Language of document : ECLI:EU:F:2011:97

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (Seduta Plenarja)

29 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Sejħa għal espressjoni ta’ interess — Proċedura ta’ preselezzjoni — Rekwiżiti dwar il-konoxxenzi lingwistiċi — Diskriminazzjoni — Avvenimenti li seħħew waqt l-iżvolġiment tal-eżamijiet”

Fil-Kawża F‑7/07,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Marie-Thérèse Angioi, residenti f’Valenciennes (Franza), irrappreżentata minn M.‑A. Lucas, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn F. Díez Moreno, abogado del Estado,

u

Ir-Repubblika Taljana, inizjalment irrappreżentata minn I. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato, sussegwentement minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u M. Velardo, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Seduta Plenarja),

kompost minn P. Mahoney, President, S. Gervasoni, President tal-Awla, H. Kreppel (Relatur), H. Tagaras u S. Van Raepenbusch, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2009,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal fid-29 ta’ Jannar 2007 permezz ta’ faks (bl-oriġinal ippreżentat fit-2 ta’ Frar ta’ wara), M.‑T. Angioi qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), fil-kuntest ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess intiża sabiex tiġi stabbilita database ta’ kandidati li jkunu jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt, iddeċieda li jeskludiha wara l-eżamijiet ta’ preselezzjoni minħabba li kisbet riżultati insuffiċjenti matul l-ewwel eżamijiet maħsuba sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ raġunament verbali u numeriku tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Id-dispożizzjonijiet legali

2        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE, fis-seħħ fid-data meta ttieħdet id-deċiżjoni msemmija fil-punt preċedenti, jipprovdi:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

3        L-Artikolu 290 KE jipprovdi:

“In-normi li jirregolaw il-lingwi ta’ l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni Ewropea] għandhom, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea], jiġu stabbiliti mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], b’mod unanimu.”

4        Skont l-Artikolu 22, intitolat “Id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika”, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”):

“L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.”

5        L-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża ineżami, jipprovdi:

“Artikolu 1

Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi wżati fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom ikunu iċ-Ċek, id-Daniż, l-Eston, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il‑Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

Artikolu 2

Id-dokumenti li Stat Membru jew li persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat [tali dokument]. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.

Artikolu 3

Id-dokumenti li xi istituzzjoni tal-Komunità tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandhom ikunu mfassla fil-lingwa ta’ dak l-Istat.

Artikolu 4

Ir-Regolamenti u dokumenti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu abbozzati fl-għoxrin lingwa uffiċjali.

Artikolu 5

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun ippubblikat fl-għoxrin lingwa uffiċjali.

Artikolu 6

L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

6        L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża ineżami (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“1.      Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.

[…]

Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti [objettivi] leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. It-tali oġġettivi [objettivi] jistgħu partikolarment jiġġustifikaw li tkun stipulata età mandatarja ta’ rtirar u età minima biex tieħu pensjoni ta’ rtirar.”

7        L-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża ineżami (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), jipprovdi:

“1.      Il-persunal bil-kuntratt għandu jintgħażel mill-aktar bażi ġeografika wiesa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u mingħajr distinzjoni dwar razza jew oriġini etnika, twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, żmien [età] jew disabbiltà, sess jew xejriet sesswali u mingħajr riferenza għall-istat martiali jew is-sitwazzjoni tal-familja tagħhom.

[…]

3.      Membru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jitqabbad jaħdem biss bil-kondizzjoni li huwa

[…]

(e)      jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-[Unjoni] u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-[Unjoni] sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.

[…]

5.      L-[EPSO], fuq it-talba tagħhom, għandu jipprovdi għajnuna lill-istituzzjonijiet differenti bl-iskop ta’ l-għażla tal-persunal bil-kuntratt, partikolarment billi jkun definit il-kontenut tat-testi u l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ l-għażla. L-[EPSO] għandu jiżgura t-trasparenza tal-proċeduri ta’ l-għażla għall-persunal bil-kuntratt.

[…]”

8        L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002, li tistabbilixxi l-EPSO (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46), jipprovdi li “[l-EPSO] jista’ jgħin lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew skond it-Trattati f’kompetizzjonijiet interni u fl-għażla ta’ aġenti oħrajn”.

2.     Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess

9        Fl-2005, l-EPSO ppubblika, “f’isem l-istituzzjonijiet Ewropej u b’mod partikolari f’isem il-Kummissjoni u l-Kunsill”, sejħa għal espressjoni ta’ interess intiża sabiex tiġi “stabbilita database ta’ kandidati li jkunu jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt sabiex iwettqu funzjonijiet differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej” (iktar ’il quddiem is-“SEI”). Is-SEI kienet ippubblikata fuq is-sit internet tal-EPSO bejn l-20 ta’ Ġunju u l-20 ta’ Lulju 2005.

10      Il-punt 2 tat-Titolu A tas-SEI, intitolat “Profil imfittex”, kien ifformulat kif ġej:

“[Is-SEI] hija intiża sabiex jiġi rreklutat persunal bil-kompetenzi ġenerali segwenti:

Għall-grupp ta’ funzjonijiet I: messaġġiera, xufiera, persunal li jwettaq servizzi ta’ għajnuna amministrattiva, persunal li jwettaq xogħlijiet manwali.

Għall-grupp ta’ funzjonijiet II: crèche (prinċipalment servizzi ta’ kura ta’ tfal żgħar), kapijiet ta’ uffiċċju/impjegati, segretarji, persunal tekniku.

Għall-grupp ta’ funzjonijiet III: ġestjoni finanzjarja, informatika/teknoloġija, funzjonijiet eżekuttivi.

Għall-grupp ta’ funzjonijiet IV: funzjonijiet amministrattivi, ta’ komunikazzjoni u ta’ konsulenza, riċerkaturi, inġiniera, lingwisti, arkitetti [...]”

11      Il-punt 3 tat-Titolu A tas-SEI, intitolat “Kriterji għall-ammissjoni u kundizzjonijiet ġenerali”, kien jipprovdi li, sabiex jippreżenta l-kandidatura tiegħu għal pożizzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, kull kandidat kellu jissodisfa l-kriterji għall-ammissjoni tal-grupp ta’ funzjonijiet korrispondenti u l-kundizzjonijiet ġenerali.

12      Fir-rigward tal-kriterji għall-ammissjoni, il-punt 3(a) tat-Titolu A tas-SEI, intitolat “Taħriġ minimu meħtieġ”, kien jirrikjedi, fir-rigward tal-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jaqgħu fil-grupp ta’ funzjonijiet II, taħriġ superjuri attestat b’diploma, jew taħriġ sekondarju attestat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni superjuri u esperjenza professjonali adegwata ta’ tliet snin (tali diploma setgħet tkun issostitwita b’ċertifikat ta’ taħriġ professjonali adegwat ta’ minn tal-inqas tliet snin jekk fiż-żmien meta ngħata dan iċ-ċertifikat ma kienx hemm taħriġ professjonali analogu li jagħti aċċess għall-edukazzjoni superjuri), jew inkella t-twettiq ta’ ċiklu ta’ tagħlim intermedjarju kif ukoll speċjalizzazzjoni addizzjonali rilevanti ta’ sentejn u esperjenza professjonali adegwata ta’ ħames snin.

13      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ġenerali, il-punt 3(b) tat-Titolu A, fil-verżjoni bil-Franċiż tas-SEI, kien jeħtieġ li l-kandidati, fost kundizzjonijiet oħra, ikollhom “une connaissance approfondie d’une des langues officielles de l’Union européenne ([espagnol, tchèque, danois, allemand, estonien, grec, anglais, français, italien, letton, lituanien, hongrois, maltais, néerlandais, polonais, portugais, slovaque, slovène, finnois ou suédois]) — langue principale (par défaut, la langue principale [pouvait] être considérée comme celle de la nationalité du candidat ou celle obligatoire pour la formation) et une connaissance satisfaisante [de l’allemand, de l’anglais ou du français] — deuxième langue (qui [devait] être différente de la langue principale)” [“konoxxenza approfondita ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ([l-Ispanjol, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, l-Estonjan, il-Grieg, l-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan, il-Litwan, il-Latvjan, l-Ungeriż, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, l-Islovakk, l-Isloven, il-Finlandiż jew l-Isvediż]) — lingwa prinċipali (jekk ma tiġix speċifikata, il-lingwa prinċipali [setgħet] titqies li hija dik taċ-ċittadinanza tal-kandidat jew dik obbligatorja għat-taħriġ) u konoxxenza sodisfaċenti [tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż] — it-tieni lingwa (li [kellha] tkun differenti mil-lingwa prinċipali)”].

14      L-espressjonijiet “langue principale” [“lingwa prinċipali”] u “deuxième langue” [“it-tieni lingwa”], li jinsabu fil-punt 3(b) tat-Titolu A tas-SEI, kienu indikati b’ittri grassi.

15      Skont it-Titolu C tas-SEI, intitolat “L-iżvolġiment tal-eżamijiet”, il-proċedura ta’ selezzjoni kellha tiżvolġi fi tliet stadji suċċessivi: “proċess ta’ validazzjoni”, “eżamijiet ta’ preselezzjoni” u “selezzjoni fid-dawl ta’ eventwali reklutaġġ”.

16      Fir-rigward tal-ewwel stadju — il-proċess ta’ validazzjoni —, kien previst li l-EPSO jistabbilixxi database vvalidata ta’ kandidati li jikkorrispondu għall-profili ta’ kompetenza u għall-kwalifiki ddefiniti mis-SEI, sabiex imbagħad din id-database tiġi ppreżentata lil Bord tal-Għażla, li min-naħa tiegħu kellu jistabbilixxi lista ta’ kandidati ammessi sabiex jagħmlu l-eżamijiet ta’ preselezzjoni.

17      Fir-rigward tat-tieni stadju — l-eżamijiet ta’ preselezzjoni —, fis-SEI kien indikat li l-kandidati inklużi fid-database imsemmija fil-punt preċedenti kellhom jiġu mistiedna għal tliet serji ta’ eżamijiet, f’dan il-każ:

–        eżamijiet ta’ kapaċità sabiex jiġu evalwati l-“kompetenzi ġenerali” tagħhom, u b’mod partikolari “il-kapaċitajiet ta’ raġunament verbali u mhux verbali tagħhom u l-konoxxenzi lingwistiċi tagħhom”;

–        fl-istess ħin, eżami sabiex jiġu evalwati “l-konoxxenzi tagħhom tal-integrazzjoni Ewropea u tal-istituzzjonijiet Ewropej”;

–        fi stadju sussegwenti, eżami speċifiku sabiex jiġu vverifikati “il-kompetenzi partikolari tagħhom”.

18      Kien speċifikat li l-eżamijiet ta’ preselezzjoni kellhom isiru “bit-tieni lingwa (Ġermaniż, Ingliż, Franċiż)”, li kellha tkun “differenti mil-lingwa prinċipali”.

19      Fir-rigward fl-aħħar nett tat-tielet stadju — is-selezzjoni fid-dawl ta’ eventwali reklutaġġ —, is-SEI kienet tipprevedi li l-ismijiet tal-kandidati li jkunu għaddew mill-eżamijiet kellhom jiġu inklużi f’database finali aċċessibbli għall-istituzzjonijiet Ewropej sabiex dawn ikunu jistgħu jagħżlu l-kandidati u jistiednu għal intervista dawk fosthom li kienu “jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom”.

