Language of document : ECLI:EU:F:2010:154

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

1 ta’ Diċembru 2010

Kawża F-82/09

Michel Nolin

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Tneħħija tal-punti ta’ mertu u ta’ prijorità”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Nolin jitlob, prinċipalment, l-annullazzjoni tad-deċiżjoni tad-Direttur tad-Direttorat Ġenerali “Persunal u amministrazzjoni” tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Diċembru 2008, li tneħħi s-87.5 punti ta’ mertu u ta’ prijorità akkumulati mir-rikorrenti sabiex jikseb promozzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura — Punti ta’ mertu u ta’ prijorità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29 u 45)

2.      Uffiċjali — Prinċipji — Prinċipju ta’ legalità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura — Punti ta’ mertu u ta’ prijorità

4.      Uffiċjali — Atti tal-amministrazzjoni — Deċiżjoni impliċita — Kunċett

5.      Uffiċjali — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet

6.      Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura — Punti ta’ mertu u ta’ prijorità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29 u 45)

7.      Dritt tal-unjoni — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Dritt għal proċedura kontradittorja

(Artikolu 6(2) TUE)

1.      Mill-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-promozzjoni tal-uffiċjali, kif interpretati fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jirriżulta li n-numru ta’ punti ta’ mertu u ta’ prijorità li jikkorrispondi għal-livell ta’ promozzjoni għandu jitnaqqas mill-ammont totali ta’ punti akkumulati minn uffiċjal li bbenefika minn promozzjoni, kemm jekk abbażi tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll jekk abbażi tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, għalkemm l-imsemmija artikoli jipprevedu żewġ proċeduri ta’ promozzjoni separati, l-Artikolu 29, b’kuntrast mal-Artikolu 45, jipprovdi l-possibbiltà li wieħed jiġi promoss b’mod inċidentali biss bħala waħda mill-possibbiltajiet li jippermettu li timtela pożizzjoni vakanti, mingħajr madankollu ma jiddefinixxi l-effetti ta’ tali promozzjoni. Issa, peress li l-Artikolu 29 ma jgħid xejn dwar dan, ma jistax jiġi kkunsidrat li promozzjoni miksuba abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma tipproduċix l-istess effetti legali bħal promozzjoni miksuba abbażi tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal; bil-kontra ta’ dan, minn dan għandu jiġi dedott li għalkemm il-leġiżlatur ipprovda proċeduri ta’ promozzjoni separati, madankollu, huwa ma kellux l-intenzjoni li jagħti lill-promozzjonijiet miksuba abbażi tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal effetti legali differenti minn dawk tal-promozzjonijiet miksuba abbażi tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 46 u 48)

2.      F’kull deċiżjoni tal-amministrazzjoni, għandu jiġi stabbilit b’mod ċar u preċiż fuq liema bażi legali ġiet adottata l-imsemmija deċiżjoni, bil-konsapevolezza li l-bażi legali msemmija għandha validament isservi bħala bażi għall-kompetenza tal-amministrazzjoni fil-qasam ikkonċernat.

(ara l-punt 51)

3.      Id-deċiżjoni li jitneħħew il-punti ta’ mertu u ta’ prijorità ta’ uffiċjal tikkostitwixxi l-konsegwenza tad-deċiżjoni li huwa jiġi promoss. Konsegwentement, l-awtorità kompetenti fil-qasam ta’ promozzjoni għandha kompetenza residwa sabiex tadotta tali deċiżjoni, li sempliċement tislet il-konsegwenzi tal-promozzjoni tal-uffiċjal.

(ara l-punt 57)

4.      Deċiżjoni impliċita tippreżupponi li l-amministrazzjoni rċeviet talba li għaliha hija naqset milli tirrispondi, jew li mill-fatti tal-kawża jista’ jiġi dedott li l-amministrazzjoni adottat deċiżjoni, deċiżjoni li hija naqset li tifformalizza. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi żamma tal-istatus quo legali tal-persuna kkonċernata ma tistax isservi bħala indikazzjoni tal-eżistenza ta’ deċiżjoni.

