Language of document : ECLI:EU:C:2020:457

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet – Possibbiltà għall-amministrazzjoni li tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni quddiem il-qorti – Kundizzjonijiet – Każijiet eċċezzjonali – Kunċett ta’ ‘assenza ta’ motivazzjoni’”

Fil-Kawża C‑114/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑8 ta’ Frar 2019,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Mongin u G. Gattinara, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Danilo Di Bernardo, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Orlandi u T. Martin, avocats,

rikorrent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Novembru 2018, Di Bernardo vs Il‑Kummissjoni (T‑811/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:859), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali abbażi ta’ eżamijiet EPSO/AST‑SC/03/15 tal‑10 ta’ Awwissu 2016, li ma tinkludix lil Danilo Di Bernardo fil-lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ segretarji/skrivani tal-grad SC 1, fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

2        Matul is-sena 2015 ġiet organizzata l-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST‑SC/03/15 bil-għan li jiġu stabbiliti listi ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ “Segretarji/Skrivani (SC 1 u SC 2)” fi tliet oqsma, b’mod partikolari dak tal-appoġġ finanzjarju.

3        Minbarra s-suċċess fl-eżamijiet, il-punt 2 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni dwar din il-kompetizzjoni ġenerali (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”) kien jeżiġi, fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju: “Edukazzjoni sekondarja ċċertifikata b’diploma li tagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekondarja, segwita minn esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, relatata l-aktar man-natura tad-dmirijiet”.

4        It-Titolu VI tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati mill-Bord tal-Għażla, wara r-riżultati tal-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, abbażi tad-dokumenti ta’ sostenn mehmuża mill-kandidati għall-kandidatura elettronika tagħhom.

5        Peress li kien kandidat għall-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju, D. Di Bernardo ppreżenta d-dokumenti ta’ sostenn li jiċċertifikaw il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tiegħu u ħa sehem fit-testijiet tad-dħul u fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni.

6        Permezz ta’ posta elettronika tal‑14 ta’ Settembru 2015, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) informa lil D. Di Bernardo li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni xtaq jirċievi iktar informazzjoni dwar l-esperjenza professjonali li huwa semma fl-entrati 2, 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura tiegħu. Dan il-Bord tal-Għażla xtaq b’mod partikolari jikseb xi dokumenti ffirmati mill-persuni li kienu jimpjegawh qabel, li jiddeskrivu b’mod iddettaljat il-funzjonijiet imwettqa minnu waqt din l-esperjenza professjonali, kif ukoll kopji ta’ kuntratti ta’ xogħol, li jindikaw b’mod ċar id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-imsemmija kuntratti.

7        Permezz ta’ posta elettronika tal‑15 ta’ Settembru 2015, D. Di Bernardo bagħat id-dokumenti ta’ sostenn addizzjonali li jikkonċernaw l-entrati 2, 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura tiegħu.

8        Permezz ta’ posta elettronika tas‑17 ta’ Settembru 2015, l-EPSO wieġeb lil D. Di Bernardo u qallu li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni “[talbu] sabiex jibgħat deskrizzjoni ddettaljata tal-kompiti u ffirmata mill-persuna li kienet timpjegah għall-entrati 2, 5 u 6”.

9        Permezz ta’ posta elettronika tat‑18 ta’ Settembru 2015, D. Di Bernardo ddikjara li ma kienx jiddisponi minn tali dokumenti għall-entrati 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura tiegħu. Huwa ppreċiża li l-kumpannija Taljana li kienet timpjegah kienet ġiet xolta u li ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi dawn id-dokumenti. Għaldaqstant, huwa ppreżenta kopja tal-ftehim kollettiv nazzjonali tax-xogħol Taljan, li kien fih deskrizzjoni uffiċjali tal-funzjonijiet marbuta mal-kuntratti differenti ta’ xogħol, fosthom tiegħu, kif ukoll żewġ ittri mingħand din il-kumpannija Taljana u kuntratt ta’ xogħol konkluż mal-imsemmija kumpannija.

10      Permezz ta’ messaġġ elettroniku ieħor tat‑18 ta’ Settembru 2015, D. Di Bernardo bagħat lill-EPSO deskrizzjoni ddettaljata tal-funzjonijiet li kkonċernaw l-esperjenza professjonali msemmija fl-entrata 2 tal-att ta’ kandidatura tiegħu.