20      Il-gwida għall-kandidati, li għaliha jirreferi t-Titolu B tas-SEI sabiex il-kandidati jkunu jistgħu “jippreżentaw b’mod korrett il-kandidatura” tagħhom, kienet tinforma lill-kandidati li, fir-rigward tal-għażla tal-lingwa prinċipali, huma kellhom jindikaw l-“ewwel lingwa” tagħhom billi jagħżluha mil-lista li tidher fuq l-iscreen.

21      Fl-aħħar nett, fil-parti “Mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss” tas-sit internet tal-EPSO, kien indikat, fir-rigward tas-SEI:

“Kif jiġu ddefiniti l-lingwa ‘prinċipali’ u t-‘tieni’ lingwa?

Bħala regola ġenerali, il-lingwa prinċipali hija l-lingwa taċ-ċittadinanza tiegħek, jekk din hija waħda mill-20 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ pajjiżi li għandhom żewġ lingwi uffiċjali jew iktar, il-lingwa prinċipali tkun dik li biha tkun irċevejt l-edukazzjoni obbligatorja tiegħek. It-tieni lingwa hija l-lingwa li fiha tagħmel l-eżamijiet jekk tgħaddi mill-preselezzjoni. Din għandha tkun differenti mil-lingwa prinċipali tiegħek. Għal din is-sejħa, it-tieni lingwa tiegħek għandha tkun il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż. Huwa meħtieġ li jkollok konoxxenza sodisfaċenti ta’ din it-tieni lingwa.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

22      Wara l-pubblikazzjoni tas-SEI, ir-rikorrenti, ċittadina Franċiża li l-ġenituri tagħha huma ċittadini Taljani, ippreżentat il-kandidatura tagħha għal pożizzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li taqa’ fil-grupp ta’ funzjonijiet II, bil-profil “ġestjoni ta’ uffiċċju (segretarjat)”.

23      Fil-kandidatura tagħha, li hija mliet b’mod elettroniku, ir-rikorrenti indikat li l-lingwa prinċipali tagħha kif ukoll it-tieni lingwa tagħha — jiġifieri dik li biha kellha tagħmel l-eżamijiet ta’ preselezzjoni — kienet il-Franċiż.

24      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-4 ta’ Ottubru 2005, l-EPSO informa lir-rikorrenti li l-Bord tal-Għażla kien aċċetta l-kandidatura tagħha u li sussegwentement kienet ser tiġi mistiedna tieħu sehem fl-eżamijiet ta’ preselezzjoni. F’dan il-messaġġ kien indikat li l-“lingwa prinċipali” tar-rikorrenti kienet il-Franċiż u l-“lingwa għall-eżamijiet” kienet l-Ingliż.

25      Fil-15 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrenti bagħtet ittra elettronika lill-EPSO sabiex tindikalu li hija kienet għażlet il-Franċiż bħala lingwa għall-eżamijiet ta’ preselezzjoni u mhux l-Ingliż.

26      Permezz ta’ ittra elettronika tat-28 ta’ Novembru 2005, l-EPSO wieġeb lir-rikorrenti li l-lingwa għall-eżamijiet ta’ preselezzjoni ma setgħetx tkun il-lingwa prinċipali u stedinha sabiex “taqra s-SEI mill-ġdid”. Wara din l-ittra, ir-rikorrenti aċċettat li tagħmel l-eżamijiet ta’ preselezzjoni bl-Ingliż.

27      Fil-21 ta’ Novembru 2005, l-EPSO ppubblika nota dwar l-istruttura u l-evalwazzjoni tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni (iktar ’il quddiem in-“nota tal-21 ta’ Novembru 2005”). F’din in-nota kien qiegħed jiġi speċifikat li:

–        l-ewwel eżamijiet intiżi sabiex jiġu vverifikati l-kapaċità ta’ raġunament verbali u ta’ raġunament numeriku kellhom jinkludu, rispettivament, 25 u 20 mistoqsija b’għażla multipla;

–        it-tieni eżami dwar il-konoxxenza tal-Unjoni Ewropea kellu jinkludi 30 mistoqsija b’għażla multipla;

–        it-tielet eżami huwa intiż sabiex jiġu vverifikati l-“konoxxenzi speċifiċi (fil-qasam ta’ interess indikat bħala l-ewwel għażla fil-kandidatura)”.

28      Barra minn hekk, fin-nota tal-21 ta’ Novembru 2005 kien indikat li “f’din il-fażi [kellhom] jiġu organizzati biss l-eżamijiet ta’ raġunament u ta’ konoxxenzi Ewropej” u li “il-kandidati [kellhom] jiġu mistiedna għall-eżamijiet dwar il-konoxxenzi speċifiċi fi stadju sussegwenti”, bl-eċċezzjoni tal-“kandidati għall-grupp ta’ funzjonijiet II, bil-profil ta’ segretarji, li [kellhom] jagħmlu l-eżamijiet kollha fl-istess waqt f’din il-fażi”.

29      Fl-aħħar nett, dejjem fin-nota tal-21 ta’ Novembru 2005, kien enfasizzat li r-“riżultati minimi sabiex kandidat jiġi inkluż fid-database” kellhom ikunu, għall-pożizzjonijiet li jaqgħu fil-grupp ta’ funzjonijiet II, ta’ 45 % fir-rigward tal-eżamijiet kollha filwaqt li għall-eżamijiet intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità ta’ raġunament verbali u numeriku kien meħtieġ minimu ta’ 35 %.

30      Fis-6 ta’ Jannar 2006, fi Brussell (il-Belġju), taħt is-superviżjoni tal-impjegati tal-kumpannija li l-EPSO kien inkariga bl-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni, ir-rikorrenti għamlet l-eżamijiet intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità ta’ raġunament verbali u numeriku tagħha, l-eżami dwar il-konoxxenza tagħha tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-eżami intiż sabiex jiġu vverifikati l-konoxxenzi speċifiċi tagħha. Skont ir-rikorrenti, l-iżvolġiment tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni kien imfixkel mill-fatt li l-kompjuter tagħha weħel minn tal-inqas erba’ darbiet. Hija talbet li tingħata attestazzjoni fejn jiġu indikati dawn l-inċidenti iżda qatt ma rċeviet risposta għal din it-talba.

31      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-27 ta’ Frar 2006, l-EPSO informa lir-rikorrenti li hija kienet għaddiet mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni u li isimha kellu jiġi inkluż fid-database aċċessibbli għall-istituzzjonijiet Ewropej sabiex dawn jagħżlu u jistiednu għal intervista dawk il-kandidati li jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom.

32      Fl-14 ta’ Marzu 2006, l-EPSO bagħat lir-rikorrenti messaġġ elettroniku bil-kontenut segwenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006”):

“Għażiż/a kandidat/a,

F’numru limitat ta’ każijiet u minħabba żball fl-introduzzjoni tal-ittra mibgħuta lill-kandidati, ċerti kandidati, inkluża inti, irċevew żewġ ittri differenti u kontradittorji dwar ir-riżultati miksuba.

Sabiex nikkjarifika d-dettalji li jikkonċernawk, nixtieq nikkonferma li l-marki tiegħek huma:

–        Verbali                                    :       32.00 %

–        Numeriku                              :       35.00 %

Total verbali u numeriku miksub             :      33.33 %

Minimu meħtieġ għall-grupp ta’ funzjonijiet II: 35.00 %

Għaldaqstant, huwa b’dispjaċir li ninformak li l-marki tiegħek [fl-eżamijiet intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità ta’ raġunament verbali u numeriku] ma humiex biżżejjed sabiex l-EPSO jkun jista’ jgħaddik għall-fażi segwenti tas-selezzjoni.

[…]

Nitolbok taċċetta l-apoloġiji tiegħi għal dan l-inkonvenjent.”

33      Permezz ta’ messaġġ tal-10 ta’ April 2006, intitolat “kontestazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet”, ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006. Hija enfasizzat li, matul l-iżvolġiment tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni tagħha, hija kellha tieqaf “diversi drabi” minħabba “problemi (‘bugs’) fl-informatika” u li “l-inklużjoni tagħha fid-database EPSO kellha tinżamm”.

34      Permezz ta’ ittra elettronika tad-19 ta’ April 2006, l-EPSO wieġeb lir-rikorrenti filwaqt li kkonfermalha li hija kienet kisbet biss 33.33 % tat-tweġibiet tajba fl-eżamijiet intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità ta’ raġunament verbali u numeriku, filwaqt li l-minimu meħtieġ kien ta’ 35 %. Fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-inċidenti tal-informatika li hija sostniet li ltaqgħet magħhom, l-EPSO indika li dawn l-ilmenti saru “tard wisq”, li “ma kienx għadu possibbli li jiġi vverifikat jekk verament kienx hemm problemi bil-[kompjuter li fuqu għamlet l-eżamijiet]” u li, fi kwalunkwe każ, “ir-riżultati li ġew irreġistrati [kienu] jidhru kompletament normali”.

35      Permezz ta’ ittra elettronika mibgħuta l-istess jum lill-EPSO, ir-rikorrenti, wara li fakkret li hija kienet indikat, fis-sala fejn kienet għamlet l-eżamijiet u sussegwentement minn meta rċeviet id-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006, l-eżistenza tal-inċidenti tal-informatika, sostniet li ma setax jiġi eskluż li dawn l-inċidenti kellhom impatt fuq iċ-ċaħda tal-kandidatura tagħha.

36      Bi tweġiba, l-EPSO, fl-20 ta’ April 2006, bagħat lir-rikorrenti l-ittra elettronika segwenti:

“[…]

Aħna ninsabu lesti sabiex nanalizzaw l-elementi li inti għaddejtilna, għalkemm għandna bżonn li tibgħatilna l-informazzjoni korretta. Jekk, meta seħħew il-fatti li qed issemmi, inti għamilt talba lill-persuni li kienu qegħdin jagħmlu s-superviżjoni, allura inti suppost irċevejt numru ta’ inċident. Għalhekk nitolbuk sabiex tikkomunikalna dan in-numru sabiex inkunu nistgħu nagħmlu r-riċerki tagħna. Peress li l-eżamijiet ikunu rrekordjati, fil-każ ta’ problema l-persuni li jagħmlu s-superviżjoni jirrapportawha fuq ir-reġistru u b’hekk inkunu nistgħu nsibu indikazzjoni ta’ dawn il-fatti.”

37      Fl-istess jum, ir-rikorrenti bagħtet lill-EPSO ittra elettronika fejn indikat li hija “b’ebda mod ma [ngħatat] numru ta’ inċidenti” minkejja li hija kienet għamlet talba f’dan is-sens, u ppreċiżat li hija la ngħatat l-isem tal-persuna li kienet qiegħda tagħmel is-superviżjoni u lanqas dak tal-persuna li interveniet sabiex issolvi l-inċidenti tal-informatika.

38      Fuq is-sit internet tal-EPSO, ir-rikorrenti kellha aċċess għal tabella li kienet tippreżenta, għal kull waħda mill-mistoqsijiet li hija kellha twieġeb waqt l-eżamijiet, it-tweġiba t-tajba, dik li hija kienet għażlet u l-ħin li ħadet sabiex twieġeb. F’din it-tabella, li fuqha ma kienx jidher it-test tal-mistoqsijiet magħmula lir-rikorrenti, kien hemm indikat li r-rikorrenti ngħatat punt ex officio minħabba li waħda mill-mistoqsijiet ma kinitx tinftiehem.