(ara l-punti 68 u 70)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Mejju 2010, Maxwell vs Il‑Kummissjoni, F‑55/09, punt 66

5.      Sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom ikunu sodisfatti tliet rekwiżiti. L-ewwel nett, il-persuna kkonċernata għandha tkun ingħatat, minn-naħa tal-amministrazzjoni, garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti li jkunu ġejjin minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li joħolqu aspettattivi leġittimi fi ħdan il-persuna kkonċernata minnhom. Fl-aħħar nett, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u mar-regoli applikabbli inġenerali jew, minn tal-inqas, l-eventwali irregolarità tagħhom għandha tkun tista’ taħrab l-attenzjoni ta’ uffiċjal raġonevoli u diliġenti u dan, fid-dawl tal-elementi li huwa jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu u tal-kapaċità tiegħu li jwettaq il-verifiki neċessarji.

F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ garanziji bil-miktub jew verbali, is-sempliċi żmien li għadda bejn it-tneħħija tal-punti ta’ mertu u ta’ prijorità ta’ uffiċjal u l-promozzjoni tiegħu ma jikkostitwixxix garanzija speċifika pprovduta mill-amministrazzjoni lill-persuna kkonċernata meta r-regoli applikabbli għall-promozzjoni, li l-legalità tagħhom ma hijiex ikkontestata mill-imsemmi uffiċjal, jimponu fuq l-amministrazzjoni l-obbligu li tnaqqas in-numru ta’ punti ta’ mertu u ta’ prijorità li jikkorrispondi għal-livell ta’ promozzjoni mill-ammont totali ta’ punti akkumulati mill-uffiċjal.

(ara l-punti 74 u 75)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il‑Kummissjoni, T‑203/97, ĠabraSP p. I‑A‑129 u II‑705, punt 70; 11 ta’ Lulju 2002, Wasmeier vs Il‑Kummissjoni, T‑381/00, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑677, punt 106; 5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il‑Kummissjoni, T‑205/01, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑1065, punti 54 u 55; 15 ta’ Novembru 2005, Righini vs Il‑Kummissjoni, T‑145/04, ĠabraSP p. I‑A‑349 u II‑1547, punt 130

6.      Is-sempliċi fatt li uffiċjal jiġi promoss, indipendentement jekk hux abbażi tal-Artikolu 29 jew tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa biżżejjed biex jiġġustifika li n-numru ta’ punti ta’ mertu u ta’ prijorità li jikkorrispondi għal-livell ta’ promozzjoni jitnaqqas mill-ammont totali ta’ punti akkumulati mill-imsemmi uffiċjal. Barra minn hekk, l-uffiċjali promossi kollha kemm huma jinsabu fl-istess sitwazzjoni f’dak li jirrigwarda dan it-tnaqqis ta’ ċertu numru ta’ punti akkumulati, u dan indipendentement mill-bażi legali li abbażi tagħha huma ngħataw il-promozzjoni. Konsegwentement, ma hemm ebda diskriminazzjoni meta uffiċjal promoss abbażi tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi ttrattat b’mod identiku bħal uffiċjal promoss abbażi tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 88)

7.      Abbażi tad-dritt għal proċedura kuntradittorja, kull parti f’kawża għandha l-possibbiltà li tippreżenta l-argumenti ta’ liġi u ta’ fatt li hija tqis xierqa sabiex issostni t-talbiet tagħha, inklużi eventwali eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. Issa, sabiex jiġi sostnut li l-eżerċizzju ta’ dritt huwa abbużiv, huwa neċessarju li jintwera li l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt huwa intiż għal għan differenti mill-għan imfittex minn dan id-dritt, b’mod partikolari, meta mill-eżerċizzju tal-imsemmi dritt tirriżulta intenzjoni li tiġi kkawżata ħsara.

(ara l-punt 96)