11      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Ottubru 2015, l-EPSO kkomunika lil D. Di Bernardo d-deċiżjoni tiegħu li ma jpoġġihx fil-lista tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni, minħabba li l-esperjenza professjonali msemmija fl-entrati 1 sa 7 tal-att ta’ kandidatura tiegħu ma laħqitx it-tul ta’ żmien minimu ta’ tliet snin marbut essenzjalment man-natura tal-funzjonijiet fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju, kif kien imsemmi fil-punt 2 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

12      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Novembru 2015, D. Di Bernardo ressaq talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni.

13      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, dan il-Bord tal-Għażla informa lil D. Di Bernardo li, wara eżami mill-ġdid, huwa kkonferma d-deċiżjoni tiegħu kkomunikata lilu fis‑27 ta’ Ottubru 2015. Huwa indika li, qabel ma beda xogħlu, kien iddefinixxa l-kriterji ta’ selezzjoni, sabiex jevalwa jekk il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tal-kandidati kinux jikkorrispondu tassew għall-kompetenzi meħtieġa għall-pożizzjonijiet li kellhom jimtlew. L-imsemmi bord tal-għażla ppreċiża lil D. Di Bernardo li, “wara eżami tad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati sabiex jiddokumenta l-esperjenza professjonali [tiegħu] imsemmija fl-entrati 2, 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura [tiegħu], [huwa] kkonkluda li dawn id-dokumenti ma jikkonfermawx li l-esperjenzja professjonali inkwistjoni [tiegħu] kienet marbuta essenzjalment man-natura tal-funzjonijiet, kif meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni”.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Novembru 2016, D. Di Bernardo talab l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-kumpens għad-dannu tiegħu.

15      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u ċaħdet il-kumplament tat-talbiet tar-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

17      D. Di Bernardo jitlob li l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

18      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

19      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tinvoka l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 41 sa 53 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li kellu l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni suffiċjentement il-kuntest ġuridiku u fattwali tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li n-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-kuntest tad-deċiżjoni kkonċernata u mhux skont il-kliem tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 16). Dan l-aggravju huwa maqsum f’seba’ partijiet.

20      Fl-ewwel lok, il-komunikazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni ma għandhiex l-importanza li tathom il-Qorti Ġenerali, fil-punti 41, 45 u 50 tas-sentenza appellata, fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif jikkonferma l-fatt li D. Di Bernardo qatt ma fittex li jkun jafhom.

21      Fit-tieni lok, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni semma fid-deċiżjoni kontenzjuża biss id-dokumenti ta’ sostenn tal-esperjenzi professjonali li jikkorrispondu għall-entrati 2, 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura ta’ D. Di Bernardo bl-ebda mod ma “jissuġġerixxi”, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li dan il-Bord tal-Għażla qies rilevanti l-esperjenzi professjonali li l-persuna kkonċernata semmiet għall-entrati l-oħra f’dan l-att. Għall-kuntrarju, iċ-ċaħda tal-kandidatura ta’ D. Di Bernardo timplika li l-imsemmi bord tal-għażla kkunsidra li dan tal-aħħar ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali rilevanti ta’ 36 xahar wara l-eżami tat-totalità tal-esperjenza professjonali msemmija fis-seba’ entrati fl-att ta’ kandidatura tiegħu.

22      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li t-talba għall-eżami mill-ġdid mressqa minn D. Di Bernardo kienet tindika li ma kienx jaf ir-raġunijiet li minħabba fihom l-esperjenza professjonali tiegħu ma kinitx suffiċjenti.

23      Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljat meta ddeċidiet, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-ġurisprudenza, li skontha, fil-każ ta’ kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, il-Bord tal-Għażla huwa awtorizzat jimmotiva r-rifjut ta’ għażla ta’ kandidat b’mod sommarju.

24      Fil-ħames lok, bil-kontra ta’ dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Bord tal-Għażla ma kienx marbut li jiżvela l-kriterji ta’ selezzjoni tat-titoli meta huwa ma rċieva l-ebda talba f’dan is-sens, mingħajr ma jikser is-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

25      Fis-sitt lok, li jiġi kkunsidrat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 49 sa 51 tas-sentenza appellata, li talba għal eżami mill-ġdid redatta mingħajr preċiżjoni, bħal dik ippreżentata minn D. Di Bernardo, tobbliga lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni jipprovdi spjegazzjonijiet iddettaljati għal kull entrata jwassal għat-trasferiment lil dan tal-aħħar tal-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-esperjenza professjonali meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Issa, l-oneru ta’ din il-prova huwa impost fuq il-kandidati, hekk kif jirriżulta mill-avviż ta’ kompetizzjoni li jistabbilixxi li “l-informazzjoni mogħtija mill-kandidati fl-applikazzjoni onlajn tagħhom tiġi vverifikata abbażi tad-dokumenti ġustifikattivi li jkunu pprovdew”.