39      Permezz ta’ nota tal-14 ta’ Ġunju 2006, li waslet fl-istess jum għand il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej permezz ta’ faks, ir-rikorrenti ressqet, fuq il-bażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment fil-konfront, b’mod partikolari, tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006. F’din in-nota r-rikorrenti talbet li l-amministrazzjoni tgħaddilha t-test tal-mistoqsijiet li sarulha matul l-eżamijiet intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità ta’ raġunament verbali u numeriku tagħha.

40      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2006, l-Awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratti (iktar ’il quddiem l-“AATK”) ċaħdet l-ilment.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

41      Ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors fid-29 ta’ Jannar 2007.

42      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal jogħġbu:

“—      […] jannulla d-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006 [...];

–        [...] jannulla d-deċiżjoni [tal-]EPSO u/jew tal-Bord tal-Għażla li ma tiġix inkluża fid-database tal-kandidati li jkunu għaddew mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni;

–        [...] jannulla l-passi sussegwenti ta’ [...] selezzjoni;

–        [...] jikkundanna lill-[Kummissjoni] għall-ispejjeż.”

43      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal jogħġbu:

“—      jiċħad ir-rikors;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.”

44      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal fit-30 ta’ April 2007, ir-Renju ta’ Spanja talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

45      Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal fit-3 ta’ Mejju 2007 (l-oriġinal ġie ppreżentat fl-4 ta’ Mejju ta’ wara), ir-Repubblika Taljana talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

46      Permezz ta’ digrieti tad-19 ta’ Ġunju 2007 tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal, ġie aċċettat l-intervent tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Taljana insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

47      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2009, il-kawża, li inizjalment kienet assenjata lit-Tieni Awla tat-Tribunal, ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tiegħu.

48      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2009, il-kawża ntbagħtet quddiem is-Seduta Plenarja.

49      Permezz ta’ diversi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal stieden lill-partijiet sabiex iwieġbu għal mistoqsijiet u sabiex jipproduċu dokumenti. Il-partijiet irrispettaw dawn il-miżuri.

50      It-Tribunal stieden ukoll lill-partijiet sabiex jippreżentaw kull osservazzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-EPSO kellux il-kompetenza meħtieġa sabiex jadotta d-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006.

51      Fl-aħħar nett, fuq stedina mit-Tribunal, il-partijiet, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Taljana, ifformulaw osservazzjonijiet dwar ir-rilevanza, għall-kawża ineżami, tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2010, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑156/07 u T‑232/07) u L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑166/07 u T‑285/07).

52      Tnejn mis-seba’ Imħallfin li attendew is-seduta ma setgħux jipparteċipaw fid-deliberazzjoni, wieħed minħabba li ħalla lit-Tribunal sabiex jokkupa l-kariga ta’ Mħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-ieħor minħabba impediment għal raġunijiet mediċi.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tal-“passi sussegwenti ta’ [...] selezzjoni”

53      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal inkonformità mal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess statut, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċeudra tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal — skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 84) —, fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Novembru 2007, tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal, ir-rikors għandu, b’mod partikolari, jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex it-Tribunal ikun jista’ jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni addizzjonali.

54      F’dan il-każ, it-talbiet imsemmija iktar ’il fuq ma jippermettux li jiġu identifikati b’mod ċar l-att jew l-atti li qiegħed jintalab l‑annullament tagħhom u għandhom, għal din ir-raġuni, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

2.     Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006 u tad-“deċiżjoni [tal-]EPSO u/jew tal-Bord tal-Għażla li [ir-rikorrenti] ma tiġix inkluża fid-database tal-kandidati li jkunu għaddew mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni”

55      Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi insostenn tat-talbiet imsemmija iktar ’il fuq, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE u tal-Artikolu 82(1) u (3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, it-tieni wieħed, fuq “ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ oġġettività u tal-aspettattivi leġittimi”, it-tielet wieħed, fuq “ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament[,] tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trasparenza, u tal-obbligu ta’ motivazzjoni”.

56      Barra minn hekk, matul is-seduta r-rikorrent qajmet motiv ieħor, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006 kienet adottata minn awtorità li ma kellhiex kompetenza.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE u tal-Artikolu 82(1) u (3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg

57      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti u l-partijiet intervenjenti qegħdin essenzjalment iqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tas-SEI, liema eċċezzjoni tista’ tinqasam fi tliet partijiet. Fil-fatt, skonthom, is-SEI hija illegali minħabba li:

–        obbligat lill-kandidati jindikaw, bħala l-lingwa prinċipali, dik taċ-ċittadinanza tagħhom jew dik obbligatorja għat-taħriġ tagħhom (l-ewwel parti),

–        illimitat l-għażla tat-tieni lingwa għall-Ġermaniż, għall-Ingliż jew għall-Franċiż (it-tieni parti),

–        ġiet ippubblikata, b’mod illegali, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż biss u illimitat għal dawn il-lingwi l-għażla tal-lingwa ta’ korrispondenza bejn l-EPSO u l-kandidati (it-tielet parti).

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li s-SEI, b’mod illegali, obbligat lill-kandidati jindikaw, bħala l-lingwa prinċipali, dik taċ-ċittadinanza tagħhom jew dik obbligatorja għat-taħriġ tagħhom

–       L-argumenti tal-partijiet

58      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jipprovdi li membru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jiġi rreklutat biss jekk jipproduċi evidenza ta’ konoxxenza approfondita ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni u konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni, sal-punt meħtieġ sabiex iwettaq il-funzjonijiet marbuta mal-kariga tiegħu, b’ebda mod ma jeżiġi li l-lingwa li kandidat għal funzjonijiet ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għandu jkun jaf b’mod approfondit għandha tkun neċessarjament dik taċ-ċittadinanza tiegħu jew dik li fiha jkun irċieva t-taħriġ tiegħu.

59      Issa, fil-punt 3(b) tat-Titolu A tas-SEI, l-EPSO ppreċiża li “par défaut” [“jekk ma tiġix speċifikata”] il-“lingwa prinċipali” ta’ kull kandidat, jiġifieri l-lingwa li tagħha huwa meħtieġ li jkollu konoxxenza approfondita, kellha “titqies li hija dik taċ-ċittadinanza tal-kandidat jew dik obbligatorja għat-taħriġ”. B’din il-preċiżazzjoni, l-EPSO kellu l-intenzjoni jeskludi, bi ksur tal-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li kandidat ikun jista’ jindika bħala lingwa prinċipali lingwa differenti minn dik taċ-ċittadinanza jew tat-taħriġ tiegħu. Ir-rikorrenti ssostni li b’hekk hija ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tagħżel, bħala l-lingwa prinċipali, il-lingwa li trabbiet biha, f’dan il-każ il-lingwa Taljana.

60      Barra minn hekk, l-obbligu, impost mis-SEI u kkonfermat fil-gwida għall-kandidati, li għaliha tirreferi s-SEI, u l-parti “Mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss” tas-sit internet tal-EPSO, li tiġi indikata l-lingwa taċ-ċittadinanza jew il-lingwa tat-taħriġ huwa kuntrarju, skont ir-rikorrenti, għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE u għall-Artikolu 82(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, sa fejn dan l-obbligu jwassal għal trattament differenti tal-kandidati fuq il-bażi taċ-ċittadinanza tagħhom jew tal-oriġini nazzjonali tagħhom. Fil-fatt, dan l-obbligu jipprekludi indirettament lil ċerti kandidati milli jagħmlu l-eżamijiet bil-lingwa materna tagħhom, filwaqt li din il-possibbiltà tħalliet għal kandidati ta’ ċittadinanzi jew ta’ oriġini nazzjonali oħra.

61      Ir-rikorrenti żżid li ma jistax jintlaqa’ l-argument, żviluppat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, li l-espressjoni “par défaut” [“jekk ma tiġix speċifikata”] li tinsab fis-SEI tfisser li l-kandidati kienu liberi li jagħżlu l-lingwa prinċipali tagħhom. Fil-fatt, minbarra li ma hijiex preċiża, l-espressjoni “par défaut” tidher biss fil-verżjoni bl-Ingliż u f’dik bil-Franċiż tas-SEI, iżda ma tinsabx fil-verżjoni bil-Ġermaniż.

62      Fi kwalunkwe każ, is-SEI ma kinitx konformi mal-għan legali tagħha, jiġifieri li tinforma lill-persuni interessati, b’mod kemm jista’ jkun preċiż, dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-pożizzjonijiet vakanti, u dan b’tali mod li dawn il-persuni jkunu jistgħu jevalwaw kemm kien opportun għalihom li jippreżentaw il-kandidatura tagħhom.

63      Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

64      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li ebda dispożizzjoni tas-SEI u ebda parti mill-gwida għall-kandidati jew mis-sit internet tal-EPSO ma obbligat lill-kandidati sabiex jagħżlu bħala l-lingwa prinċipali dik taċ-ċittadinanza jew tat-taħriġ tagħhom. Skont il-Kummissjoni, il-kriterji taċ-ċittadinanza u tat-taħriġ kienu inklużi fis-SEI biss fuq bażi sussidjarja, u dan sabiex jiġu rrimedjati każijiet eventwali fejn il-kandidati jinsew jagħmlu l-għażla tagħhom matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni.

65      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tenfasizza, fil-kontroreplika tagħha, li r-rikorrenti ma setgħetx tagħżel lingwa oħra għajr il-Franċiż. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-kandidati kienu obbligati jagħżlu, bħala l-lingwa prinċipali, dik il-lingwa li għandhom l-aħjar konoxxenza tagħha. Issa, f’dan il-każ, il-konoxxenza li r-rikorrenti għandha tal-Franċiż hija superjuri għal dik li għandha tat-Taljan. Għalhekk, li kieku r-rikorrenti għażlet it-Taljan bħala l-lingwa prinċipali u l-Franċiż bħala t-tieni lingwa, hija kienet tikseb vantaġġ indebitu minħabba li l-eżamijiet imbagħad kienu jitwettqu bil-lingwa li tagħha hija għandha l-aħjar konoxxenza. Issa, l-għan tas-SEI kien li l-kandidati kollha jitqiegħdu fl-istess livell billi jkunu meħtieġa jagħmlu l-eżamijiet ta’ preselezzjoni b’lingwa li tagħha huma preżunti li għandhom konoxxenza inqas mil-lingwa prinċipali tagħhom.

66      Matul is-seduta, madankollu, il-Kummissjoni indikat espliċitament li, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet tat x’jinftiehem fil-kontroreplika tagħha, il-kandidati tħallew liberi li jagħżlu, bħala l-lingwa prinċipali, kwalunkwe lingwa li kellhom konoxxenza approfondita tagħha. B’hekk, skont il-Kummissjoni, kien possibbli li r-rikorrenti tagħżel it-Taljan bħala l-lingwa prinċipali u l-Franċiż bħala t-tieni lingwa, u għalhekk setgħet tagħmel l-eżamijiet ta’ preselezzjoni bil-Franċiż. Madankollu, il-Kummissjoni żżid li r-rikorrenti għażlet b’mod liberu l-Franċiż bħala l-lingwa prinċipali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

67      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, membru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jiġi rreklutat biss jekk jipproduċi evidenza, b’mod partikolari, ta’ “għarfien komplut [konoxxenza approfondita] ta’ waħda mill-lingwi tal-[Unjoni]”.

