Language of document : ECLI:EU:C:2011:509

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Lulju 2011 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali – Klawżola ta’ ‘Standstill’ − Libertà ta’ stabbiliment − Rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza ta’ ċittadin Tork li stabbilixxa negozju bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan il-permess – Abbuż ta’ dritt”

Fil-Kawża C-186/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales), (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ April 2010, fil-proċedura

Tural Oguz

vs

Secretary of State for the Home Department,

fil-preżenza ta’:

Centre for Advice on Individual Rights in Europe,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Oguz, minn J. Walsh u P. Haywood, barristers,

–        għaċ-Centre for Advice on Individual Rights in Europe, minn S. Cox u C. Banner, barristers, kif ukoll minn L. Barratt, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn R. Palmer, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Paasivirta u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11 p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn T. Oguz, ċittadin Tork, u s-Secretary of State for the Home Department (Ministru tal-Intern, iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”), dwar id-deċiżjoni li biha dan tal-aħħar irrifjuta li jġedded il-permess ta’ residenza fir-Renju Unit tal-persuna kkonċernata, bħala ħaddiem għal rasu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 L-assoċjazzjoni KEE-Turkija

3        Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, min-naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-28 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija”), huwa intiż sabiex jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll bl-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ għajxien tal-poplu Tork u sussegwentment li tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità.

4        Il-Protokoll Addizzjonali li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, huwa parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u l-miżuri ta’ implementazzjoni tal-fażi tranżitorja prevista fl-Artikolu 4 tal-imsemmi ftehim.

5        L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jistabbilixxi klawżola ta’ “Standstill” fil-kliem li ġej:

 “Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi”.


 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Il-Liġi tal-1971 dwar l-Immigrazzjoni (Immigration Act 1971) tipprovdi:

“[...]

3.      Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ regolament u ta’ kontroll

1)      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet kuntrarji ta’ din il-liġi, jew adottati taħt din il-liġi, persuna li ma hijiex ċittadina Brittanika

a)      ma tistax tidħol fir-Renju Unit ħlief b’permess mogħti skont din il-liġi, jew taħt din il-liġi;

b)      tista’ titħalla tidħol fir-Renju Unit (jew, jekk hija diġà hemmhekk, tirrisjedi hemmhekk) għal żmien limitat jew le;

c)      jekk hija kisbet permess temporanju ta’ dħul fir-Renju Unit jew ta’ residenza hemmhekk, dan il-permess jista’ jkun suġġett għal waħda jew għall-kundizzjonijiet segwenti, jiġifieri :

(i)      kundizzjoni li tirristrenġi l-impjieg tagħha jew l-attivitajiet tagħha fir-Renju Unit ;

[...]

2)      Is-Secretary of State għandu minn żmien għal żmien (u meta jkun possibbli) jippreżenta lill-Parlament ir-regoli jew, jekk ikun il-każ, l-emendi tagħhom, li huwa stabbilixxa fir-rigward tal-prassi li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi bil-għan tad-dħul jew tar-residenza fir-Renju Unit ta’ persuni obbligati, skont din il-liġi, jitolbu permess biex jidħlu, inkluż ir-regoli kollha relatati mat-tul tad-dħul u mal-kundizzjonijiet relatati f’diversi każijiet; [...]

3)      Fil-każ fejn id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza fir-Renju Unit huwa suġġett għal restrizzjonijiet:

a)      il-permess mogħti lil persuna jista’ jiġi emendat, sabiex jiġi ristrett jew estiż it-tul tiegħu, jew sabiex dan isir illimitat, jew sabiex jiżdiedulu kundizzjonijiet, jew sabiex dawn jiġu emendati jew irrevokati iżda, jekk il-limitu tat-tul jitneħħa, il-kundizzjonjiet kollha marbuta mal-permess għandhom jieqfu japplikaw.

[…]”

7        Ir-Regoli dwar il-Kontroll tal-Immigrazzjoni tal-1972 (Statement of Immigration Rules for Control after Entry) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-1972 dwar l-immigrazzjoni”) jipprevedu:

“Parti A. Emenda tal-permess ta’ dħul jew ta’ residenza

Taqsima I Dispożizzjonijiet Ġenerali

[...]

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

[...]