26      Fis-seba’ lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel distinzjoni, fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni u tal-fondatezza tal-motivi, li jikkonċernaw il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Kummissjoni tara indikazzjoni ta’ dan fil-fatt li, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kriterji ta’ selezzjoni kienu indispensabbli sabiex jiġi evalwat jekk, waqt l-analiżi tal-esperjenza professjonali, il-Bord tal-Għażla kienx “qabeż il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu”. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tqis li l-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata jindikaw li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx immotivata biżżejjed, mhux għaliex ma kinitx tippermetti lill-kandidat ikun jaf ir-raġunijiet tal-esklużjoni tiegħu, iżda għaliex kienet tipprekludih milli jressaq ilmenti oħra dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

27      D. Di Bernardo jikkunsidra l-argumenti kollha mressqa insostenn tal-ewwel aggravju bħala infondati.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

28      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 41 sa 53 tas-sentenza appellata, tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi.

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-aggravji invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata, li hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, fil-każ ta’ kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, il-Bord tal-Għażla huwa awtorizzat jimmotiva b’mod sommarju r-rifjut li jintgħażel kandidat.

31      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw f’kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, il-Bord tal-Għażla jista’, fl-ewwel stadju, jikkomunika biss lill-kandidati l-kriterji u r-riżultat tas-selezzjoni, filwaqt li jipprovdi ulterjorment spjegazzjonijiet individwali lil dawk il-kandidati li jitolbuh espressament (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 27; tad‑9 ta’ Ġunju 1983, Verzyck vs Il‑Kummissjoni, 225/82, EU:C:1983:165, punt 16; tat‑8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, EU:C:1988:119, punt 50, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 1989, Basch et vs Il‑Kummissjoni, 100/87, 146/87 u 153/87, EU:C:1989:97, punt 10).

32      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, essenzjalment, li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma kienx jimponi fuq il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni, f’dan il-każ, piż ta’ xogħol paragunabbli ma’ dak tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni kien intalab jieħu d-deċiżjoni tiegħu wara li l-kandidati kollha kienu diġà pparteċipaw fit-testijiet tad-dħul u tal-eżamijiet, inklużi l-eżamijiet ta’ kompetenzi, u, peress li dawn tal-aħħar ġew ikkoreġuti, il-lista tal-kandidati potenzjali li għaddew kienet diġà ġiet stabbilita. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, f’tali stadju, il-kompitu prinċipali tal-Bord tal-Għażla kellu jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk il-kandidati li għaddew mill-eżamijiet bl-aħjar marki kinux jissodisfaw ukoll il-kundizzjonijiet dwar il-livell ta’ studju tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom kif stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni.

33      Fid-dawl tan-numru probabbilment ridott ta’ kandidati li għaddew minn dawn it-testijiet u eżamijiet mingħajr ma ssodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din il-kompetizzjoni, ma kienx iġġustifikat li dan il-bord tal-għażla sempliċement jimmotiva fil-qosor anki ċ-ċaħda inizjali tal-kandidatura ta’ D. Di Bernardo fis‑27 ta’ Ottubru 2015. A fortiori, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-piż ta’ xogħol ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża sabiex tiġġustifika n-nuqqasijiet tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, indirizzata lill-persuna kkonċernata bi tweġiba għat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid iktar minn sena wara l-iżvolġiment tal-eżamijiet inkwistjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti sabiex tallega li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni kien obbligat jimmotiva ċ-ċaħda tal-kandidatura ta’ D. Di Bernardo biss b’mod sommarju. Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

34      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali tat, b’mod partikolari fil-punti 41, 45 u 50 tas-sentenza appellata, importanza kbira wisq lill-komunikazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni li jippermettu lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni jevalwa l-esperjenza professjonali sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, D. Di Bernardo qatt ma fittex li jkun jaf bihom.

