Language of document : ECLI:EU:F:2010:9

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

23 ta’ Frar 2010

Kawża F-7/09

Marie-Hélène Faria

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Proċedura ta’ evalwazzjoni 2006/2007 — Talba għal annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Kumpens għad-dannu morali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M.‑H. Faria essenzjalment titlob, minn naħa, lannullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2006 u t-30 ta’ Settembru 2007 u, min-naħa l‑oħra, il-kundanna tal-UASI għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 100 000 għad-danni u interessi bħala kumpens tad-danni morali allegatament subiti minnha.

Deċiżjoni: Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti, redatt mill-UASI għall‑perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007, huwa annullat. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-UASI għandu jbati, barra mill-ispejjeż tiegħu, tliet kwarti mill-ispejjeż tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Ħin tax-xogħol dedikat għal żewġ funzjonijiet differenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Evalwazzjoni tal-effiċjenza ta’ uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Suġġett tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

6.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

7.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikors għad-danni — Annullament tal-att illegali kkontestat — Kumpens adegwat għad-dannu morali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Ma huwiex għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu ma’ dik ta’ persuni inkarigati li jevalwaw ix-xogħol tal-persuna li qed isirilha r-rapport, billi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-uffiċjali tagħhom. Għalhekk, ħlief f’każ ta’ żball fattwali, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter, ma huwiex għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jivverifika l-fondatezza tal‑evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni, f’rapport ta’ evalwazzjoni, fir‑rigward tal-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal, meta dan jinvolvi deċiżjonijiet kumplessi ta’ valur li, min-natura tagħhom, ma humiex suxxettibbli għal verifika oġġettiva.

(ara l-punt 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Ġunju 1983, Seton vs Il‑Kummissjoni, 36/81, 37/81 u 218/81, Ġabra p. 1789, punt 23; Il-Qorti Ġenerali: 24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑63/89, Ġabra p. II‑19, punt 19; 26 ta’ Ottubru 1994, Marcato vs Il‑Kummissjoni, T‑18/93, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑681, punt 45; 20 ta’ Mejju 2003, Pflugradt vs BĊE, T‑179/02, ĠabraSP p. I‑A‑149 u II‑733, punt 46; 25 ta’ Ottubru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑96/04, ĠabraSP p. I‑A‑343 u II‑1523, punt 41; 13 ta’ Lulju 2006, Andrieu vs Il‑Kummissjoni, T‑285/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑161 u II‑A‑2‑775, punt 99

2.      Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni meta jiġi stabbilit ir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu, uffiċjal tal-Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) jista’ jibbaża ruħu fuq tqabbil bejn il-verżjonijiet differenti ta’ dan ir-rapport jekk dawn ikunu ffinalizzati, jiġifieri, li jkunu ffirmati mill-evalwatur u mill-validatur, u jekk dawn huma parti mill-proċedura ta’ tħejjija tar-rapport ta’ evalwazzjoni previst mid‑Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar‑Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Uffiċċju u li jintużaw f’każijiet fejn il‑persuna kkonċernata ma taqbilx mal-kontenut tal-verżjonijiet differenti tar‑rapport ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punt 45)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 6 ta’ Marzu 2008, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑46/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑69 u II‑A‑1‑337, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Rapport ta’ evalwazzjoni b’ineżattezza materjali huwa vvizzjat meta jindika li, fuq il-perijodu kollu ta’ referenza, uffiċjal ikun qatta’ nofs il-ħin tax-xogħol tiegħu f’pożizzjoni waħda u n-nofs l-ieħor f’pożizzjoni oħra, u li għalhekk jevalwa l‑ħidma tal-uffiċjal fuq dik il-bażi, billi b’dan il-mod jirriżulta, li billi jiżdiedu l‑perċentwali differenti ta’ ħin ta’ xogħol skont il-pożizzjoni, li dan l-uffiċjal ikun iddedika ftit inqas minn żewġ terzi taż-żmien tiegħu fl-ewwel pożizzjoni u ftit iktar minn terz fit-tieni waħda.