68      Għalkemm il-lingwa li kandidat għal funzjonijiet ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ikollu konoxxenza approfondita tagħha tikkorrispondi, bħala regola ġenerali, għal-lingwa taċ-ċittadinanza jew tat-taħriġ tiegħu, ma jistax jiġi eskluż, madankollu, kif ammettiet ukoll il-Kummissjoni matul is-seduta, li kandidat ikollu konoxxenza, u dan anki b’mod approfondit, ta’ lingwa oħra. Issa, fin-nuqqas ta’ kull preċiżazzjoni dwar dan il-punt fl-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa ċar li min fassal dan l-artikolu ma xtaqx li l-lingwa li kandidat għal funzjonijiet ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ikollu konoxxenza approfondita tagħha tkun limitata biss għal-lingwa taċ-ċittadinanza tiegħu jew, fil-każ ta’ kandidat ċittadin ta’ Stat Membru li jkollu iktar minn lingwa uffiċjali waħda, għal-lingwa li fiha jkun irċieva t-taħriġ tiegħu.

69      Għalhekk, il-kwistjoni hawnhekk hija jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-EPSO obbligax lill-kandidati li jagħżlu bħala l-lingwa prinċipali dik taċ-ċittadinanza tagħhom jew dik li fiha kienu rċevew it-taħriġ tagħhom, u dan bi ksur tal-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 3(b) tat-Titolu A tal-verżjoni bil-Franċiż tas-SEI kien jeżiġi li l-kandidati, fost kundizzjonijiet oħra, ikollhom “une connaissance approfondie d’une des langues officielles de l’Union européenne […] — langue principale” [“konoxxenza approfondita ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [...] — lingwa prinċipali”] u kien jippreċiża, fil-parenteżi, li, “par défaut, la langue principale [pouvait] être considérée comme celle de la nationalité du candidat ou celle obligatoire pour la formation” [“jekk ma tiġix speċifikata, il-lingwa prinċipali [setgħet] titqies li hija dik taċ-ċittadinanza tal-kandidat jew dik obbligatorja għat-taħriġ”].

71      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, din il-preċiżazzjoni tal-aħħar, li tinsab ukoll fil-verżjoni bl-Ingliż tas-SEI, ma tistax tinftiehem fis-sens li ġiegħlet lill-kandidati jindikaw, bħala l-lingwa prinċipali, dik taċ-ċittadinanza tagħhom jew, fil-każ ta’ kandidati li rċevew it-taħriġ tagħhom fi Stat Membru li jkollu żewġ lingwi uffiċjali jew iktar, dik li fiha jkunu rċevew dan it-taħriġ. Fil-fatt, l-użu tal-espressjoni “par défaut” [“jekk ma tiġix speċifikata”] juri li l-EPSO inkluda din il-preċiżazzjoni bil-għan biss li jinforma lill-kandidati li, jekk kandidat jinsa, matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni, jindika l-lingwa prinċipali tiegħu, l-EPSO kien ser jirrimedja dan in-nuqqas billi jirreġistra bħala l-lingwa prinċipali l-lingwa taċ-ċittadinanza jew tat-taħriġ tal-kandidat, il-lingwa preżunta li hija l-lingwa li tagħha l-kandidat għandu l-aħjar konoxxenza.

72      Huwa minnu li l-verżjoni bil-Ġermaniż tas-SEI hija differenti mill-verżjoni bil-Franċiż u minn dik bl-Ingliż sa fejn hija fformulata kif ġej: “Sie müssen über eine gründliche Kenntnis einer der Amtssprachen der Europäischen Union verfügen […] — Hauptsprache (als Hauptsprache wird die Landessprache des Bewerbers oder die Sprache der Pflichtschule betrachtet) […]” [“Għandu jkollok konoxxenza approfondita ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [...] — lingwa prinċipali (il-lingwa prinċipali ser titqies li hija dik taċ-ċittadinanza tal-kandidat jew dik obbligatorja għat-taħriġ) [...]”]. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni teskludi li test jitqies b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li dan it-test jiġi interpretat fid-dawl kemm tar-rieda reali tal-awtur tiegħu u kemm fid-dawl tal-għan segwit minn dan tal-aħħar, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, verżjonijiet oħra mfassla bil-lingwi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-30 ta’ Novembru 2009, Zangerl‑Posselt vs Il‑Kummissjoni, F-83/07, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑62/10 P). Issa, f’dan il-każ, il-verżjoni bil-Ġermaniż tinsab f’minorità meta mqabbla maż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tat-test inkwistjoni u għalhekk dawn tal-aħħar għandhom jingħataw preċedenza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, li fil-kandidatura tagħha b’ebda mod ma indikat li għandha xi tip ta’ konoxxenza, anki limitata, tal-lingwa Ġermaniża, ma tistax tallega li l-verżjoni bil-Ġermaniż tas-SEI kienet qarrqet biha billi tatha x’tifhem li kienet obbligata tagħżel, bħala l-lingwa prinċipali, dik taċ-ċittadinanza tagħha.

73      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fil-parti “Mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss” tas-sitt internet tiegħu, l-EPSO indika, bħala tweġiba għall-mistoqsija “Kif jiġu ddefiniti l-lingwa ‘prinċipali’ u t-‘tieni’ lingwa?”, li “[b]ħala regola ġenerali, il-lingwa prinċipali hija l-lingwa taċ-ċittadinanza tiegħek, jekk din hija waħda mill-20 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [u li, f]il-każ ta’ pajjiżi li għandhom żewġ lingwi uffiċjali jew iktar, il-lingwa prinċipali tkun dik li fiha tkun irċevejt l-edukazzjoni obbligatorja tiegħek”. B’hekk, l-użu tal-espressjoni “bħala regola ġenerali” turi li l-EPSO ma kienx qiegħed jeskludi l-ipoteżi li kandidat seta’ jagħżel, bħala l-lingwa prinċipali matul l-eżamijiet tas-SEI, lingwa differenti mil-lingwa taċ-ċittadinanza jew tat-taħriġ, bil-kundizzjoni iżda li jkollu konoxxenza approfondita tagħha.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-rikorrenti ma hijiex fondata meta ssostni li hija kienet imġiegħla mill-EPSO sabiex tindika l-lingwa taċ-ċittadinanza tagħha bħala l-lingwa prinċipali tagħha, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jistax jintlaqa’. Dan jgħodd ukoll, għall-istess raġuni, għall-ilmenti bbażati fuq nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE u tal-Artikolu 82(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

75      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li s-SEI illimitat l-għażla tat-tieni lingwa għall-Ġermaniż, għall-Ingliż jew għall-Franċiż biss

–       L-argumenti tal-partijiet

76      Ir-rikorrenti tfakkar, preliminarjament, li mill-Aritkolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li amministrazzjoni ma tistax tobbliga li kandidat għal funzjonijiet ta’ membru tal-persuna bil-kuntratt ikollu konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa speċifika ħlief jekk din tkun meħtieġa min-natura partikolari tal-funzjonijiet vakanti. Issa, skont ir-rikorrenti, l-EPSO ma ssodisfax din il-kundizzjoni peress li, fis-SEI, huwa ddeċieda li jillimita l-għażla tat-tieni lingwa għall-Ġermaniż, għall-Ingliż jew għall-Franċiż, u dan minkejja li l-funzjonijiet li fihom il-kandidati kienu eventwalment ser jiġu rreklutati ma kinux jirrikjedu kollha, jew minn tal-inqas mhux kollha sal-istess livell, konoxxenza sodisfaċenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż.

77      Ir-rikorrenti tippreċiża wkoll li l-EPSO, billi illimita l-għażla tat-tieni lingwa għall-Ġermaniż, għall-Ingliż jew għall-Franċiż, injora d-“dimensjoni esterna” tal-funzjonijiet ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt minħabba li l-membri tal-persunal bil-kuntratt ser ikunu meħtieġa, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Istati Membri jew ma’ persuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, jużaw il-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

78      Ir-rikorrenti żżid li ebda waħda mill-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jitressqu mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika r-restrizzjoni fl-għażla tat-tieni lingwa ma tista’ tintlaqa’.

79      Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni tiġġustifika din ir-restrizzjoni billi tinvoka l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet amministrattivi — il-fatt li għall-EPSO jew għall-kumpannija li l-EPSO kien inkariga bl-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni kien impossibbli li jkollhom riżorsi materjali u umani suffiċjenti sabiex jorganizzaw l-imsemmija eżamijiet bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea —, din ir-restrizzjoni tkun illegali sa fejn ma għandha ebda relazzjoni man-natura tal-funzjonijiet li fihom huwa maħsub li l-kandidati jiġu rreklutati.

80      Bl-istess mod, jekk ir-restrizzjoni tkun motivata mill-allegat fatt li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi prinċipali użati fil-ħidma tal-istituzzjonijiet Ewropej, lanqas din il-ġustifikazzjoni ma hija fondata. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 jipprovdi li l-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea, u mhux il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż biss, huma l-lingwi użati fil-ħidma tal-istituzzjonijiet. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jawtorizza lill-istituzzjonijiet li jipprevedu sistema lingwistika ssemplifikata għall-ħtiġijiet purament interni tagħhom, b’ebda mod ma huwa stabbilit li l-imsemmija istituzzjonijiet adottaw tali sistema. Fi kwalunkwe każ, ma ġiex ipprovat li dawn it-tliet lingwi huma fil-fatt il-lingwi li l-iktar jintużaw fil-ħidma interna ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

81      Sussidjarjament, fil-każ li l-lingwa Ġermaniża, dik Ingliża u dik Franċiża jkunu, minn tal-inqas fl-istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fi Brussell jew fil-Lussemburgu, il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna, ir-rikorrenti ssostni li l-mezzi użati mill-EPSO sabiex jintlaħaq l-għan segwit la huma adegwati u wisq inqas proporzjonali ma’ dan l-għan. Fil-fatt, fir-rigward tal-kandidati li għażlu, bħala l-lingwa prinċipali, il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, ir-rekwiżit impost mill-EPSO fuq dawn il-kandidati li jagħżlu lingwa oħra minn dawn it-tliet lingwi bħala t-tieni lingwa kellu l-effett li jobbligahom juru l-konoxxenza ta’ żewġ lingwi ta’ komunikazzjoni interna tal-istituzzjonijiet, filwaqt li l-kandidati li għażlu, bħala l-lingwa prinċipali, lingwa oħra għajr il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, kienu meħtieġa juru l-konoxxenza ta’ lingwa waħda ta’ komunikazzjoni interna.

82      Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li, billi llimita l-għażla tat-tieni lingwa għall-Ġermaniż, għall-Ingliż jew għall-Franċiż u billi b’hekk ipprekludiha milli tagħżel it-Taljan, l-EPSO kiser l-Artikolu 12 KE, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

83      Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu impost fuq il-kandidati li jagħżlu, bħala t-tieni lingwa, il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż jirrifletti biss l-interess li jkun hemm komunikazzjoni interna effikaċi fi ħdan l-istituzzjonijiet. Fil-fatt, fid-dawl taż-żieda sinjifikattiva fin-numru ta’ lingwi uffiċjali, il-komunikazzjoni interna għandha tkun tista’ tiġi żgurata permezz tal-fatt li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra kollha jkunu jafu minn tal-inqas waħda mil-lingwi li, de facto, huma l-iktar lingwi użati fl-istituzzjonijiet, b’mod partikolari fi ħdan il-Kummissjoni.