35      Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, anki meta l-Bord tal-Għażla għandu l-obbligu li jipprovdi, inizjalment, biss motivazzjoni sommarja, bħalma huwa l-każ f’kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, din il-motivazzjoni għandha tinkludi l-indikazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni. Għalhekk, il-kriterji ta’ selezzjoni jikkostitwixxu informazzjoni minima li għandha tingħata f’kull każ lill-kandidati sa mhux iktar tard mir-riżultati tal-kompetizzjoni kkonċernata. F’dan il-każ, dawn il-kriterji lanqas ma ġew indikati fir-risposta għat-talba għal eżami mill-ġdid imressqa minn D. Di Bernardo. Issa, l-għarfien tal-imsemmija kriterji seta’ biss jippermetti lill-persuna kkonċernata tifhem kif il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni kien wasal għall-konklużjoni li t-tul tal-esperjenza professjonali rilevanti tagħha kien inqas minn tliet snin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-interess ta’ D. Di Bernardo li jikseb il-komunikazzjoni tagħha ġie ssopravalutat mis-sentenza appellata.

36      Barra minn hekk, ma jistax jiġi raġonevolment mistenni mill-kandidati li jitolbu l-komunikazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni, meta l-eżistenza stess ta’ dawn il-kriterji ma tkunx magħrufa lilhom. F’dan il-każ, il-kriterji ta’ selezzjoni tal-fajls implimentati mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni sabiex jiġi evalwat it-tul tal-esperjenza professjonali rilevanti ma kinux jinsabu fl-avviż ta’ kompetizzjoni u D. Di Bernardo sar jaf bl-eżistenza tagħhom, iżda mhux f’xiex jikkonsistu, biss permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, b’risposta għat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li dawn il-kriterji kellhom jiġu kkomunikati lill-persuna kkonċernata, mingħajr ma jkun meħtieġ li din tagħmel talba għal dan. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

37      Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li kisret, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-fatt li s-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kien jipprekludi l-iżvelar tal-kriterji ta’ selezzjoni li jippermettu l-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali rilevanti deċiżi mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni.

38      Huwa minnu li l-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva mwettqa mill-Bord tal-Għażla waqt l-eżami tal-kompetenzi tal-kandidati huma koperti bis-sigriet inerenti għal dawn ix-xogħlijiet. Min-naħa l-oħra, il-verifika tal-kandidaturi fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni kkonċernata ssir fuq il-bażi ta’ data oġġettiva u barra minn hekk magħrufa minn kull wieħed mill-kandidati f’dak li jikkonċernah. Huwa għalhekk li l-osservanza tas-sigriet marbut max-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla ma tipprekludix li tiġi kkomunikata din id-data oġġettiva u, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ selezzjoni li huma l-bażi tal-għażla tal-kandidaturi, b’mod li l-persuni li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew esklużi jitqiegħdu f’pożizzjoni li jirrikonoxxu l-motivi possibbli tal-eliminazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punti 26 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-ħames parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

39      Permezz tas-sitt parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 49 sa 51 tas-sentenza appellata, li talba għal eżami mill-ġdid mhux preċiża, bħal dik indirizzata minn D. Di Bernardo, kienet tobbliga lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni jipprovdi spjegazzjonijiet iddettaljati. Skont il-Kummissjoni, din il-pożizzjoni għandha l-effett li tittrasferixxi lil dan il-Bord tal-Għażla l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-esperjenza professjonali meħtieġa, filwaqt li l-avviż ta’ kompetizzjoni espliċitament iqiegħed l-oneru ta’ din il-prova fuq il-kandidati.

40      Kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-motivazzjoni ta’ kull att għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni tal-Unjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

41      Għalhekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tissuġġettax l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għat-tressiq ta’ talba kwalunkwe, b’mod partikolari għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni kkonċernata, li barra minn hekk hija fakultattiva, u lanqas a fortiori għall-preċiżjoni suffiċjenti tat-termini ta’ din l-eventwali talba. Dan jgħodd iktar u iktar f’dan il-każ peress li d-deċiżjoni tal-EPSO tas‑27 ta’ Ottubru 2015 ma kienet tipprovdi ebda indikazzjoni li kienet tippermetti lill-persuna kkonċernata tressaq talba għal eżami mill-ġdid iktar iddettaljata. Konsegwentement, is-sitt parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