4.      Il-punti segwenti jenumeraw il-kategoriji prinċipali ta’ persuni li jistgħu jingħataw permess ta’ dħul limitat fir-Renju Unit u li jistgħu jippruvaw jiksbu emenda tal-permess ta’ residenza tagħhom, kif ukoll il-prinċipji li għandhom jiġu segwiti meta jiġu ttrattati l-applikazzjonijiet tagħhom jew meta tiġi ttrattata kull emenda tal-permess ta’ residenza tagħhom. Id-deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Il-fatt li applikant jissodisfa l-kriterji formali dwar ir-regoli ta’ residenza jew ta’ estenzjoni ta’ residenza, fid-dawl tal-impieg li huwa għandu l-intenzjoni jeżerċita, ma jikkostitwixxix element deċiżiv favurih. Per eżempju, ikun rilevanti li jsir magħruf jekk il-persuna inkwistjoni osservatx iż-żmien u l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom hija tħalliet tidħol fir-Renju Unit, jekk, fid-dawl tal-karattru tagħha, tal-kondotta tagħha jew tal-persuni li hija tiffrekwenta, ma huwiex mixtieq li hija tiġi awtorizzata tibqa, jekk hija tirrapreżentax periklu għas-sigurtà nazzjonali, jew jekk, la darba tkun ġiet awtorizzata tibqa għall-perijodu li hija tixtieq, ikun possibbli li hija ma tkunx tista’ tintbagħat f’pajjiż ieħor.

[...]

Negozjanti u persuni li jaħdmu għal rashom

21.      Il-persuni li jitħallew jidħlu fir-Renju Unit bħala turisti jistgħu jitolbu lis-Secretary of State l-permess li jistabbilixxu rwieħhom hemmhekk bil-għan li jistabbilixxu negozju, jew għal rashom, jew bħala msieħba f’negozju ġdid jew f’negozju eżistenti. Kull applikazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-karatteristiċi rilevanti tagħha. Il-ħruġ ta’ permess jiddependi fuq ċertu numru ta’ fatturi, inkluża l-prova li l-applikant ser jinvesti fin-negozju assi li huma tiegħu, fi proporzjon mal-interessi tiegħu f’dan in-negozju, li huwa jkun jista’ jsostni l-parti tiegħu tal-obbligi tan-negozju, li l-parti tiegħu tal-profitti tan-negozju tkun biżżejjed biex issosnti lilu u lill-membri tal-familja tiegħu. Is-sehem tal-applikant fin-negozju ma għandhux jikkostitwixxi impjieg moħbi u għandu jkun ċar li dan ma għandux jissuplimenta l-attivitajiet kummerċjali tiegħu permezz ta’ impjieg li għalih huwa meħtieġ permess ta’ xogħol. […]”

8        Huwa paċifiku li r-Regoli tal-1972 dwar l-immigrazzjoni, li kienu fis-seħħ fid-data li fiha l-Protokoll Addizzjonali daħal fis-seħħ fir-rigward tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1973, jikkostitwixxu d-dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini Torok, meta huma jkunu f’pożizzjoni li jinvokaw l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali sabiex jibbenefikaw mill-klawżola ta’ “Standstill” prevista fih. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija regoli huma iktar favorevoli, fir-rigward tat-trattament tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza ta’ persuni li għandhom l-intenzjoni jaħdmu għal rashom f’dan l-Istat Membru, mir-Regoli dwar il-Kontroll tal-Immigrazzjoni tal-2008 (Statement of Immigration Rules 2008, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-2008 dwar l-immigrazzjoni”), li kienu fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        T. Oguz tħalla jidħol fir-Renju Unit bħala student fis-27 ta’ Ottubru 2000. Il-permess ta’ residenza tal-persuna kkonċernata f’din il-kwalità ġie mġedded diversi drabi, u l-aħħar permess mogħti skada fil-31 ta’ Awwissu 2006. Dawn il-permessi ta’ residenza kienu suġġetti għall-kundizzjoni li T. Oguz ma kienx “jinvolvi ruħu f’negozju jew fi professjoni mingħajr il-kunsens tas-Secretary of State for the Home Department”.

10      Fit-18 ta’ Awwissu 2006, l-aġenzija ministerjali li teżamina l-applikazzjonijiet għal permess ta’ xogħol fir-Renju Unit [Work Permits (UK)] informat lil Trade Link Company Limited (iktar ’il quddiem “Trade Link”) li hija kienet laqgħet l-applikazzjoni ta’ din il-kumpannija intiża sabiex jinħareġ permess ta’ xogħol lil T. Oguz. Sussegwentement, dan tal-aħħar ibbenefika minn estenzjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu għal perijodu ta’ ħames snin mid-29 ta’ Awwissu 2006, bħala titular ta’ permess tax-xogħol. Dan il-permess il-ġdid kien suġġett għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jinsabu fil-permess li kien inħariġlu meta wasal fir-Renju Unit.