84      Il-Kummissjoni żżid li, fil-każ tal-kandidati li għażlu, bħala l-lingwa prinċipali, il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, xorta kien ġustifikat ir-rekwiżit li dawn ikollha konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi fid-dawl, l-ewwel nett, tal-ħtieġa li tkun żgurata ugwaljanza fit-trattament għall-kandidati kollha u, it-tieni nett, tal-għan li jiżdiedu l-possibbiltajiet ta’ komunikazzjoni interna.

85      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li s-SEI kienet intiża sabiex tiġi stabbilita database maħsuba sabiex jiġu sodisfatti ħtiġijiet futuri fir-rigward ta’ reklutaġġ u mhux sabiex timtela pożizzjoni partikolari u li, għalhekk, l-EPSO kellu iktar u iktar raġun li jiżgura li l-kandidati kollha inklużi f’din id-database ikollhom konoxxenzi lingwistiċi li jikkorrispondu għal kull pożizzjoni fil-grupp ta’ funzjonijiet tagħhom li setgħet tiġi proposta lilhom.

86      Fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Taljana, dawn isostnu li l-EPSO, meta llimita għall-Ġermaniż, għall-Ingliż jew għall-Franċiż il-lingwa li tagħha l-kandidati kellu jkollhom konoxxenza sodisfaċenti, kiser ukoll l-Artikolu 290 KE, li jagħti lill-Kunsill kompetenza esklużiva sabiex jiddetermina s-sistema lingwistika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-Deċiżjoni 2002/620, li ma tat lill-EPSO ebda kompetenza fir-rigward tas-sistema lingwistika, u kif ukoll l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jiggarantixxi l-prinċipju tal-multilingwiżmu. Fl-aħħar nett, skont l-intervenjenti, li jsostnu li l-kandidati missu kellhom il-possibbiltà li jagħżlu t-tieni lingwa tagħhom minn fost il-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, tali restrizzjoni kisret ukoll il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u ma kienet ibbażata fuq ebda motivazzjoni.

87      Ir-Renju ta’ Spanja jżid li l-Kummissjoni ma pprovdiet ebda spjegazzjoni ta’ natura li tiġġustifika li l-lingwa Ġermaniża, dik Ingliża u dik Franċiża huma l-iktar lingwi użati fi ħdanha jew li l-għażla ta’ dawn il-lingwi bħala lingwi ta’ komunikazzjoni interna kienet iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissarji ma adottaw ebda deċiżjoni f’dan is-sens.

88      Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja josserva li r-rekwiżit lingwistiku li jinsab fis-SEI ffavorixxa lill-kandidati ċittadini ta’ Stati Membri li l-lingwa uffiċjali tagħhom hija l-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, bi ksur tal-Artikolu 12 KE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

89      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rekwiżiti lingwistiċi li jinsabu fl-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, f’dan il-każ konoxxenza approfondita ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni u konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet rispettivi, jikkostitwixxu biss kundizzjonijiet minimi għar-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt.

90      Minn dan jirriżulta li, jekk ikun il-każ, l-amministrazzjoni tista’ b’mod leġittimu, meta l-ħtiġijiet tas-servizz jew dawk tal-pożizzjoni hekk jirrikjedu, tispeċifika l-lingwa jew il-lingwi li tagħha jew tagħhom tkun meħtieġa konoxxenza approfondita jew sodisfaċenti (ara, a contrario, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 1964, Lassalle vs Il‑Parlament, 15/63, p. 73 u 74; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lagrange marbuta ma’ din is-sentenza, p. 94; ara wkoll is-sentenzi Spanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65, u L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

91      Għalkemm tali rekwiżit lingwistiku speċifiku jista’ jirriżulta mill-profil partikolari tal-pożizzjoni li l-membru tal-persunal bil-kuntratt ser ikun qiegħed jeżerċita, dan ir-rekwiżit jista’ jirriżulta b’mod iktar ġenerali mill-eżistenza, fi ħdan l-istituzzjoni, ta’ lingwa jew ta’ diversi lingwi ta’ komunikazzjoni interna. Fil-fatt, sa fejn istituzzjoni għandha l-possibbiltà tagħżel, u dan anki mingħajr ma tieħu deċiżjoni formali f’dan is-sens, numru limitat ta’ lingwi ta’ komunikazzjoni interna, bil-kundizzjoni li din l-għażla tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, marbuta mal-ħtiġijiet funzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro marbuta mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C‑160/03, punti 49 u 56; sentenzi Spanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75, u L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93), minn dan jirriżulta li din l-istituzzjoni tista’ b’mod leġittimu teżiġi li l-membri tal-persunal bil-kuntratt li hija jkollha l-intenzjoni tirrekluta jkollhom konoxxenzi lingwistiċi fir-rigward ta’ dawn il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna. Jekk ma jkunx hekk, hija tidħol fil-periklu li tirrekluta membru tal-persunal li ma jkunx jista’ jeżerċita b’mod adegwat il-funzjonijiet tiegħu fi ħdan l-istituzzjoni, u dan minħabba li dan il-membru tal-persunal jispiċċa f’sitwazzjoni fejn, skont il-każ, ma jkunx jista’ jew ikun jista’ b’mod diffiċli ħafna, jikkomunika mal-kollegi tax-xogħol tiegħu jew jifhem l-istruzzjonijiet mogħtija mis-superjuri diretti tiegħu. F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija f’kawża fejn l-EPSO kien ippubblika avviżi ta’ kompetizzjoni intiżi sabiex jiġu stabbiliti listi ta’ riżerva sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti ta’ amministraturi u ta’ assistenti fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea aċċettat mhux biss li l-għażla tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż kienet tikkorrispondi għall-ħtiġijiet funzjonali tal-istituzzjonijiet u tal-organi tal-Unjoni, iżda rrikonoxxiet ukoll li l-EPSO seta’ b’mod leġittimu jeżiġi li l-kandidati għal dawn il-kompetizzjonijiet ikollhom konoxxenza, bħala t-tieni lingwa, ta’ waħda minn dawn it-tliet lingwi (sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103).

92      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi espliċitament kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa u li, skont l-Artikolu 1d(6) tal-istess regolamenti, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kull limitazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha tkun oġġettivament u raġonevolment ġustifikata u għandha tissodisfa għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Minn dan jirriżulta li kundizzjoni lingwistika li ma tkunx raġonevolment proporzjonata meta mqabbla mal-għan segwit tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, iggarantit mill-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Tali kundizzjoni tkun tmur kontra wkoll l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li amministrazzjoni għandha timla l-pożizzjonijiet disponibbli billi tagħżel dawk l-uffiċjali li għandhom l-ogħla livelli ta’ kompetenza, ta’ effiċjenza u ta’ integrità. Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit li l-kandidati għal funzjonijiet ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ikollhom konoxxenza, anki jekk b’mod sodisfaċenti, ta’ diversi lingwi partikolari, mingħajr ma dan ir-rekwiżit ikun proporzjonat mal-għan segwit, ikollu l-effett li dawn il-lingwi jingħataw status privileġġat meta, skont l-Artikolu 290 KE, huwa biss il-Kunsill, b’deċiżjoni unanima, li jista’ jistabbilixxi s-sistema lingwistika tal-Unjoni Ewropea u meta, skont l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Unjoni hija obbligata tirrispetta d-“diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika”.

93      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu risposti l-motivi tar-rikorrenti u tal-intervenjenti, billi, l-ewwel nett, jiġi mistħarreġ jekk ir-rekwiżiti lingwistiċi li jinsabu fis-SEI għandhomx għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal u, it-tieni nett, jekk dan ikun il-każ, jekk hemmx relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn dawn ir-rekwiżiti u l-għan segwit.

94      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni ta’ jekk ir-rekwiżiti lingwistiċi li jinsabu fis-SEI għandhomx għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal, għandu jitfakkar li s-SEI ġiet ippubblikata “f’isem l-istituzzjonijiet Ewropej u b’mod partikolari f’isem il-Kummissjoni u l-Kunsill” sabiex tiġi “stabbilita database ta’ kandidati li jkunu jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt sabiex iwettqu funzjonijiet differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej”. Issa, mid-dokumenti prodotti fil-kuntest ta’ din il-kawża jirriżulta li l-lingwa Ġermaniża, dik Ingliża jew dik Franċiża jintużaw, sa punt jew ieħor, bħala lingwi ta’ komunikazzjoni interna fi ħdan l-istituzzjonijiet li huma maħsuba li jirreklutaw parti sinjifikattiva mill-kandidati li jgħaddu mill-eżamijiet ta’ selezzjoni, jiġifieri l-Kummissjoni u l-Kunsill.

95      B’hekk, fid-dawl tal-pożizzjoni okkupata mil-lingwa Ġermaniża, minn dik Ingliża u minn dik Franċiża fi ħdan l-istituzzjonijiet li fihom il-membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati kellhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, ir-rekwiżiti lingwistiċi li jinsabu fis-SEI kellhom għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal, jiġifieri li jiġi żgurat li dawn il-membri tal-persunal ikollhom konoxxenzi lingwistiċi fir-rigward ta’ dawn il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna.

96      Għandu jingħad ukoll li, fil-kawża ineżami, is-SEI kienet intiża sabiex tiġi stabbilita database maħsuba għar-reklutaġġ, f’diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt li jaqgħu f’erba’ gruppi ta’ funzjonijiet u li jkunu meħtieġa “iwettqu funzjonijiet differenti” fi ħdanhom. Għalhekk, fid-dawl, minn naħa, tad-diversità tal-istituzzjonijiet li eventwalment kellhom jirreklutaw il-persuni li jgħaddu mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-varjetà tal-pożizzjonijiet li kellhom jimtlew, kien ġustifikat li l-EPSO jivverifika li dawn il-persuni jkunu jistgħu jeżerċitaw immedjatament il-funzjonijiet tagħhom, jiġifieri, b’mod partikolari, ma jsibux ruħhom f’sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jifhmu minn tal-inqas waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet li kellhom jirreklutawhom.

97      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għall-kuntrarju tal-uffiċjali, il-membri tal-persunal bil-kuntratt, bħala prinċipju, jibqgħu jaħdmu mal-istituzzjonijiet għal perijodu limitat, stabbilit mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u li, għalhekk, eventwali nuqqasijiet fil-konoxxenza lingwistika ta’ dawn il-membri tal-persunal ma jkunux jistgħu jiġu rrimedjati permezz ta’ programmi ta’ taħriġ offruti mill-istituzzjonijiet bil-għan li jiġi ffavorit u promoss il-pluraliżmu lingwistiku.