(ara l-punti 48 u 49)

4.      Minħabba fl-impatt tiegħu fuq l-effiċjenza jew il-kondotta fis-servizz ta’ uffiċjali, l-eċċess ta’ xogħol, meta dan huwa f’ammont mhux tas-soltu, jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi li l-istituzzjonijiet ma jistgħux jinjoraw fl-evalwazzjoni tax‑xogħol tal-membri tal-persunal tagħhom.

Jekk l-evalwaturi, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom, huma liberi li jiddeterminaw kif dawn ser jikkunsidraw eċċess ta’ xogħol mhux tas-soltu u li, skont il-każ, jiddeterminaw jekk humiex ser ibiddlu l-kriterji tagħhom ta’ evalwazzjoni, huma madankollu ma jistgħux jinjoraw kompletament l-eċċess ta’ xogħol, l-evalwazzjonijiet fir-rapport ta’ evalwazzjoni għandhom jindikaw li dan ittieħed inkunsiderazzjoni, anki jekk dan isir biss fil-qosor.

Fost il-limitazzjonijiet varji u d-diffikultajiet li l-evalwaturi għandhom jikkunsidraw meta jevalwaw il-livell tal-prestazzjoni ta’ uffiċjal jew tal-kondotta tiegħu fis‑servizz hemm dawk relatati man-nuqqas ta’ membri tal-persunal u l-eċċess ta’ xogħol li jirriżulta minn dan għall-uffiċjali kkonċernati.

Il-qadi ta’ żewġ funzjonijiet jirrappreżenta, minnu nniffsu, eċċess manifest ta’ xogħol għall-uffiċjali, li rapport ta’ evalwazzjoni għandu għalhekk jirreferi għalih.

(ara l-punti 52 u 53)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali: 31 ta’ Jannar 2007, Aldershoff vs Il‑Kummissjoni, T‑236/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑13 u II‑A‑2‑75, punt 85

5.      L-evalwazzjoni ġenerali għandha tirrifletti l-evalwazzjonijiet analitiċi fi ħdan l‑istess rapport ta’ evalwazzjoni.

Li jiġi ammess li titjib sinjifikattiv li jsir lill-evalwazzjonijiet analitiċi jista’ ma jwassalx għal bidla fl-evalwazzjoni ġenerali, jiġifieri dawk li huma partikolarment meħuda inkunsiderazzjoni fil-mument tal-proċedura ta’ promozzjoni, jikser il‑ħtieġa ta’ konsistenza bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ evalwazzjonijiet.

(ara l-punti 55 u 57)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali: 7 ta’ Marzu 2007, Sequeira Wandschneider vs Il‑Kummissjoni, T‑110/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑73 u II‑A‑2‑533, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Rapport ta’ evalwazzjoni li fih ineżattezza materjali dwar il-ħin iddedikat mill‑uffiċjal ikkonċernat għal kull waħda mill-funzjonijiet evalwati f’dan ir‑rapport huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, billi huwa nieqes minn kull referenza għall-ammont ta’ xogħol tal-uffiċjal u billi huwa inkonsistenti mal-ewwel verżjonijiet ta’ dan ir-rapport.

(ara l-punt 58)

7.      L-annullament ta’ att amministrattiv kkontestat minn uffiċjal jista’ jikkostitwixxi fih innifsu rimedju xieraq u, bħala prinċipju, biżżejjed għal kull ħsara materjali li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikun seta’ sofra, ħlief fejn l-att illegali tal-amministrazzjoni jinkludi evalwazzjoni tal-kompetenzi jew tal-aġir tal‑uffiċjal li jistgħu jkunu ta’ dannu għalih.

(ara l-punt 64)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali: 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, ĠabraSP p. I‑A‑277 u II‑1267, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata