Language of document : ECLI:EU:F:2011:122

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

19 ta’ Lulju 2011

Kawża F-105/10

Eberhard Bömcke

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

“Intervent — Inammissibbiltà tat-tilwima fil-kawża prinċipali — Locus standi in judicio — Suġġett tal-intervent — Interess li jsir intervent — Riżenja mhux volontarja ta’ rappreżentant tal-persunal — Mandat ad litem”

Suġġett:      Rikors ippreżentat kemm skont l-Artikolu 270 TFUE kif ukoll skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li permezz tiegħu M. Bömcke jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni, tat-12 ta’ Ottubru 2010, li timponilu riżenja mhux volontarja mill-kariga tiegħu ta’ rappreżentant tal-persunal.

Deċiżjoni:      It-talba għal intervent tal-Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) hija miċħuda. J‑P Bodson, E. Kourgias, M. Sutil u P. Vanhoudt huma ammessi jintervjenu fil-Kawża F‑105/10, Bömcke vs BEI, insostenn tat-talbiet tal-BEI. It-talbiet sabiex ċerti atti jew partijiet ta’ atti tal-proċess prodotti minn E. Bömcke u mill-BEI jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali huma provviżorjament aċċettati. Ir-Reġistratur għandu jibgħat lill-partijiet ammessi li jintervjenu verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ kull att proċedurali nnotifikat lill-partijiet. Għandu jiġi ffissat terminu sabiex il-partijiet ammessi li jintervjenu jippreżentaw l-eventwali eċċezzjonijiet tagħhom fir-rigward tat-talba għal trattament kunfidenzjali. Id-deċiżjoni fuq il-mertu ta’ din it-talba hija rriżervata. Għandu jiġi ffissat terminu sabiex il-partijiet ammessi li jintervjenu jippreżentaw nota ta’ intervent, bla ħsara għall-possibbiltà li, jekk ikun hemm bżonn, din tiġi kkompletata iktar ’il quddiem wara li tittieħed deċiżjoni fuq il-mertu tat-talba għal trattament kunfidenzjali. Il-Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal tal-BEI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. L-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċedura — Intervent — Effetti tal-inammissibbiltà tar-rikors prinċipali

2.      Proċedura — Talba għal intervent — Rekwiżiti proċedurali — Talbiet intiżi insostenn jew sabiex jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrent

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 109(2)(e) u 110(4))

3.      Proċedura — Intervent — Persuni kkonċernati — Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Nuqqas ta’ locus standi in judicio — Inammissibbiltà

4.      Proċedura — Intervent — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Interess dirett u attwali — Kawżi dwar l-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-persunal ta’ istituzzjoni — Kwalità ta’ elettur

1.       Għalkemm talba għal intervent tista’ tiġi miċħuda meta rikors prinċipali huwa tali li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ma tinbeda d-diskussjoni fuq il-mertu, din is-soluzzjoni hija msejsa fuq il-premessa li r-rikors prinċipali huwa manifestament inammissibbli.

(ara l-punt 6)

2.      Il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ talba għal intervent huma elenkati fl-Artikolu 109 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fejn l-Artikolu 109(2)(e) jipprovdi li t-talba għal intervent għandha tinkludi t-talbiet tal-intervenjent intiżi insostenn jew sabiex jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrent. Peress li l-Artikolu 109 tal-imsemmija regoli ma jimponix li l-intervenjent għandu jesponi motivi u argumenti insostenn tat-talbiet tiegħu, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li teżiġi biss li t-talba tkun tinkludi, mill-perspettiva formali, l-indikazzjoni tal-parti li insostenn tagħha l-intervenjent jixtieq jintervjeni. Min-naħa l-oħra, ladarba l-intervent jiġi ammess, it-talbiet tal-intervenjent jistgħu jiġu ddikjarati inammissibbli, abbażi tal-Artikolu 110(4) tal-imsemmija regoli tal-proċedura, minħabba li fil-verità dawn ma humiex intiżi insostenn, totalment jew parzjalment, tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet.

(ara l-punt 8)

3.      Terz jista’ jiġi ammess jintervjeni biss jekk huwa jkollu locus standi in judicio. Fir-rigward ta’ persuni oħra għajr persuni fiżiċi, bħall-Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal tal-Bank Ewropew għall-Investiment, il-qorti tista’ tirrikonoxxilhom locus standi in judicio jekk dawn ikollhom jew personalità ġuridika bis-saħħa tad-dritt applikabbli għall-istabbiliment tagħhom jew, minn tal-inqas, elementi li jiffurmaw il-bażi ta’ personalità ġuridika, b’mod partikolari, awtonomija u responsabbiltà, anki jekk limitata.

Anki jekk ir-regolamenti applikabbli għall-Bank Ewropew tal-Investiment jirrikonoxxu l-eżistenza tal-Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal, minn dawn l-istess regolamenti jirriżulta li l-imsemmi kulleġġ jassumi l-funzjonijiet iddelegati, fl-istituzzjonijiet suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal, lill-Kumitat tal-Persunal. Issa, Kumitat tal-Persunal ta’ istituzzjoni għandu l-istatus ta’ korp intern u għalhekk ma għandux locus standi in judicio. Peress li ebda dispożizzjoni applikabbli għall-Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal ma tiġġustifika li fir-rigward tiegħu jiġi deċiż mod ieħor, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmi kulleġġ ma għandux locus standi in judicio.

(ara l-punti 14 sa 16)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Novembru 1963, Lassalle vs Il‑Parlament, 15/63, punt 3; 8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale – Servizz pubbliku Ewropew et vs Il‑Kunsill, 175/73, punt 9; 28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni, 135/81, punt 9

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 1996, Sinochem Heilongjiang vs Il‑Kunsill, T‑161/94, punt 31

4.      F’dak li jirrigwarda l-korpi ta’ rappreżentanza tal-persunal ta’ istituzzjoni, kull elettur għandu interess dirett u attwali li jara li l-elezzjonijiet jiżvolġu f’kundizzjonijiet u abbażi ta’ sistema elettorali konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalihom hija suġġetta l-proċedura elettorali f’dan il-qasam, liema interess iwassal neċessarjament għall-interess fl-osservanza tat-tul tal-mandati tar-rappreżentanti eletti, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li t-tmiem tal-mandat ta’ rappreżentant tal-persunal iwassal, bħala prinċipju, għall-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet. Għalhekk, fil-kawżi dwar ir-riżenja mhux volontarja ta’ rappreżentant tal-persunal, membru tal-persunal igawdi, mill-kwalità tiegħu ta’ elettur, minn interess ġuridiku suffiċjenti sabiex tkun iġġustifikata l-ammissibbiltà ta’ rikors jew ta’ intervent. Is-sempliċi status ta’ elettur tal-persuna kkonċernata huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li huwa ma huwiex qed jaġixxi biss fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjoni.

(ara l-punti 23 u 24)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Ottubru 2007, Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, F‑71/05, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata