regolamenti tal-Persunal billi ma tapplikax din id-dispożizzjoni ġenerali ta’ implementazzjoni illegali.

(ara l-punti 45, 46, 50 u 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ April 2011, El Dridi, C-61/11 PPU, punt 61

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T-308/04, punt 38