42      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 48 tas-sentenza appellata li tgħid li mill-kontenut tat-talba għal eżami mill-ġdid imressqa minn D. Di Bernardo jirriżulta li dan injora r-raġunijiet li għalihom l-esperjenza professjonali tiegħu kienet insuffiċjenti. Għandu jiġi nnotat li dan l-argument, li huwa bbażat fuq kritika tal-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, ma huwiex ammissibbli fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-fatti li ma huwiex invokat insostenn ta’ din il-parti (sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, CJ vs ECDC, C‑170/18 P, EU:C:2019:410, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 43 tas-sentenza appellata. Din id-deċiżjoni kienet tindika li, “wara eżami tad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati sabiex jiddokumenta l-esperjenza professjonali [tiegħu] imsemmija fl-entrati 2, 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura [tiegħu], [huwa] kkonkluda li dawn id-dokumenti ma jikkonfermawx li l-esperjenzja professjonali inkwistjoni [tiegħu] kienet marbuta essenzjalment man-natura tal-funzjonijiet, kif meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni”. Fl-imsemmi punt 43, il-Qorti Ġenerali qieset li fl-assenza ta’ informazzjoni addizzjonali, ir-riferiment biss għall-entrati 2, 5 u 6 tal-att tal-kandidatura tiegħu kien jissuġġerixxi li D. Di Bernardo ma kienx irnexxielu juri r-rilevanza tal-esperjenza professjonali tiegħu biss għal dawn it-tliet entrati. Din l-osservazzjoni tista’ tipprevalixxi ruħha mill-kliem stess tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li din tirreferi għall-esperjenza professjonali “inkwistjoni”. Fi kwalunkwe każ, hija taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, li ma huwiex invokat mill-Kummissjoni insostenn ta’ din il-parti. Konsegwentement, din għandha tiġi miċħuda.

44      Permezz tas-seba’ parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tagħmel distinzjoni, fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, bejn ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni u l-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jikkonċernaw il-legalità fil-mertu ta’ din tal-aħħar. Madankollu, mill-qari ta’ dawn il-punti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tagħmel distinzjoni ta’ dawn il-motivi distinti, iżda fakkret biss li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha b’mod partikolari l-għan li tqiegħed il-motivi ta’ din id-deċiżjoni għall-attenzjoni tad-destinatarju tagħha sabiex ikun jista’ jevalwa l-fondatezza tagħhom u kkonstatat li, f’dan il-każ, il-motivi taċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu ma kinux ġew ikkomunikati lill-kandidat bi preċiżjoni suffiċjenti. Din il-parti għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

46      It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żewġ żbalji ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 37, 38 u 53 sa 56 tas-sentenza appellata, billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni addizzjonali tad-deċiżjoni kontenzjuża li hija pprovdiet matul il-kawża.

47      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li kien impossibbli li tiġi kkompletata l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni fil-mori tal-kawża, mhux biss fil-każ ta’ assenza totali, iżda wkoll fil-każ ta’ assenza “kważi totali” ta’ motivazzjoni. Il-kunċett ta’ assenza “kważi totali” ta’ motivazzjoni huwa, barra minn hekk, konfuż u kontradittorju.

48      Skont it-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li r-rwol tal-qorti jimponi fuq din tal-aħħar li tfittex ex officio jekk l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni. Skont dan ir-rwol, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ motivazzjoni prodotti fil-mori tal-kawża u li tikkonstata li dawn l-elementi kienu jneħħu kull fondatezza tal-aggravju li fuqu huwa bbażat il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Hija biss assenza totali ta’ motivazzjoni li ma tistax tkun koperta fil-mori tal-kawża.

49      D. Di Bernardo jikkontesta dan l-argument.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 37 u 38 tas-sentenza appellata, irrestrinġiet il-fakultà li tikkompleta motivazzjoni insuffiċjenti wara l-preżentata tar-rikors, billi ddeċidiet li din il-possibbiltà kienet eskluża mhux biss fil-każ ta’ assenza totali ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, iżda wkoll fil-każ ta’ assenza kważi totali ta’ motivazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-kunċett, mhux previst mill-ġurisprudenza, ta’ “assenza kważi totali” ta’ motivazzjoni huwa kontradittorju u impossibbli li jiġi ddefinit.

51      Kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni u li tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħha. Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u li l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22; tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 463, kif ukoll tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149).

52      Madankollu, mhux fil-każ ta’ assenza, iżda ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, spjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedura jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jirrimedjaw għal din l-insuffiċjenza, b’tali mod li l-motiv ibbażat fuq din tal-aħħar ma jiġġustifikax iktar l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, EU:C:1988:119, punt 52, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 51).