11      Fis-16 ta’ Novembru 2006, T. Oguz ġie informat minn Trade Link bit-tkeċċija tiegħu b’effett immedjat, għal raġunijiet ekonomiċi. Fl-14 ta’ Novembru 2007, applikazzjoni ġdida għal permess ta’ xogħol, ippreżentata mill-persuna kkonċernata sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ Direttur kummerċjali ta’ gazzetta, ġiet miċħuda mill-awtoritajiet kompetenti, minħabba li r-rekwiżiti relatati mal-funzjonijiet inkwistjoni kienu ġew ifformulati b’mod wisq restrittiv u setgħu jiddiswadu ħaddiema residenti milli japplikaw għal dan l-impjieg.

12      Fl-20 ta’ Marzu 2008, T. Oguz applika għal permess ta’ residenza ġdid fir-Renju Unit, bħala ħaddiem għal rasu, abbażi tar-Regoli tal-1972 dwar l-immigrazzjoni.

13      Din l-applikazzjoni, li kienet tikkonċerna l-impjieg bħala konsulent ta’ servizzi finanzjarji u tal-marketing, kienet tindika li T. Oguz kien diġà beda jaħdem għal rasu f’din id-data. Sussegwentement, il-persuna kkonċernata kkonfermat li hija kienet stabbilixxiet in-negozju tagħha fi Frar 2008 u li kienet qed toperah minn Marzu tal-istess sena. Madankollu, fit-2 ta’ Settembru 2008, hija informat lill-awtoritajiet kompetenti li hija kienet waqfet taħdem għal rasha fil-11 ta’ Awwissu 2008 u li hija ma kellhiex l-intenzjoni terġa’ tibda tagħmel dan sakemm kienet ittieħdet deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tagħha.

14      L-applikazzjoni ta’ T. Oguz ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-Secretary of State tal-21 ta’ Ottubru 2008, abbażi tar-Regoli tal-2008 dwar l-immigrazzjoni. Barra minn hekk, il-permess ta’ residenza li l-persuna kkonċernata kellha fil-pussess tagħha tnaqqas minħabba li hija ma kinitx iktar tissodisfa l-kundizzjonijiet li għalihom dan kien suġġett.

15      Din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet immotivata bil-fatt li l-appellant fil-kawża prinċipali kien beda jaħdem għal rasu bi ksur tal-kundizzjonijiet li għalihom kien suġġett il-permess ta’ residenza preċedenti li huwa kien jibbenefika minnu bħala titulari ta’ permess ta’ xogħol u bil-fatt li huwa ma kienx informa lis-Secretary of State li kien waqaf jaħdem ma’ Trade Link. Tali ksur huwa ekwivalenti għal frodi jew għal abbuż li jipprojbixxuh milli jibbenefika mill-klawżola ta’ “Standstill” li tinsab fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

16      L-appellant fil-kawża prinċipali appella kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Asylum and Immigration Tribunal (Tribunal tal-Ażil u tal-Immigrazzjoni) fl-4 ta’ Novembru 2008. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2009, l-Immigration Judge (Imħallef tal-Immigrazzjoni) ċaħad dan l-appell. Huwa kkonstata li T. Oguz ma kienx aġixxa b’mod frawdolenti u li s-Secretary of State kien ġie informat dwar il-waqfien tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu ma’ Trade Link fl-1 ta’ Ġunju 2007. Madankollu, T. Oguz kien kiser il-kundizzjonijiet li għalihom kien suġġett il-permess ta’ residenza li huwa kien jibbenefika minnu bħala titulari ta’ permess ta’ xogħol, billi stabbilixxa u opera negozju u, għalhekk, huwa ma setax jinvoka l-benefiċċju tal-klawżola ta’ “Standstill”.

17      T. Oguz ippreżenta talba għal eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2009, is-Senior Immigration Judge (Imħallef Superjuri tal-Immigrazzjoni) ikkunsidra li l-Immigration Judge ma kien wettaq ebda żball ta’ liġi u, għaldaqstant, ikkunsidra li ċ-ċaħda tal-appell ta’ T. Oguz kienet fondata.

18      Fil-11 ta’ Novembru 2009, T. Oguz ġie awtorizzat jappella quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division). Is-Centre for Advice on Individual Rights in Europe, korp ta’ benefiċjenza li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi informazzjoni u pariri fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, ġie awtorizzat jintervjeni fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju.

