Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (il-Litwanja) fil-15 ta’ Frar 2019 – AB “Linas Agro” vs Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

(Kawża C-117/19)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AB “Linas Agro”

Konvenut: Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

Domandi preliminari

Id-dikjarazzjonijiet li jissemmew fil-preambolu tar-Regolament Nru 945/2005 1 , b’mod partikolari fil-premessi 20 sa 23, skont liema “peress li l-prodott ikkonċernat kellu aktar minn 28 % f’termini ta’ piż ta’ N, hu kellu awtomatikament aktar minn 80 % f’termini ta’ piż ta’ AN, għandhom jiġu interpretati bħala li jistabbilixxu preżunzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li, jekk il-prodott ikkonċernat, (fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju) ikun fih 28 % ta’ nitroġenu (N) jew iktar, allura l-kontenut ta’ nitrat tal-ammonju tiegħu (AN) huwa dejjem iktar minn 80 % ?

Din il-preżunzjoni tapplika għal tip ta’ prodotti ġodda li huma ddeterminati fir-Regolament Nru 945/2005, jiġifieri l-fertilizzanti NPK li fihom il-kontenut ta’ nitroġenu (N) jilħaq jew jeċċedi t-28 % tal-piż, il-proporzjon bejn in-nitroġenu nitriku u n-nitroġenu ammonjakali jkun ta’ 1:1 u l-kontenut globali ta’ fosfru (P) u ta’ potassju (K) ma jeċċedix it-12 % tal-piż, bħal fil-fertilizzanti NPK 30-4-4 li huma inkwistjoni f’din il-kawża ?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti, din il-preżunzjoni stabbilita fir-Regolament Nru 945/2005 tkun legalment vinkolanti, fis-sens li jkun possibbli li abbażi tagħha l-fertilizzanti NPK imsemmija [fit-tieni domanda] jkunu kklassifikati skont il-Kodiċijiet TARIC u għall-finijiet tal-miżuri fis-seħħ relatti magħhom (id-dritt antidumping), filwaqt li l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament Nru 945/2005 [kif ukoll l-Artikolu 1(1) u (2)(c) tar-Regolament Nru 999/2014 2 , fis-seħħ fil-mument tal-importazzjonjiet ikkontestati] jorbot l-applikazzjoni tad-dritt antidumping mhux mal-kontenut tal-prodott li fih l-element kimiku (N), iżda mal-kontenut tiegħu tal-kompost kimiku nitrat tal-ammonja (AN) u mal-kontenut tiegħu ta’ fosfru u ta’ potassju?

Sabiex il-fertilizzant NPK imsemmi [fit-tieni domanda] jiġi kklassifikat skont il-Kodiċijiet TARIC u għall-finijiet tal-miżuri fis-seħħ relatati magħhom (id-dritt antidumping), inkunsiderazzjoni tal-għan imsemmi fil-premessi 35 u 36 tar-Regolament Nru 945/2005, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-miżuri fis-seħħ għal tipi ġodda ta’ prodotti skont metodu proporzjonali u sabiex tiġi ssemplifikata l-proċedura doganali u l-applikazzjoni ta’ dazji xierqa li jikkorrispondu għall-kwantità ta’ prodott ikkonċernat inkluż fil-kompost, jista’ wieħed jikkalkula (jiddetermina) l-kontenut ta’ dawn il-fertilizzanti tan-nitrat tal-ammonju billi jibbaża ruħu fuq l-imsemmija preżunzjoni [fl-ewwel domanda] ? Fi kliem ieħor, ġaladarba, li l-kontenut ta’ nitroġenu (N) fil- fertilizzanti NPK imsemmija [fit-tieni domanda] jkun ġie ddeterminat (abbażi tad-dokumenti ppreżentati matul ir-rilaxx mid-dwana jew mill-analiżi tal-laboratorju), il-kontenut tagħhom ta’ nitrat ta’ ammonja huwa kkalkolat (iddeterminat) billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-proporzjon tal-kontenut ta’ nitrat ta’ ammonju (AN) u tal-kontenut tan-nitroġenu (N) iddefinit fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 945/2005, li tiddependi mill-massa atomika tal-elementi u li hija ta’ 2.86, mingħajr ma ssir ebda analiżi addizzjonali fil-laboratorju sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut eżatt ta’ nitrat tal-ammonju ?

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 945/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 658/2002 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina mir-Russja u r-Regolament (KE) Nru 132/2001 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina, inter alia, mill-Ukraina, wara r-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 195).

2     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 999/2014 tat-23 ta’ Settembru 2014 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2014, L 280, p. 19).