98      Jifdal li tiġi indirizzata, fit-tieni lok, il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn ir-rekwiżiti lingwistiċi li jinsabu fis-SEI u l-għan segwit. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fis-sentenzi L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 94) u Spanja vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 75), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li, fil-każ fejn istituzzjoni tagħżel diversi lingwi ta’ komunikazzjoni interna, hija ma tistax teżiġi li l-persuni li jkollha l-intenzjoni tirrekluta jkollhom konoxxenza ta’ iktar minn waħda minn dawn il-lingwi. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, ir-rekwiżit ta’ konoxxenza kumulattiva ta’ diversi lingwi ma jistax jiġi ġustifikat permezz tal-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni interna u jista’ jikkorrispondi biss mar-rieda li ċerti lingwi uffiċjali jingħataw status privileġġat.

99      Fil-kawża ineżami huwa paċifiku li l-EPSO, fis-SEI, eżiġa li l-kandidati jkollhom, bħala lingwa prinċipali, konoxxenza approfondita ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali u konoxxenza sodisfaċenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż bħala t-tieni lingwa, liema lingwa kellha tkun differenti mil-lingwa prinċipali. Għalhekk, it-Tribunal jikkonstata li l-EPSO eżiġa li l-imsemmija kandidati jkollhom il-konoxxenza ta’ waħda biss mil-lingwi ta’ komunikazzjoni interna użati fl-istituzzjonijiet li eventwalment setgħu jirreklutawhom.

100    Huwa minnu li, fil-każ partikolari tal-kandidati li, bħar-rikorrenti, għażlu, bħala l-lingwa prinċipali, il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, ir-rekwiżit impost fuqhom li jagħżlu bħala t-tieni lingwa lingwa oħra minn dawn it-tliet lingwi kellu l-effett li jobbligahom juru konoxxenza ta’ żewġ lingwi ta’ komunikazzjoni interna, waħda bħala l-lingwa prinċipali u l-oħra bħala t-tieni lingwa.

101    Madankollu, dan il-fatt ma jistax jitqies li huwa sproporzjonat fil-konfront tal-għan segwit mill-EPSO.

102    Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li ċerti kandidati għażlu, bħala l-lingwa prinċipali, il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, jikkonċerna ċirkustanzi partikolari għal kull wieħed minn dawn il-kandidati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il‑Kunsill, T‑376/03, punt 33).

103    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li huwa l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, punt 7), jikkostitwixxi, flimkien ma’ dan tal-aħħar, wieħed mid-drittijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C‑442/00, punt 32). Fis-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 94), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea enfasizzat li r-rekwiżiti lingwistiċi meħtieġa mill-kandidati għal pożizzjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni Ewropea ma kellhomx joħolqu differenzi fit-trattament li ma jkunux ġustifikati bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u lanqas ma kellhom jikkompromettu l-aċċess ugwali tagħhom għall-pożizzjonijiet proposti.

104    Fil-kawża ineżami, huwa minnu li s-soluzzjoni magħżula mill-EPSO kellha l-effett li tittratta b’mod differenti, minn naħa, il-kandidati li għażlu, bħala l-lingwa prinċipali, lingwa li ma hijiex il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, u, min-naħa l-oħra, il-kandidati li għażlu, dejjem bħala l-lingwa prinċipali, waħda minn dawn it-tliet lingwi. Fil-fatt, filwaqt li tal-ewwel kellhom il-possibbiltà li jagħżlu t-tieni lingwa minn fost tliet lingwi, jiġifieri l-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, tat-tieni kellhom din il-possibbiltà mnaqqsa għal żewġ lingwi. Madankollu, li kieku, kif kieku kienet tixtieq ir-rikorrenti, l-EPSO adotta soluzzjoni oħra fejn il-kandidati li jkunu għażlu, bħala l-lingwa prinċipali, il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, kienu jingħataw il-libertà li jagħżlu t-tieni lingwa minn fost il-lingwi uffiċjali kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dik magħżula bħala l-lingwa prinċipali, din is-soluzzjoni kienet tagħti lil dawn il-kandidati, meta mqabbla mal-kandidati l-oħra, vantaġġ ħafna iktar superjuri minn dak li effettivament gawdew minnu dawn tal-aħħar. B’hekk, f’sitwazzjoni fejn kellu jagħżel bejn żewġ soluzzjonijiet, fejn it-tnejn kienu joħolqu differenza fit-trattament bejn iż-żewġ gruppi ta’ kandidati, l-EPSO għażel is-soluzzjoni li kienet timplika l-inqas differenza fit-trattament u għalhekk ma jistax jitqies li stabbilixxa kundizzjonijiet lingwistiċi inadegwati.

105    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti bbażati fuq l-allegazzjoni li r-rekwiżit impost fuq il-kandidati li għażlu, bħala l-lingwa prinċipali, il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, li jagħżlu bħala t-tieni lingwa lingwa oħra minn dawn it-tliet lingwi jikser l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

106    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-funzjonament intern tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-għażla tal-lingwa ta’ komunikazzjoni interna taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-imsemmija istituzzjonijiet, li għandhom is-setgħa li jimponuha fuq il-membri tal-persunal tagħhom. Fil-fatt, mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 — adottat mill-Kunsill fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jagħtuh il-kompetenza sabiex jadotta s-sistema lingwistika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — jirriżulta li l-“istituzzjonijiet [...] jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi”. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, l-EPSO kellu l-kompetenza meħtieġa sabiex, kif għamel fis-SEI — li ġiet ippubblikata “f’isem l-istituzzjonijiet Ewropej u b’mod partikolari f’isem il-Kummissjoni u l-Kunsill” —, jillimita l-għażla tat-tieni lingwa għall-Ġermaniż, għall-Ingliż jew għall-Franċiż.

107    Għandu jiġi mwarrab ukoll l-argument li l-EPSO, fis-SEI, kien imissu ġġustifika l-għażla tat-tliet lingwi li kellhom jintużaw għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ preselezzjoni, u dan minħabba li huwa paċifiku li din l-għażla tissodisfa l-ħtiġijiet interni tal-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

108    Fir-rigward tal-argument, imqajjem mir-Renju ta’ Spanja, li r-rekwiżit lingwistiku li jinsab fis-SEI ffavorizza lill-kandidati ċittadini ta’ Stati Membri li l-lingwa uffiċjali tagħhom hija l-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, bi ksur tal-Artikolu 12 KE li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, lanqas dan l-argument ma jista’ jintlaqa’ minħabba li dawn il-kandidati, bħal dawk ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, kellhom jagħmlu l-eżamijiet ta’ preselezzjoni b’lingwa differenti minn dik li tagħha kellhom konoxxenza approfondita.

109    Fl-aħħar nett, għalkemm ir-Repubblika Taljana, sabiex issostni li l-limitazzjoni fl-għażla tat-tieni lingwa tammonta għal ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, issostni li l-prassi abitwali tal-EPSO, anki wara l-adeżjoni tal-għaxar Stati Membri ġodda fl-2003, kienet li ma tiġi imposta ebda restrizzjoni fl-għażla tat-tieni lingwa fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, minn ebda dokument fil-proċess ma jirriżulta iżda li l-EPSO kien ħa impenn pubbliku — li fuq kollox lanqas biss seta’ jagħmel b’mod legali — fis-sens li ma kienx ser jistabbilixxi limitazzjonijiet fir-rigward tat-tieni lingwa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ selezzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt li huwa kien ser jintalab jorganizza.

110    Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-illegalità tal-modalitajiet tal-pubblikazzjoni tas-SEI u tal-għażla tal-lingwa ta’ korrispondenza bejn l-EPSO u l-kandidati

111    Ir-Repubblika Taljana ssostni li meta ddeċieda, u dan barra minn hekk mingħajr ġustifikazzjoni, li s-SEI kienet ser tiġi ppubblikata biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż u li l-lingwa ta’ korrispondenza bejn l-amministrazzjoni u l-kandidati setgħet tkun biss waħda minn dawn it-tliet lingwi, l-EPSO kiser l-Artikolu 12 KE, l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll l-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1.

112    Madankollu, tali illegalitajiet ma setgħux kienu tali li jikkawżaw preġudizzju għall-interessi tar-rikorrenti sa fejn din setgħet, wara l-pubblikazzjoni tas-SEI, tirreġistra ruħha għall-eżamijiet, tipparteċipa fl-eżamijiet ta’ preselezzjoni previsti u tikkomunika mal-EPSO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑3/92, punt 53). Issa, intervenjent ma jistax iqajjem argument li jkun inammissibbli kieku jiġi invokat mir-rikorrent.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fi kwalunkwe każ, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

114    Peress li t-tliet partijiet tal-ewwel motiv ġew miċħuda, dan il-motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq “ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ oġġettività u tal-aspettattivi leġittimi”

 L-argumenti tal-partijiet

115    Dan il-motiv jista’ jinqasam, essenzjalment, f’żewġ partijiet.

116    Fl-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti ssostni li matul l-eżamijiet ta’ preselezzjoni li hija għamlet fis-6 ta’ Jannar 2006 seħħew diversi inċidenti tekniċi. F’dan is-sens, għal minn tal-inqas erba’ darbiet, l-iżvolġiment ta’ dawn l-eżamijiet twaqqaf minħabba problema fil-kompjuter imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha u kull darba li kien hemm problema kien meħtieġ l-intervent ta’ persuna mħarrġa fl-informatika. Dawn l-inċidenti kienu tellfuha u ċaħħduha minn parti mill-ħin li kellha, mingħajr ma tħalliet tibda l-eżami mill-ġdid jew tibbenefika minn ħin addizzjonali sabiex tagħmel tajjeb għall-ħin mitluf.

117    Ir-rikorrenti tenfasizza li, b’mod ġenerali, l-eżamijiet organizzati mill-EPSO f’Diċembru 2005 u f’Jannar 2006 nżammu, kif jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ diversi attestazzjonijiet ta’ kandidati miġbura mill-Union syndicale, f’“konfużjoni kbira” u li, fost affarijiet oħra, ċertu numru minn dawn il-kandidati, għalkemm irreġistrati b’mod regolari, ma setgħux jipparteċipaw fl-eżamijiet imsemmija jew, minn tal-inqas, ma setgħux, minħabba inċidenti tal-informatika, jiksbu aċċess għall-mistoqsijiet tal-eżamijiet. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-persunal fi ħdan il-Bord tal-Għażla, matul l-għaxar laqgħa tiegħu mal-EPSO, irrifjutaw li jivvalidaw ir-riżultat tas-selezzjoni minħabba, b’mod partikolari, l-inċidenti tekniċi li seħħew matul l-iżvolġiment tal-eżamijiet kollha organizzati fil-kuntest tas-SEI.

118    Ir-rikorrenti ssostni li l-irregolaritajiet li vvizzjaw l-iżvolġiment ta’ dawn l-eżamijiet ta’ preselezzjoni huma manifestament sostanzjali minħabba li, fid-dawl tar-repetizzjoni tagħha, tan-numru tagħhom u tal-ħin meħtieġ sabiex jiġu rrimedjati, ikkompromettew b’mod serju l-konċentrazzjoni tagħha.