19      Din il-qorti tistaqsi jekk il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2001, Kondova (C‑235/99, Ġabra p. I‑6427) tistax tiġi trasposta għal fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Jekk ċittadin Tork, li jkollu permess joqgħod fir-Renju Unit bil-kundizzjoni li ma jinvolvix ruħu f’negozju jew fi professjoni, jibda jaħdem bħala persuna li taħdem għal rasha bi ksur ta’ din il-kundizzjoni u mbagħad japplika mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jestendi dan il-permess fuq il-bażi tan-negozju li jkun stabbilixxa, ikun[x] eliġibbli sabiex jibbenefika mill-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali […]?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn ċittadin Tork, li l-permess ta’ residenza tiegħu fi Stat Membri huwa suġġett għall-kundizzjoni li ma jinvolvix ruħu f’negozju jew fi professjoni, li madankollu jibda jaħdem għal rasu bi ksur ta’ din il-kundizzjoni u li sussegwentement jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu abbażi tan-negozju li sa dak iż-żmien huwa stabbilixxa.

21      Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk T. Oguz ma setax jinvoka l-klawżola ta’ “Standstill” prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza ġdid bħala ħaddiem għal rasu tkun irrifjutata awtomatikament abbażi tar-Regoli tal-2008 dwar l-immigrazzjoni. Min-naħa l-oħra, applikazzjoni eventwali ta’ din il-klawżola ta’ “Standstill” tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jevalwaw l-applikazzjoni tal-appellant fil-kawża prinċipali skont ir-Regoli tal-1972 dwar l-immigrazzjoni.

22      L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprekludi l-adozzjoni, mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti tal-att legali li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnu, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet sostantivi u/jew proċedurali dwar l-ewwel dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ta’ ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu hemmhekk mill-imsemmija libertajiet ekonomiċi (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari, C‑16/05, Ġabra p. I‑7415, punt 69, kif ukoll tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑92/07, p. I‑3683, punt 47).

23      Skont ġurisprudenza kostanti, l-imsemmija dispożizzjoni għandha effett dirett fl-Istati Membri, b’mod li d-drittijiet li tagħti liċ-ċittadini Torok li fir-rigward tagħhom hija tapplika jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali biex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontriha. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi, fi kliem ċar, preċiż u mingħajr kundizzjonijiet, klawżola mhux ekwivoka ta’ “Standstill”, li tinkludi obbligu aċċettat mill-partijiet kontraenti li jammonta legalment għal dmir li ma titteħidx azzjoni (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas, C‑37/98, Ġabra p. I‑2927, punti 46 sa 54, kif ukoll tad-19 ta’ Frar 2009, Soysal u Savatli, C‑228/06, Ġabra p. I‑1031, punt 45).

24      Id-dritt ta’ T. Oguż li jinvoka l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali quddiem il-qrati nazzjonali bil-għan li jiġu applikati fir-rigward tiegħu r-Regoli tal-1972 dwar l-immigrazzjoni huwa kkontestat mis-Secretary of State, minħabba li applikazzjoni għal permess ta’ residenza bbażata fuq ħidma bħala persuna li taħdem għal rasha, sussegwentement għal ksur ta’ kundizzjoni marbuta mar-residenza li tipprojbixxi lill-persuna kkonċernata milli taħdem għal rasha, tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt. Tali abbuż jipprekludi li l-persuna kkonċernata tinvoka l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ “Standstill”.

25      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuni suġġetti għal-liġi ma jistgħux jipprevalu ruħhom b’mod frawdolenti jew abbużiv mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u li l-qrati nazzjonali jistgħu, każ b’każ, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, jikkunsidraw l-imġiba abbużiva jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati sabiex jirrifjutawlhom, jekk ikun il-każ, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt. Madankollu, fl-evalwazzjoni ta’ tali imġiba l-imsemmija qrati huma obbligati, iqisu l-għanijiet li jridu jilħqu d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni (ara, s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C‑212/97, Ġabra p. I‑1459, punt 25, kif ukoll tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y, C‑436/00, Ġabra p. I‑10829, punt 42).

