Language of document : ECLI:EU:F:2012:85

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

14 ta’ Ġunju 2012

Kawża F-38/12 R

BP

vs

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt — Assenjazzjoni mill-ġdid — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Urġenza — Assenza”

Suġġett: Talba mressqa skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA kif ukoll tal-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħha BP titlob, prinċipalment, is-sospensjoni tad-deċiżjonijiet, tas‑27 ta’ Frar 2012, li permezz tagħhom id-Direttur tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) iddeċieda, minn naħa, li ma jġeddidx il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt u, min-naħa l-oħra, li jassenja mill-ġdid lir-rikorrenti fi ħdan il-FRA sa ma jiskadi l-imsemmi kuntratt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji ta’ BP hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Kunċett

(Artikolu 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli –Oneru tal-prova — Dannu strettament pekunjarju

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Ġaladarba l-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u, fl-istess waqt fl-assenjazzjoni tal-persunal tagħhom, deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, anki jekk tikkawża inkonvenjenzi lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal ikkonċernati, ma tikkostitwixxix avveniment anormali u imprevedibbli fil-karriera tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss minħabba ċirkustanzi imperattivi u eċċezzjonali li jistgħu jikkawżaw dannu gravi u irreparabbli lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal ikkonċernat.

(ara l-punt 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Lulju 1996, Presle vs Cedefop, T‑93/96 R, punt 45

2.      Dannu ta’ natura finanzjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jitqies li huwa irreparabbli jew anki diffiċilment reparabbli, fil-mument li jista’, bħala regola ġenerali, ikun suġġett għal kumpens finanzjarju ulterjuri.

Anki fil-każ ta’ dannu ta’ natura purament pekunjarja, miżura provviżorja tkun iġġustifikata jekk jidher li, fl-assenza ta’ din il-miżura, il-parti li titlobha ssib ruħha f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-perikolu l-vijabbiltà finanzjarja tagħha, peress li ma jkollhiex somma li normalment għandha tippermettilha taffaċċja l-ispejjeż kollha indispensabbli sabiex tiżgura li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet elementari tagħha sal-mument li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors prinċipali.

Madankollu, sabiex ikun jista’ jevalwa jekk id-dannu allegat huwiex ta’ natura gravi u irreparabbli u għaldaqstant jekk huwiex iġġustifikat li tiġi sospiża, b’mod eċċezzjonali, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu, fil-każijiet kollha, ikollu indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, issostanzjati b’dokumenti ddettaljati li juru s-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti li titlob il-miżura provviżorja u li jippermettu li jiġu evalwati l-konsegwenzi li jirriżultaw, prima facie, mill-assenza tal-miżuri mitluba.

(ara l-punti 30 sa 32)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 27 ta’ April 2010, U vs Il‑Parlament, T‑103/10 P(R), punti 35 sa 37