53      Għalhekk, meta, fl-okkażjoni ta’ kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata ma tkunx f’pożizzjoni, mill-perspettiva prattika, li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti lil kull kandidat fiż-żmien mitlub, hija tkun tista’, b’mod kompletament derogatorju, tipproduċi provi quddiem il-qorti tal-Unjoni, bħalma huma l-minuti tal-Bordijiet tal-Għażla (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 57).

54      Kif diġà ġie indikat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni, minn naħa, għandu juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, li tkun adottat l-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha u, min-naħa l-oħra, għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-aggravji invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, huwa fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-rekwiżit u tal-elementi kollha mfakkra iktar ’il fuq li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tista’ b’mod partikolari tiġi kkunsidrata bħala assenti jew insuffiċjenti.

55      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-assenza ta’ motivazzjoni tista’ tiġi kkonstatata anki meta d-deċiżjoni inkwistjoni tinkludi ċerti elementi ta’ motivazzjoni. Għalhekk, motivazzjoni kontradittorja jew li ma tinftiehemx hija ekwivalenti għal assenza ta’ motivazzjoni (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 151, 168 u 170, kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Debonair Trading Internacional vs EUIPO, C‑537/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:814, punt 36). L-istess japplika meta l-elementi ta’ motivazzjoni li jinsabu fid-deċiżjoni inkwistjoni jkunu tant lakuni li bl-ebda mod ma jippermettu lid-destinatarju tagħha, fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha, li jifhem ir-raġunament tal-awtur tagħha. Huwa għalhekk li l-eżistenza ta’ bidu ta’ motivazzjoni hija s-suġġett ta’ evalwazzjoni ddettaljata mill-qorti tal-Unjoni, meta din għandha tiddeċiedi jekk motivazzjoni addizzjonali hijiex ammissibbli fil-mori tal-kawża (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punti 54 u 55).

56      Konsegwentement, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-assenza ta’ motivazzjoni jista’ jkopri każijiet oħra minbarra dak tan-nuqqas totali ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, meta semmiet dawn l-ipoteżijiet bl-espressjoni ta’ “assenza kważi totali ta’ motivazzjoni”, il-Qorti Ġenerali la wettqet żball ta’ liġi u lanqas kisret il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

57      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni komplementari li hija pprovdiet fil-mori tal-kawża dwar il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża u li kkonstatat li l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kien, konsegwentement, infondat. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ ex officio jekk l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata ssodisfatx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

58      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, la jeżisti dritt tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jirregolarizzaw quddiem il-qorti tal-Unjoni d-deċiżjonijiet tagħhom insuffiċjentement immotivati, u lanqas obbligu ta’ din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet komplementari pprovduti biss fil-mori tal-kawża mill-awtur tal-att inkwistjoni sabiex tevalwa l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, stat simili tad-dritt jirriskja li jdgħajjef it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni, li jdgħajjef l-istħarriġ tal-legalità u li jiġi kompromess l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali.

59      Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali, bħal b’mod partikolari dak imsemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li fih irriżulta li l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata kienet tinsab fl-impossibbiltà prattika li timmotiva suffiċjentement skont il-liġi d-deċiżjoni kontenzjuża, li l-motivazzjoni tista’ tiġi kkompletata bi spjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtur tal-att matul il-kawża. Madankollu, anki f’dawn il-każijiet rari, ir-regolarizzazzjoni tal-att li ma huwiex suffiċjentement immotivat minn spjegazzjonijiet mogħtija wara l-preżentata tar-rikors ma hijiex awtomatika. Fil-fatt, fid-dawl tal-iżbilanċ bejn il-partijiet li tista’ toħloq il-komunikazzjoni tardiva tal-motivi tal-att ikkontestat, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika wkoll, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk id-deċiżjoni li taċċetta, eċċezzjonalment, il-motivazzjoni komplementari għandhiex ir-riskju li tikser id-drittijiet tad-difiża. F’dan ir-rigward, hija għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-istadju tal-proċedura li fiha ngħataw l-ispjegazzjonijiet mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata u li tiżgura ruħha li l-persuna kkonċernata kienet effettivament f’pożizzjoni li tirrispondihom.

60      Fi kwalunkwe każ, fil-każ ta’ assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-istituzzjoni li tkun adottata ma tistax tkopri tali difett billi tipprovdi din il-motivazzjoni quddiem il-qorti, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ motivazzjoni pprovduti mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

61      Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

62      L-appell, għalhekk, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub minn D. Di Bernardo.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.