119    Fit-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta r-riżultati li ġew ikkomunikati lilha permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006. Hija tispjega li l-fatt li fis-27 ta’ Frar 2006 ntbagħtilha, bħalma ntbagħat lil 62 kandidat ieħor, messaġġ elettroniku fejn ġiet informata li kienet għaddiet mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni sabiex imbagħad, fl-14 ta’ Marzu 2006, irċeviet messaġġ elettroniku ġdid fejn ġiet informata li ma kinitx għaddiet, juri problema fir-reġistrazzjoni jew fl-ipproċessar tar-riżultati tal-eżamijiet. Barra minn hekk, teżisti kontradizzjoni bejn, minn naħa, id-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006 li informatha li l-messaġġ elettroniku tas-27 ta’ Frar 2006 li jinformaha b’mod żbaljat li kienet għaddiet kien il-konsegwenza ta’ “żball fl-introduzzjoni tal-ittra mibgħuta lill-kandidati” u, min-naħa l-oħra, l-ittra elettronika tad-19 ta’ April 2006 fejn jingħad li l-kawża ta’ dan l-iżball kienet żball fil-kalkolu tan-nota globali tagħha. Fl-aħħar nett, minn xhieda bil-miktub ta’ kandidata oħra jirriżulta li l-bażi tal-informatika fejn inżammu t-tweġibiet tal-kandidati għall-eżamijiet ta’ preselezzjoni kienet ġarrbet xi ħsara.

120    Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud fir-rigward taż-żewġ partijiet tiegħu.

121    Fir-rigward tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova u ebda ħjiel ta’ prova insostenn tal-affermazzjoni li l-iżvolġiment tal-eżamijiet tagħha kien imfixkel minn irregolaritajiet.

122    Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv, il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li r-rikorrenti kienet informata, bi żball, permezz tal-messaġġ elettroniku tas-27 ta’ Frar 2006, li kienet għaddiet mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni kien il-konsegwenza ta’ żball fil-programmazzjoni tal-kompjuter, sa fejn fil-programmazzjoni ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti, minħabba li kienet kisbet biss 33.33 % ta’ tweġibiet tajba matul l-eżamijiet intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità ta’ raġunament verbali u numeriku tagħha, ma kinitx kisbet il-minimu meħtieġ fin-nota tal-21 ta’ Novembru 2005, jiġifieri 35 %.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

–       Fuq l-ewwel parti tal-motiv

123    Skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jiżguraw lill-kandidati kollha f’kompetizzjoni li l-eżamijiet jiżvolġu bl-iktar mod kalm u regolari possibbli. Madankollu, il-fatt li sseħħ irregolarità matul l-iżvolġiment tal-eżamijiet ta’ kompetizzjoni ma jaffettwax il-legalità tal-imsemmija eżamijiet sakemm din l-irregolarità ma tkunx ta’ natura sostanzjali u ta’ natura li tista’ tiffalsifika r-riżultati tagħhom. Meta sseħħ tali irregolarità, hija l-istituzzjoni konvenuta li għandha tipprova li din l-irregolarità ma kellhiex effett fuq ir-riżultati tal-eżamijiet (sentenza tat-Tribunal tat-13 ta’ Diċembru 2006, Neophytou vs Il‑Kummissjoni, F-22/05, punt 60).

124    Fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti ssostni li matul l-eżamijiet ta’ preselezzjoni li hija għamlet fis-6 ta’ Jannar 2006 seħħew diversi inċidenti tekniċi u li, b’mod partikolari, għal minn tal-inqas erba’ darbiet l-iżvolġiment ta’ dawn l-eżamijiet twaqqaf minħabba problema bil-kompjuter imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha. Madankollu, ebda wieħed mill-elementi invokati minnha ma huwa ta’ natura li jipprova b’ċertezza n-natura tal-inċidenti li hija tallega li ġarrbet personalment. B’mod partikolari, din in-natura la tista’ tiġi pprovata mill-fatt li kandidati oħra ltaqgħu, matul l-eżamijiet, ma’ problemi tekniċi ta’ funzjonament, u lanqas mill-fatt li r-rappreżentanti tal-persunal fi ħdan il-Bord tal-Għażla, matul laqgħa mal-EPSO, irrifjutaw li jivvalidaw ir-riżultati tas-selezzjoni minħabba, b’mod partikolari, dawn il-problemi ta’ funzjonament. Bl-istess mod, għalkemm it-tabella bir-riżultati tar-rikorrenti, li għaliha kellha aċċess permezz tas-sit internet tal-EPSO, turi li l-ħin li r-rikorrenti użat sabiex twieġeb għal erbgħa mill-mistoqsijiet tal-eżami maħsub sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tagħha ta’ raġunament verbali kien iktar mill-ħin li użat sabiex twieġeb għall-mistoqsijiet l-oħra ta’ dan l-eżami, dan il-fatt ma jipprovax ir-realtà tal-inċidenti invokati, inċidenti li l-eżistenza tagħhom, barra minn hekk, ġiet formalment ikkontestata permezz ta’ attestazzjoni mill-kumpannija li organizzat l-eżamijiet ta’ preselezzjoni. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma pprovatx li hija kienet indikat l-eżistenza ta’ tali inċidenti qabel saret taf bid-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006.

125    B’hekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tal-motiv

126    Huwa paċifiku li, inizjalment, permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-27 ta’ Frar 2006, l-EPSO informa lir-rikorrenti li kienet għaddiet mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni filwaqt li sussegwentement, permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006, informaha li ma kinitx għaddiet. Barra minn hekk, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li l-amministrazzjoni ma kinitx konsistenti fl-ispjegazzjonijiet mogħtija minnha fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali messaġġi kontradittorji. B’hekk, wara li, fid-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006, l-EPSO semma “żball fl-introduzzjoni tal-ittra mibgħuta lill-kandidati” u mbagħad, fl-ittra tad-19 ta’ April 2006, “żball fil-kalkolu”, il-Kummissjoni, bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnata mit-Tribunal, attribwixxiet dan l-inċident lil “żball fil-programmazzjoni tal-kompjuter”, filwaqt li spjegat li fil-programmazzjoni ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti, billi kisbet biss 33.33 % tat-tweġibiet korretti matul l-eżamijiet intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità tagħha ta’ raġunament verbali u numeriku, ma kinitx laħqet il-minimu meħtieġ ta’ 35 %.

127    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni pproduċiet it-tabella fejn tidher il-lista kkodifikata tal-mistoqsijiet li saru lir-rikorrenti matul l-eżamijiet intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità tagħha ta’ raġunament verbali u numeriku, it-tweġibiet korretti li kellhom jingħataw għal dawn il-mistoqsijiet, kif ukoll it-tweġibiet li r-rikorrenti effettivament tat għal kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet. Issa, għalkemm ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta b’mod ġenerali l-affidabbiltà tar-riżultati kkomunikati mill-EPSO lill-kandidati, hija la tipprova u lanqas ma tallega li, fir-rigward tar-riżultati tagħha fl-eżamijiet ta’ preselezzjoni intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità tagħha ta’ raġunament verbali u numeriku, ir-rata globali ta’ tweġibiet korretti kienet ta’ iktar minn 33.33 %.

128    Issa, il-kontestazzjoni tal-affidabbiltà globali tar-riżultati kkomunikati mill-EPSO lill-kandidati ma tistax tiġi utilment invokata mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006 ħlief sa fejn din il-kontestazzjoni tippermetti li jiġi pprovat li r-rikorrenti kienet issodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fin-nota tal-21 ta’ Novembru 2005, jiġifieri kisbet mill-inqas 35 % tat-tweġibiet korretti fl-eżamijiet ta’ preselezzjoni. Sa fejn dan ma huwiex il-każ hawnhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti għandha għalhekk tiġi miċħuda, u dan minkejja li l-EPSO kiser b’mod serju l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta bagħat lir-rikorrenti messaġġi kontradittorji fir-rigward tar-riżultati tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni tagħha.

129    Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq “ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trasparenza, u tal-obbligu ta’ motivazzjoni”

130    It-tielet motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trasparenza u tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni waħda, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trasparenza u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

131    Ir-rikorrenti tindika li, matul laqgħa li nżammet fis-26 ta’ Lulju 2005, l-EPSO ggarantixxa lill-Bord tal-Għażla li l-kandidati seta’ jkollhom aċċess, fil-każ ta’ kontestazzjoni jew fuq talba, għall-eżamijiet tagħhom. Issa, ir-rikorrenti takkuża lill-amministrazzjoni li rrifjutat li tikkomunikalha, minkejja talba f’dan is-sens magħmula fi-nota tal-14 ta’ Ġunju 2006, it-test tal-mistoqsijiet li kienu sarulha matul l-eżamijiet ta’ preselezzjoni.

132    Ir-rikorrenti żżid li r-rifjut min-naħa tal-EPSO li jikkomunikalha l-mistoqsijiet qiegħedha u jqiegħed lit-Tribunal f’sitwazzjoni fejn huwa impossibbli li jiġi evalwat jekk dawn il-mistoqsijiet kinux validi u jekk kinux ta’ diffikultà raġonevolment ugwali għal dik tal-mistoqsijiet magħmula lill-kandidati l-oħra.

133    Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni tirribatti li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam ta’ kompetizzjonijiet, l-uniċi dokumenti li għalihom il-kandidat jista’ jkollu aċċess huma l-eżamijiet bil-miktub tiegħu stess (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑33/00). Issa, fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti rċeviet il-verżjoni kkoreġuta tat-tweġibiet tagħha fil-forma ta’ tabella.

134    Il-Kummissjoni żżid li, għalkemm, fin-nota tal-14 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti talbet ukoll lill-amministrazzjoni sabiex tikkomunikalha t-test tal-mistoqsijiet li kienu sarulha, tali talba kienet taqa’ taħt ir-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Issa, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ tali kontestazzjoni. Għalhekk, ir-rikors huwa inammissibbli fuq dan il-punt.

135    Il-Kummissjoni ssostni fi kwalunkwe każ li l-komunikazzjoni lir-rikorrenti tat-test tal-mistoqsijiet li kienu sarulha ma kinitx ser tippermettilha tilħaq l-għan tagħha, jiġifieri li tivverifika jekk il-mistoqsijiet li saru lill-kandidati kollha kinux tal-istess livell fir-rigward tal-validità u tad-diffikultà tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

136    Għandu jitfakkar li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull deċiżjoni individwali meħuda skont ir-Regolamenti tal-Persunal li tikkawża preġudizzju għandha tkun motivata. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju huwa maħsub, minn naħa, sabiex il-persuna kkonċernata jkollha l-indikazzjonijiet meħtieġa sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, sabiex id-deċiżjoni inkwistjoni tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il‑Kummissjoni, T‑53/00, punt 67, u Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

137    Barra minn hekk, f’kawżi fejn ir-rikorrenti, kandidati f’kompetizzjonijiet, ma kinux għaddew mill-eżamijiet organizzati fil-forma ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla, ġie deċiż li l-amministrazzjoni kienet issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi kkomunikatilhom il-marki miksuba f’dawn l-eżamijiet u billi informathom li ċerti mistoqsijiet kienu ġew annullati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Jannar 2001, Gerochristos vs Il‑Kummissjoni, T‑189/99, punt 34, u tat-2 ta’ Mejju 2001, Giulietti et vs Il‑Kummissjoni, T‑167/99 u T‑174/99, punti 81 u 82).

