Language of document : ECLI:EU:F:2016:180

DIGRIET TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(L-Ewwel Awla)

20 ta’ Lulju 2016

Kawża F‑67/11 DEP

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, imressqa mill-Kummissjoni Ewropea sussegwentement għad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F‑67/11, EU:F:2013:65), kif ukoll għad-digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-16 ta’ Novembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F‑67/11 R, EU:F:2011:184).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati minn Luigi Marcuccio lill-Kummissjoni Ewropea bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑67/11, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża F‑67/11 R, huwa ffissat fis-somma ta’ EUR 6 500. Is-somma msemmija hija suġġetta għal interessi moratorji b’effett mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-pagament, bir-rata kkalkolata fuq il-bażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli fl-ewwel jum tax-xahar ta’ meta jkun dovut il-pagament, miżjuda bi tliet punti u nofs.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Kunċett – Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha – Inklużjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 105(c))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Intaxxar imwettaq fuq il-bażi ta’ indikazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-parti li tressaq it-talba jew, fl-assenza ta’ tali indikazzjonijiet, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ġusta mill-qorti tal-Unjoni – Natura fissa tar-remunerazzjoni ta’ vukat – Assenza ta’ impatt fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 105(c))

1.      Mill-Artikolu 105(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet.

Meta jiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni tad-digriet għall-intaxxar tal-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli li jirrigwardaw il-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż.

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, l-istituzzjonijiet huma liberi li jużaw l-assistenza ta’ avukat. Għaldaqstant, ir-rermunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar tidħol fil-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli esposti għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni jkollha obbligu li turi li tali assistenza kienet oġġettivament ġustifikata. Għalhekk, għalkemm il-fatt li l-Kummissjoni involviet żewġ aġenti u avukat estern fil-kawża prinċipali u fil-kawża dwar miżuri provviżorji ma għandux konsegwenza fuq in-natura potenzjalment li jistgħu jinġabru ta’ dawn l-ispejjeż, peress li ma hemm xejn li jippermetti li jiġu esklużi bħala prinċipju, dan il-fatt jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jinġabru.

(ara l-punti 25, 28 u 29)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digrieti tat-23 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑498/09 P-DEP, EU:T:2012:147, punti 15 u 20, u tat-28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑278/07 P-DEP, EU:T:2013:269, punt 14

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tas-26 ta’ April 2010, Schönberger/Parlement, F‑7/08 DEP, EU:F:2010:32, punt 23

2.      Il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex is-setgħa li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, imma għandha s-setgħa li tiddetermina l-ammont sa liema dawn ir-remunerazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi dwar it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tiffissa l-onorarji tal-avukati u lanqas eventwali ftehim konkluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti għandha tevalwa liberament l-informazzjoni tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-konsulenti li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima rrappreżentat għall-partijiet.

Sabiex tiġi evalwata, fuq il-bażi tal-imsemmija kriterji, in-natura indispensabbli tal-ispejjeż effettivament sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, indikazzjonijiet preċiżi għandhom jiġu pprovduti mill-parti li tkun ressqet it-talba. Fl-istess sens, in-natura fissa tar-reumerazzjoni ma għandha l-ebda impatt fuq l-evalwazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-ammont li jista’ jinġabar bħala spejjeż, peress li l-qorti tibbaża ruħha fuq kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza u l-indikazzjonijiet preċiżi li l-partijiet għandhom jipprovdulha. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku milli jiffissa, abbażi ta’ evalwazzjoni ġusta, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, din l-assenza madankollu tqiegħdu f’sitwazzjoni li jwettaq evalwazzjoni neċessarjament stretta għal dak li jikkonċerna t-talbiet tal-parti li tkun ressqet it-talba.

(ara l-punti 26, 27, 32 u 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja : digriet tas-17 ta’ Frar 2004, DAI vs ARAP et, C‑321/99 P-DEP, EU:C:2004:103, punt 23

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digrieti tal-31 ta’ Marzu 2011, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T‑5/02 DEP u T‑80/02 DEP, EU:T:2011:129, punt 68, u tat-28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑278/07 P-DEP, EU:T:2013:269, punt 16

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku : digrieti tal-10 ta’ Novembru 2009, X vs Il-Parlament, F‑14/08 DEP, EU:F:2009:149, punt 22 ; tas-26 ta’ April 2010, Schönberger vs Il-Parlament, F‑7/08 DEP, EU:F:2010:32, punt 24, u tas-27 ta’ Settembru 2011, De Nicola vs Il-BEI, F‑55/08 DEP, EU:F:2011:155, punti 40 u 41