26      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma huwiex tali li jagħti lil ċittadin Tork dritt sostantiv, f’dan il-każ id-dritt ta’ stabbiliment, peress li dan jibqa’ rregolat mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Soysal u Savatli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

27      Fil-fatt, il-klawżola ta’ “Standstill” li tinsab f’din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex toħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-istabbiliment progressiv tad-dritt ta’ stabbiliment, permezz tal-projbizzjoni assoluta fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali li jintroduċu ostakoli ġodda għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà billi jiġu aggravati l-kundizzjonijiet eżistenti f’data preċiża, għall-finijiet li ma jsirx iktar diffiċli t-twettiq gradwali tagħha bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija (ara, is-sentenzi Tum u Dari, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 2010, Toprak u Oguz, C‑300/09 u C‑301/09, p. I‑12845, punt 53).

28      Klawżola ta’ “Standstill”, bħal dik stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, ma toperax bħala regola sostantiva, billi tirrendi inapplikabbli d-dritt sostantiv rilevanti li tissostitwixxi, iżda bħala regola ta’ natura kważi proċedurali, li tistabbilixxi, ratione temporis, liema huma d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ stabbiliment fi Stat Membru (sentenza Tum u Dari, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

29      Fil-kawża prinċipali din il-klawżola ta’ “Standstill” hija limitata tiddetermina d-dispożizzjonijiet tal-liġi tar-Renju Unit dwar l-immigrazzjoni li fid-dawl tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali huma mitluba jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni ta’ T. Oguz intiża sabiex jingħata permess ta’ residenza ġdid bħala persuna li taħdem għal rasha, mingħajr ma tippreġudika bl-ebda mod l-evalwazzjoni dwar il-mertu ta’ din l-applikazzjoni.

30      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-appellant fil-kawża prinċipali jindika li imġiba abużiva eventwali min-naħa tiegħu tista’ xorta waħda tittieħed inkunsiderazzjoni fi stadju ulterjuri fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, jiġifieri fl-istadju tal-applikazzjoni tar-Regoli tal-1972 dwar l-immigrazzjoni. Matul is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit ikkonferma li l-paragrafu 4 ta’ dawn ir-regoli jipprevedi mekkaniżmu li jippermetti li jiġu ssanzjonati l-abbużi ta’ dritt.

31      Għaldaqstant il-klawżola ta’ “Standstill” ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jissanzjonaw l-imġiba abużiva fil-qasam tal-immigrazzjoni fil-kuntest tad-dritt nazzjonali.

32      L-applikazzjoni tal-klawżola ta’ “Standstill” għandha għaldaqstant tinftihem bħala li tinsab fi stadju preċedenti għal dak tal-evalwazzjoni tal-mertu tal-kawża, inkluż ta’ dik tal-eventwali eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt imputabbli lill-persuna kkonċernata.

33      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk, fid-data li fiha ċittadin Tork jippreżenta applikazzjoni biex jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ Stat, ir-residenza tiegħu f’dan l-Istat hijiex legali jew le hija rrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-klawżola ta’ “Standstill” (ara, is-sentenza Tum u Dari, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

34      Għaldaqstant, skont din il-ġurisprudenza, il-fatt li persuna, bħal T. Oguz, ma osservatx il-kundizzjonijiet li kien suġġett għalihom il-permess ta’ residenza tagħha ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

35      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi barra minn hekk dwar l-applikazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni prinċipali ta’ kunsiderazzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kondova, iċċitata iktar ’il fuq.

36      F’din is-sentenza, li kienet tikkonċerna l-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija min-naħa l-oħra, konkluż u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni [94/908/KE, KEFA, Euratom] tal-Kunsill u l-Kummissjoni, tad-19 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 532, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk kien permess li ċ-ċittadini Bulgari jippreżentaw fi kwalunkwe mument applikazzjoni għal stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti, minkejja ksur preċedenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, l-imsemmija ċittadini setgħu jiġu mwassla jibqgħu fit-territorju tal-imsemmi Stat f’sitwazzjoni ta’ illegalità u ma jkunux suġġetti għas-sistema nazzjonali ta’ kontroll ħlief ladarba jkunu sodisfatti r-rekwiżiti sostantivi previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni (sentenza Kondova, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li tali interpretazzjoni toħloq ir-riskju li jitneħħa l-effett utli tal-Artikolu 59(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija u li jkunu permessi abbużi billi jiġi legalizzat ksur tal-liġijiet nazzjonali dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin (sentenza Kondova, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

38      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ċittadin Bulgaru li filwaqt li għandu l-intenzjoni jibda jaħdem bħala ħaddiem jew bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru, jeludi l-kontrolli rilevanti tal-awtoritajiet nazzjonali, permezz ta’ dikjarazzjoni falza li mar f’dan l-Istat għal finijiet ta’ xogħol staġjonali, iqiegħed lilu nnifsu barra mill-isfera ta’ protezzjoni li intitolat għaliha abbażi ta’ dan il-ftehim ta’ assoċjazzjoni (sentenza Kondova, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