138    Għalhekk, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, amministrazzjoni li torganizza eżamijiet għal reklutaġġ fil-forma ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi tikkomunika lill-kandidati li ma jkunux għaddew minn dawn l-eżamijiet il-proporzjoni, f’perċentwali, tat-tweġibiet korretti u billi tagħtihom, fil-każ ta’ talba f’dan is-sens, it-tweġiba li kellha tingħata għal kull waħda mill-mistoqsijiet magħmula. Dan japplika f’kull każ ħlief meta r-rikorrent, fl-ilment tiegħu, jikkontesta konkretament ir-rilevanza ta’ ċerti mistoqsijiet jew il-fondatezza tat-tweġiba magħżula bħala dik korretta u dan jekk id-differenza bejn ir-riżultati tiegħu u l-marka meħtieġa biex jgħaddi mill-eżami tkun tali li, jekk il-kontestazzjoni tiegħu tkun fondata (ħaġa din li tirrikjedi li l-qorti tikkonstata ineżattezza tal-fatti — ara dwar dan l-aspett tal-aħħar is-sentenza tat-Tribunal tal-11 ta’ Settembru 2008, Coto Moreno vs Il‑Kummissjoni, F‑127/07, punt 32), ir-rikorrent ikun jista’ jiġi inkluż fost il-kandidati li għaddew mill-eżamijiet inkwistjoni. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-amministrazzjoni tkun meħtieġa tikkomunikalu, fir-risposta għall-ilment, l-informazzjoni f’dan is-sens, b’mod partikolari t-test tal-mistoqsijiet li jkunu sarulu waqt l-eżamijiet.

139    Fil-kawża ineżami, għandu jiġi osservat qabel kollox, kif intqal iktar ’il fuq, li r-rikorrenti ġiet informata, permezz ta’ ittra elettronika tal-14 ta’ Marzu 2006, li hija kienet kisbet 32 % tat-tweġibiet korretti fl-eżami intiż sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tagħha ta’ raġunament verbali u 35 % tat-tweġibiet korretti fl-eżami intiż sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tagħha ta’ raġunament numeriku, jiġifieri total ta’ 33.33 % tat-tweġibiet korretti, totali li huwa inqas mill-minimu meħtieġ għall-grupp ta’ funzjonijiet II, li f’dan il-każ huwa ta’ 35 %. Barra minn hekk, ftit qabel ma ressqet l-ilment tagħha, ir-rikorrenti setgħet tara, fuq is-sit internet tal-EPSO, tabella li tippreżenta, għal kull waħda mill-mistoqsijiet li kienu sarulha, it-tweġiba adegwata, dik mogħtija minnha u l-ħin li ħadet sabiex twieġeb. F’din l-istess tabella kien hemm indikat ukoll li waħda mill-mistoqsijiet magħmula lir-rikorrenti ma kinitx tinftiehem u li, għalhekk, ir-rikorrenti ngħatat punt.

140    Huwa minnu li huwa paċifiku li, fl-ilment ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006 skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti talbet lill-amministrazzjoni sabiex tikkomunikalha t-test tal-mistoqsijiet li kienu sarulha matul l-eżamijiet intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità tagħha ta’ raġunament verbali u numeriku u li, fir-risposta tagħha għall-ilment, l-AATK ma laqgħetx din it-talba. Madankollu, għandu jiġi osservat li, fl-ilment imsemmi, ir-rikorrenti ma kkontestatx konkretament ir-rilevanza ta’ ċerti mistoqsijiet u lanqas ma sostniet, b’mod iktar ġenerali, li hija kienet personalment suġġetta għal mistoqsijiet manifestament inadegwati jew invalidi. Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma kkomunikatx lir-rikorrenti t-test tal-mistoqsijiet li kienu sarulha matul l-eżamijiet ma jistax jitqies bħala ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

141    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

–       L-argumenti tal-partijiet

142    Ir-rikorrenti tfakkar, filwaqt li tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordit vs Il-Qorti tal‑Ġustizzja (T‑156/89, punti 121 sa 123), u Giulietti et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 u 74), li, għalkemm ma huwiex neċessarju li l-kandidati għall-istess eżami jsirulhom l-istess mistoqsijiet, il-mistoqsijiet li jsirulhom għandhom madankollu jkunu ta’ livell ekwivalenti. Issa, fil-kawża ineżami, il-Bord tal-Għażla stqarr diversi drabi li kien inkwetat dwar ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ekwivalenza bejn l-eżamijiet minħabba l-fatt li wħud mil-mistoqsijiet ma kinux tfasslu mill-istituzzjonijiet stess iżda mill-kumpanniji privati li kienu kkonkludew kuntratti mal-EPSO. Bl-istess mod, il-Bord tal-Għażla esprima r-riskju li l-kandidati, fid-dawl tad-diffikultà eċċessiva ta’ wħud mil-mistoqsijiet u fid-dawl tal-għażla aleatorja tal-mistoqsijiet, jiġu ppreżentati b’eżamijiet li d-diffikultà tagħhom tkun differenti.

143    Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni tirribatti li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova ta’ natura li toħloq dubju dwar in-natura inadegwata tal-mistoqsijiet magħmula.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

144    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Bord tal-Għażla għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet previsti fil-kuntest ta’ din il-kompetizzjoni. Il-qorti tal-Unjoni tista’ tiċċensura dan il-kontenut biss fil-każ li jmur lil hinn mill-qafas indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni jew ma jkunx jikkorrispondi mal-għanijiet tal-eżami tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, punt 22; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Novembru 2004, Vega Rodríguez vs Il‑Kummissjoni, T‑285/02 u T‑395/02, punt 35). B’hekk, fil-kuntest ta’ eżamijiet komposti minn mistoqsijiet b’għażla multipla, it-Tribunal ma jistax jissostitwixxi l-korrezzjoni magħmula mill-Bord tal-Għażla bil-korrezzjoni tiegħu. Mistoqsija tista’ tiġi ċċensurata, eventwalment fid-dawl tat-tweġibiet proposti għaliha, biss jekk jidher li din il-mistoqsija kienet manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan tal-kompetizzjoni inkwistjoni (sentenza Vega Rodríguez vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Din il-ġurisprudenza żviluppata fil-qasam ta’ kompetizzjoni għandha, b’analoġija, tiġi applikata għal sejħa għal espressjoni ta’ interess.

145    Fil-kawża ineżami, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, l-EPSO ddeċieda li l-mistoqsijiet inklużi fil-lista ta’ mistoqsijiet kellhom jitqassmu skont ħames livelli ta’ diffikultà u li, b’mod partikolari fir-rigward tal-kandidati għall-funzjonijiet ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jaqgħu fil-grupp ta’ funzjonijiet II, il-kompjuter kellu jagħżel b’mod aleatorju, matul l-eżami ta’ raġunament verbali, għoxrin mistoqsija b’livell ta’ diffikultà 4 u ħames mistoqsijiet b’livell ta’ diffikultà 3, u, matul l-eżami ta’ raġunament numeriku, ħmistax-il mistoqsija b’livell ta’ diffikultà 4 u ħames mistoqsijiet b’livell ta’ diffikultà 3. B’hekk, l-EPSO ħa passi sabiex jiżgura livell ta’ diffikultà ekwivalenti għall-kandidati kollha.

146    Barra minn hekk, l-uniku mod kif it-Tribunal jista’ jqajjem dubju dwar il-fondatezza tat-tqassim tal-mistoqsijiet skont id-diversi livelli ta’ diffikultà huwa billi jagħmel eżami tal-mistoqsijiet kollha, eżami li huwa jista’ jagħmel biss jekk ikollu quddiemu diversi indizji li jindikaw li t-tqassim magħmul mill-organizzaturi kien ivvizzjat bi żbalji li jmorru lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom. Issa, fil-kawża ineżami, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti sempliċement esprimiet, f’termini ġenerali, dubji dwar il-validità u dwar il-livell ta’ diffikultà ta’ wħud mill-mistoqsijiet li jinsabu fil-lista tal-mistoqsijiet kollha, iżda b’ebda mod ma indikat li, ħlief għal mistoqsija annullata li fir-rigward tagħha ngħatat punt, hija kienet ġiet personalment suġġetta għal mistoqsijiet manifestament inadegwati jew invalidi fir-rigward tal-għan tas-SEI.

147    Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet motiv ma tistax tintlaqa’.

148    Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-EPSO

 L-argumenti tal-partijiet

149    Matul is-seduta, ir-rikorrenti esprimiet dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-EPSO kellux kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006.

150    Ir-Repubblika Taljana ppreċiżat li mill-Artikolu 82(5) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u mid-Dispożizzjonijiet ġenerali eżekuttivi dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt mal-Kummissjoni, adottati permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004 (ippubblikati fl-Informations administratives n° 49-2004, tal-1 ta’ Ġunju 2004, iktar ’il quddiem id-“DĠE MPK”), jirriżulta li l-kompetenza tal-EPSO hija limitata, fir-rigward tas-selezzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, għad-definizzjoni tal-eżamijiet u għall-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni u li din il-kompetenza ma tkoprix il-possibbiltà li jiġu miċħuda l-kandidati. B’hekk, skont ir-Repubblika Taljana, fil-kawża ineżami, din il-kompetenza kienet tappartjeni lill-istituzzjonijiet li kellhom interess fl-istabbiliment ta’ database ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

151    Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(5) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, “[l-EPSO], fuq it-talba tagħhom, għandu jipprovdi għajnuna lill-istituzzjonijiet differenti bl-iskop ta’ l-għażla tal-persunal bil-kuntratt, partikolarment billi jkun definit il-kontenut tat-testi u l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ l-għażla”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2002/620, “[l-EPSO] jista’ jgħin lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew skond it-Trattati f’kompetizzjonijiet interni u fl-għażla ta’ aġenti oħrajn”. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5(2) tad-DĠE MPK jipprovdi li l-eżamijiet intiżi sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità tal-kandidati fir-rigward tar-raġunament verbali u numeriku “għandhom jiġu organizzati mill-EPSO jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

152    F’din il-kawża, u sa fejn mill-formulazzjoni stess tas-SEI jirriżulta li din kienet ġiet ippubblikata mill-EPSO “f’isem l-istituzzjonijiet Ewropej u b’mod partikolari f’isem il-Kummissjoni u l-Kunsill”, l-EPSO kellu l-kompetenza, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, sabiex jorganizza l-eżamijiet ta’ preselezzjoni u sabiex jiċħad il-kandidaturi tal-kandidati li ma jkunux għaddew mill-imsemmija eżamijiet.

153    Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-EPSO sabiex jadotta d-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006 ma jistax jintlaqa’.

154    B’hekk, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006 għandhom jiġi miċħuda, kif ukoll, b’konsegwenza ta’ dan, it-talbiet għall-annullament tad-“deċiżjoni [tal-]EPSO u/jew tal-Bord tal-Għażla li [ir-rikorrenti] ma tiġix inkluża fid-database tal-kandidati li jkunu għaddew mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni”.

155    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

156    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija Regoli, dwar l-ispejjeż, japplikaw biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri mill-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea rilevanti f’dan il-qasam jibqgħu japplikaw mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal qabel din id-data.

157    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-Artikolu 88 tal-istess Regoli, fil-kawżi bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

158    Bl-istess mod, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Seduta Plenarja)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      M.‑T. Angioi u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, partijiet intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Mahoney

 

      Gervasoni

Kreppel

Tagaras

Van Raepenbusch

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Ġunju 2011.

Ir-Reġistratur

 

       Il-President

W. Hakenberg

 

       P. Mahoney


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.