39      Billi jibbaża ruħu fuq din il-ġurisprudenza, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-klawżola ta’ “Standstill”, prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi evitata b’mod abbużiv sistema nazzjonali ta’ kontroll minn qabel. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis-sentenza Kondova, iċċitata iktar ’il fuq, li kieku kien permess li ċ-ċittadini Torok jippreżentaw fi kwalunkwe mument applikazzjoni għal stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti, dawn ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-klijentela u l-fondi kummerċjali li huma jkunu eventwalment bnew matul residenza illegali fl-Istat Membru ospitanti, jew fuq il-fondi li huma jkunu akkumulaw fih, inkluż jekk ikun il-każ billi ħadmu, u għaldaqstant ikunu jistgħu jippreżentaw ruħhom lill-awtoritajiet nazzjonali bħala ħaddiema għal rashom li jeżerċitaw issa, jew li jistgħu jeżerċitaw, attività vijabbli, u li d-drittijiet tagħhom għandhom jiġu rikonoxxuti skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija.

40      Tali argument ma jistax jintlaqa’.

41      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li l-kuntest fattwali tal-kawża li tat lok għas-sentenza Kondova, iċċitata iktar ’il fuq, kellu differenzi sinjifikattivi meta mqabbel ma’ dak ta’ din il-kawża prinċipali.

42      Fil-fatt, kuntrarjament għal T. Oguz, li kien legalment awtorizzat jidħol u jirrisjedi fir-Renju Unit u li sab ruħu f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzonali, biss għaliex huwa stabbilixxa negozju, tmien snin wara d-dħul tiegħu f’dan l-Istat Membru, E. Kondova kienet ammettiet li, bil-għan li tidħol fir-Renju Unit, hija kienet intenzjonalment qarqet kemm l-uffiċjal inkarigat milli jeżamina l-applikazzjonijiet għal permess ta’ dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat, li kien ħarġilha l-visa tagħha fil-Bulgarija, kif ukoll l-uffiċjal tad-dipartiment tal-immigrazzjoni li kien interrogaha meta waslet fir-Renju Unit.

43      Għaldaqstant, kien paċifiku li, b’din l-imġiba, E. Kondova kienet ħatja ta’ ksur tar-regoli dwar l-ewwel dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, li għalihom dan l-Istat kien responsabbli.

44      Barra minn hekk, il-kuntest leġiżlattiv inkwistjoni fil-kawża Kondiva kien differenti wkoll. Kuntrarjament għall-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, l-Artikolu 45(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija kien jikkostitwixxi r-regola tad-dritt sostantiv li abbażi tagħha l-mertu tal-applikazzjoni għal stabbiliment kellu jiġi evalwat u li E. Kondova kienet akkużata bil-ksur tagħha. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, kull Stat Membru kellu jagħti liċ-ċittadini Bulgari stabbiliti fit-territorju tiegħu trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu stess. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u tal-fatt li ebda klawżola ta’ “Standstill” ma tinsab fl-Artikolu 45(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Bulgarija, din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala li hija ta’ natura differenti minn dik tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonjiet tagħha, ma huwiex sorprendenti li, fis-sentenza Kondova, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat il-possibbiltà li l-benefiċċju ta’ dan id-dritt sostantiv jiġi miċħud għal raġunijiet ta’ abbuż ta’ dritt. Il-konklużjoni li tinsilet f’din il-kawża ma tistax tiġi trasposta għal klawżola ta’ “Standstill”, bħal dik prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, peress li din il-klawżola la tagħti dritt sostantiv ta’ stabbiliment u lanqas ta’ trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat.

46      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn ċittadin Tork, li l-permess ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru huwa suġġett għall-kundizzjoni li ma jinvolvix ruħu f’negozju jew fi professjoni, li madankollu jibda jaħdem għal rasu bi ksur ta’ din il-kundizzjoni u li sussegwentement jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu abbażi tan-negozju li sa dak iż-żmien huwa stabbilixxa.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn ċittadin Tork, li l-permess ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru huwa suġġett għall-kundizzjoni li ma jinvolvix ruħu f’negozju jew fi professjoni, li madankollu jibda jaħdem għal rasu bi ksur ta’ din il-kundizzjoni u li sussegwentement jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu abbażi tan-negozju li sa dak iż-żmien huwa stabbilixxa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.